It-telf tal-ilma jonqos drastikament
Intervista ma’ William Wait, Chairman u Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma
minn Frederick Attard
William Wait jemmen li, kif jgħid il-Malti, ix-xogħol hu s-salmura tal-ġisem. Jemmen li x-xogħol jagħti d-dinjità lill-bniedem u għalhekk importanti li min iħaddem għandu jipprovdi ambjent tajjeb tax-xogħol għal ħaddiema. Aktar ma jkollok ambjent tax-xogħol b’saħħtu, aktar ikollok ħaddiema li jrendu lura fil-qadi ta’ dmirijiethom. Kburi li ġej minn naħa t’isfel ta’ Malta u waħda mill-prijoritajiet tiegħu fil-ħajja hi li jgħin lil individwi li jemmnu fil-ħiliet u kapaċitajiet tagħhom infushom.
Wara karriera ta’ 23 sena f’karigi għolja fis-settur privat tal-manifattura ftit xhur ilu ħadt l-inkarigu ta’ ċermen u Kap Eżekuttiv ta’ din il-korporazzjoni. Kif kienet it-tranżizzjoni mis-settur privat għas-settur pubbliku?
23 sena huma ħafna u naħseb li anke kieku biddilt mill-privat għall-privat kien ikolli xi mumenti ta’ ħsieb aħseb u ara li tibdel mill-privat għas-settur pubbliku fejn kulħadd jimlielek rasek li se jkollok ħafna ndħil politiku. Jien irrid nistqarr li m’għandi ebda ndħil mill-Ministru Konrad Mizzi u mhux talli hekk, talli ġieli nkun jien stess li nħoss li l-kontribut tiegħu jkun siewi. Napprezza wkoll li sibt ħafna ħaddiema hawnhekk li jridu jaħdmu u li jqisu dan il-post bħala t-tieni dar tagħhom. Dan minnu nnifsu jsaħħaħ it-tim kbir li jifforma din il-korporazzjoni u lili jagħtini aktar enerġija. Fil-fatt meta dħalt hawn, kien hemm qbil kollettiv li kien ilu skadut tliet snin. Tajt il-prijorità li kien hemm bżonn u f’temp ta’ xahrejn għalaqnieh u biex allura nikkonkludi fuq din id-domanda, ħsibt li t-tranżizzjoni se tkun aktar diffiċli milli fil-fatt kienet u ninsab kuntent ferm.
Dan ir-rwol li int tinsab fih illum ilu jbiddel kapijiet, x’tikkummenta?
Iva. Ir-rwol li għandi jien jikkombina żewġ irwoli li fihom qabel kien hawn l-Inġinier Frederick Azzopardi u Tony Meilaq. Azzopardi nafu ftit għax tani l-handover imma Tony Meilaq qatt ma ltqajt miegħu għalkemm naf min hu. L-Inġinier Azzopardi ċċaqlaq biex mar l-Enemalta fejn qed jagħmel xogħol imprezzabbli però ma dħaltx fil-merti ta’ għaliex dawn iż-żewġ persuni ċċaqilqu minn hawn. L-ARMS però hija storja oħra fejn għandek lil kulħadd jispara lejn din il-kumpanija u ssib ħafna nies li jaċċettaw dak li tagħmel l-Enemalta jew il-korporazzjoni tal-Ilma imma mhux l-istess meta jisimgħu l-isem tal-ARMS.
Imma int qiegħed hawn biex tibqa’, mhux hekk?
Iva dak hu l-għan tiegħi. Qsamt il-linja bejn is-settur privat għas-settur pubbliku għax nemmen li nista’ nikkontribwixxi l-esperjenzi tiegħi fuq livell nazzjonali. Il-prijoritajiet tiegħu huma li l-korporazzjoni tibqa’ miexja ’l quddiem billi nkomplu nitħarrġu u nitgħallmu minn esperti barranin filwaqt li l-esperjenza li diġà għandna f’dan il-qasam nesportawha lejn pajjiżi li għadhom qegħdin isaħħu s-sistemi tal-produzzjoni u distribuzzjoni tal-ilma f’pajjiżhom. Għal ċerta pajjiżi, l-esperjenza ta’ Malta hi prezzabbli.
