"Kulħadd jaf għaliex illum ninsab diżappuntat"
Josie jiddeskrivi ħajtu bħala ħajja mħawra waħda sew b’episodji li tawh kemm sodisfazzjon kif ukoll episodji ta’ mrar. Ħajja li dejjem kienet imsejsa fuq l-imħabba lejn il-familja kif ukoll lejn din il-gżira ċkejkna jisimha Malta.
minn Frederick Attard
Ilek tabib għal dawn l-aħħar 47 sena, kif inbidlet il-professjoni matul dawn is-snin?
Il-professjoni medika nbidlet mil-lejl għan-nhar. Illum il-mediċina hija ħafna aktar avvanzata milli kienet qabel però meta konna naħdmu bl-għodda li kellna, naħseb li konna nħaddmu iktar moħħna, għajnejna u rasna biex naslu għad-dijanjosi fuq il-pazjent għax ma kellniex l-avvanzi li għandna llum. Illum naħseb li morna għall-estrem l-ieħor fejn qed nistrieħu aktar fuq il-magni u testijiet. Barra minn hekk, issa dħalna fl-era fejn tobba jispeċjalizzaw f’iktar dettall u allura għandek numru ta’ speċjalisti fejn kulħadd jifhem fis-settur tiegħu biss. Ħafna drabi l-pazjent jispiċċa għaddej mingħand konsulent għall-ieħor filwaqt li l-affarijiet ikomplu jikkumplikaw. Kważi nasal biex ngħid li llum qed nesaġeraw fuq l-użu tal-magni u testijiet u m’hemmx daqstant kordinament bejn l-ispeċjalisti.
Kulħadd jaf għaliex illum ninsab diżappuntat Josie Muscat
Apparti l-professjoni medika int kellek passjoni kbira lejn il-politika u kulħadd jaf it-twemmin politiku tiegħek. Illum ftit li xejn għadna nisimgħuk tesprimi xi opinjoni, għaliex?
Politikament illum qtajt qalbi. Mill-kitba li kont nikteb fil-passat kulħadd jaf għaliex illum ninsab diżappuntat. Jien ktibt ħafna u esprimejt ruħi kemm-il darba fuq dan is-suppost avvanz u progress, li llum nafu li mhu xejn ħlief rigress kbir u li qed iġib ħafna sofferenzi fuq żgħażagħ u familji. Ħaġa oħra li jien dejjem stinkajt fuqha kien in-Nofsinhar ta’ Malta fejn ħriġt anke għall-Kunsill Lokali bl-iskop li ngħin l-iżvilupp ta’ din iż-żona imma naturlament dan l-avvanz qatt ma ġara. U meta fl-2008 ħriġna bil-Partit Azzjoni Nazzjonali kien flopp għax in-nies ma kinux interessati ħlief li jibqgħu marbutin maż-żewġ partiti allura minn hemm jien iddeċidejt li ‘I’ll call it a day’. Il-gvern preżenti poġġieni fuq bord immexxi minn Silvio Parnis għall-iżvilupp tan-Nofsinhar u qed nagħti l-kontribut tiegħi sa fejn nista’. Jidher li Silvio għandu ħafna enerġija fih u jien u hu naħdmu sew flimkien u allura wieħed jispera li dak li qed nippruvaw nagħmlu jħalli l-frott mixtieq. Jien il-politika kont inħobbha ħafna, iddedikajt ħafna minn ħajti għall-politika u saħansitra ssugrajt ħajti u llum nirrassenja ruħi billi ngħid li jien tajt dak li stajt però jekk kemm-il darba jkun hemm xi ħaġa fejn nista’ ngħin lill-pajjiżi, jiena lest li ngħin.
Jista’ jkun li ħafna mill-kritika li kont taqla’ mill-mezzi tax-xandir kienet propju għall-mod, forsi xi ftit goff, ta’ kif kont tesprimi ruħek jew il-mod kif ġieli poġġejt il-kliem?
Iva, illum meta nħares lura, m’hemmx dubju li fil-politika trid tkun makakk u trid toqgħod ħafna attent minn dak li tgħid u kif tgħidu għaliex il-mezzi tax-xandir dejjem lesti biex ifittxu dak il-‘punto e virgola’ biex timla u tikkritika jew anke tkissrek jekk ma taqbilx miegħek. Illum però, kieku hemm min verament irid jara jien x’kont nikteb u x’kont ngħid, jara li forsi anke jekk jien kont xi darba goff fil-mod kif tkellimt, wieħed isib li fil-ħsieb tiegħi jiena dejjem kont ġenwin.