Ftit tal-jiem ilu, l-Ministru Konrad Mizzi qal li l-Gvern Laburista wiret korporazzjoni b’dejn ta’ €62 miljun mal-banek lokali u €40 miljun oħra dovuti lill-Bank tal-Investiment Ewropew. Issa nafu li s-sena li għaddiet il-Korporazzjoni għamlet profitt ta’ madwar €3 miljuni meta l-amministrazzjoni preċedenti pproġettat telf ta’ €5 miljuni. Kif wasaltu biex sar dan il-profitt?
Li nista’ ngħidlek hu li l-kontijiet awditjati juru li fl-2012 kien hemm telf ta’ €2.8 miljun. U l-istimi tal-2013 juru profitt ta’ €5 miljuni. Waħda mir-raġunijiet ta’ dan is-suċċess ġejja minn effiċjenzi li rnexxilna nilħqu mill-mod kif niġġeneraw l-ilma.
Nagħtik eżempju. Fl-1995 konna niġġeneraw 4,000 metru kubu ta’ ilma fis-siegħa li tiegħu ma konniex niġbru ebda ħlas. Dan għaliex jew kien jinsteraq, jew jinħela jew kien jintuża f’funtani. Dak l-ilma aħna nsejħulu Non Revenue Water. Fl-2013, il-volum ta’ Non Revenue Water niżel minn 4,000 metru kubu għal 450 metru kubu fis-siegħa. Dan ifisser li qabel kellna 5 impjanti tar-reverse osmosis f’pajjiżna jaħdmu b’kapaċità massima. Illum għandna biss 3 impjanti tar-reverse osmosis u li b’kapaċità ta’ biss 60% qed jipproduċu biżżejjed ilma għal ħtiġijiet ta’ pajjiżna. Dan kollu grazzi għall-effiċjenzi li għamilna matul l-aħħar snin permezz ta’ tim ta’ ħaddiema u inġiniera u li fosthom hemm l-inġinier Stefan Riolo li hu meqjus bħala espert mondjali fl-immaniġġjar tal-ħela tal-ilma. Riolo kien il-moħħ wara din is-sistema ta’ effiċjenzi u issa hemm il-ħsieb li din l-istess sistema nirreplikawha f’pajjiżi oħra. Qed nipproduċu ilma li hu ċċertifikat 100% tajjeb għax-xorb u għalkemm għad fadal xi ftit x’nirranġaw fit-togħma, bi pjaċir ngħidlek li qed naħdmu ma’ esperti Iżraeljani biex anke ntejbu t-togħma tal-ilma tagħna.
Id-drenaġġ inkluż ukoll f’dan kollu?
Iva hemm ukoll it-trattament tad-drenaġġ fl-effiċjenzi tagħna. Irrid inżid però li għad fadal numru ta’ nies li jabbużaw mid-drenaġġ u dak li jitfgħu fih. Sibna u għadna nsibu minn kollox. Anke annimali domestiċi li jkunu fid-djar jispiċċaw jintefgħu fid-drenaġġ meta jmutu. L-abbuż tan-nies li jiftħu tappieri u jarmu d-drenaġġ hu wieħed ta’ min jikkundannah. Dan jinkludi anke postijiet ta’ divertiment bħal ristoranti li meta jgħalqu jiftħu t-tappieri u jarmu ż-żjut użati fid-drenaġġ. Iżda mbagħad dawn huma l-istess nies li jkunu pronti jċemplu biex igergru meta jinstadd kollox! Il-ħsarat fis-sistemi tad-drenaġġ tagħna jsiru propju minħabba t-traskuraġni u nuqqas ta’ responsabbiltà ta’ dawn in-nies. Il-ħaddiema tagħna jinżlu sa għaxar sulari taħt l-art biex isewwu u jnaddfu d-drenaġġ u hawnhekk irrid nirringrazzjahom ta’ ħidmiethom. Mhux faċli li wieħed jaħdem f’dak l-ambjent taħt l-art u fid-drenaġġ.
X’inhuma l-proġetti futuri li qed tħares lejhom il-korporazzjoni?
F’dawn is-sentejn li ġejjin hemm numru ta’ proġetti li huma ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea. Fost dawn hemm l-impjanti għat-trattament tad-drenaġġ. Dawn kollha se jsiru minn fondi tal-Unjoni Ewropea li kienu se jintilfu mill-amministrazzjoni preċedenti. B’dawn il-fondi se jkollna t-tieni proċess ta’ tindif tal-ilma tad-drenaġġ li flok jintrema se jkun jista’ jintuża mill-industrija bħala ilma tat-tieni klassi.
Ftit tal-jiem ilu waqt il-Konferenza tal-Bank Dinji f’Malta ngħad li l-korprazzjoni qed tevalwa l-possibiltà ta’ servizzi ġodda barra minn Malta. X’inhuma dawn is-servizzi?
Bħalissa ffirmajna żewġ ftehimiet li huma sponsors mill-bank dinji. Dawn huma mat-Tuneżija u l-Palestina. Dan ifisser li l-ftehim tagħna hu ma’ korporazzjonijiet tal-ilma f’pajjiżi oħra sabiex aħna nipprovdulhom is-servizz miftihem u li finalment aħna niġu mħallsa tax-xogħol li nkunu għamilna mill-bank dinji. Fil-każ tat-Tuneżija qed ngħinuhom jifformulaw it-tenders u l-oħra hi li se nesportaw l-esperjenza tagħna fl-immaniġġjar tal-ħela tal-ilma fejn il-proċess se jibda bi studji u wara jkompli bl-implimentazzjoni tal-proġett. Fir-rigward tal-Palestina dawn se jibagħtu xi nies tagħhom hawnhekk sabiex jitgħallmu u jiksbu l-ħiliet li għandhom bżonn. Aħna għandna l-Water Services Institute li għal xi snin kien tħalla mingħajr attenzjoni iżda llum dan l-institute huwa mimli attività u li se jkun iċ-ċentru fejn dawn in-nies se jirċievu t-taħriġ meħtieġ.
L-oppożizzjoni Nazzjonalista qed tikkritika b’mod qawwi l-mod kif il-Gvern qed jaħtar maniġers u persuni oħra f’karigi għolja fi ħdan il-korporazzjoni u li dan se jiswa €800,000 iżjed f’pagi f’sentejn. Dan minnu?
Iva qed isiru mpjiegi ta’ nies imma tajjeb niċċara li qed nimpjegaw nies li għandhom ħiliet speċifiċi u li l-kontribut tagħhom hu intenzjonat biss biex il-korporazzjoni tkompli miexja ’l quddiem u għall-ebda raġuni oħra. Il-pagi ta’ dawn l-individwi mhumiex dawk il-pagi għolja li saret referenza għalihom imma huma pagi li jirriflettu l-kapaċità u r-responsabbiltà ta’ kull individwu. Ma rridux ninsew li l-korporazzjoni għandha dik li hi magħrufa bħala ‘aging workforce’, jiġifieri hemm numru ta’ mpjegati anzjani li waslu biex jirtiraw u li mhumiex forsi daqshekk intiżi mal-prattiċi tax-xogħol tal-lum li huma aktar teknoloġiċi. U dawn ukoll, meta jispiċċaw, jinbidlu b’oħrajn u bħalissa hemm ir-reklutaġġ miftuħ li b’kollox se jinvolvi xi 70 ruħ.
Semmejt l-Institute li reġa’ ġie attivat kif ukoll il-fatt li qed jinbidlu l-ħaddiema anzjani li qed jirtiraw. Qegħdin tikkunsidraw li tattiraw żgħażagħ li bħalissa jkunu qed jistudjaw l-MCAST?
Iva dan huwa punt li diġà ddiskutejna u lħaqna qbil mal-MCAST u l-ftehim mistenni jkun iffirmat fil-ġimgħat li ġejjin. Hemm ħafna sinerġija bejn l-MCAST u l-Institute tagħna kif ukoll fl-MCAST hemm numru ta’ għalliema li kienu jiffurmaw parti mill-korporazzjoni tagħna u għalhekk nafu li t-tagħlim se jkun l-aqwa li jista’ jingħata. Aħna miftuħin biex niddiskutu ma’ kulħadd dejjem fl-aħjar interess tal-korporazzjoni li finalment qiegħda hawn biex tipproduċi l-ilma, sors li hu imprezzabbli f’ħajjitna.