Fl-1992 waqqaft l-Eden Foundation u għal 15-il sena ħdimt sabiex tagħti futur aħjar lil tfal u żgħażagħ b’diżabbiltà fiżika u intellettwali sakemm fl-2007 irriżenjajt biex terġa’ toħroġ għal politika bil-Partit Azzjoni Nazzjonali. Jiddispjaċik li għamilt dak il-pass?
Meta waqqaft l-Eden ridt li nerfa’ ’l fuq is-servizzi tad-diżabbiltà fejn anke wasalna biex illum f’pajjiżna għandna nies b’diżabbiltà jaħdmu u kif ukoll jirċievu r-rispett li jistħoqqilhom mis-soċjetà. Ma tlaqtx għax kont xbajt imma għax ħassejt li kien hemm għajta biex jien nerġa’ nidħol fil-politika u jien il-politika, kif għidt u nibqa’ ngħid, inħobbha tant li għadni sal-lum ninteressa ruħi fiha. Illum nagħraf li kienet kalkulazzjoni ħażina kbira min-naħa tiegħi u li qrajt il-polz tan-nies ħażin għax għalkemm kulħadd kien jitkellem fuq il-bżonn ta’ partit ieħor, ħadd ma kien lest li jiċċaqlaq mit-tribu aħmar jew blu li kien jappartjeni fih. Spiċċajt tlift l-Eden Foundation u tlift il-politika. Meta nħares lura jiddispjaċini għax l-Eden ma baqgħetx miexja fuq l-istess binarji li kelli f’moħħi u fejn xtaqt inwassalha jien.
Imma l-volontarjat għadek tħobbu għax sa ftit ilu mort tagħmel xogħol volontarju fil-Kenja…
Aħna ninsabu maqbudin f’din id-dinja mħawda mexjin mingħajr direzzjoni Josie Muscat
Jien għalhekk ngħid li ħajti kienet imħawra ħafna u llum għalkemm għandi 71 sena u m’għandix l-Eden Foundation u m’għandix politika, però jien immexxi dan in-negozju bħala ċermen tal-isptar Saint James fejn inħaddem ’il fuq minn 400 ruħ li mhijiex ċajta. Apparti Malta għandi n-negozju tal-isptar fil-Libja fejn kulħadd jaf bil-problemi li hemm bħalissa u għandi klinika oħra f’Budapest, l-Ungerija jiġifieri għandi ħafna x’nagħmel u fuq xiex inħabbel rasi.
Imma qed tikkunsidra li tagħmel xi xogħol ieħor ta’ volontarjat din is-sena?
Le m’għandix ċans. Bħalissa moħħi impenjat fuq dan in-negozju fejn għad għandi ħafna proġetti li nixtieq nagħmilhom speċjalment fil-qasam tas-saħħa u naħseb li għandi platt mimli mhux ħażin quddiemi.
Qed tirreferi għal ħolma tiegħek li tibni sptar ġdid f’Ħal Tarxien?
Iva, l-isptar ta’ Ħal Tarxien jibqa’ ħolma għax s’issa għaddew għaxar snin nistennew quddiem il-MEPA biex jagħtuna l-permess biex nibnu dan l-isptar. Dejjem isibu xi ħaġa però l-isptar ta’ Ħal Tarxien hija ħolma li nixtieq naraha titwettaq sabiex tgħolli ’l fuq il-profil tan-Nofsinhar ta’ Malta. Jien li ħdimt daqstant fil-mediċina u l-qasam tas-saħħa nemmen li din hi xi ħaġa li jien kapaċi nagħmilha.
U allura x’qed tistenna?
Xejn ħlief il-permess tal-MEPA biex inkun nista’ nkompli.
X’jgħaddi minn moħħok illum meta tħares lejn il-Partit Nazzjonalista?
Jiena li kont militant ħafna fil-Partit Nazzjonalista għalija hi xi ħaġa li ma nifhimx kif min kien responsabbli ħalla l-Partit Nazzjonalista f’dan id-diżastru li jinsab fih illum. Mhux qed nitkellem dwar il-fatt li tilef b’daqstant voti għax naħseb li kien wasal iż-żmien li jkun hemm bidla, imma qatt ma kont nobsor li min kien responsabbli kien se jħalli partit daqshekk imfarrak kif fil-fatt jinsab illum.
Temmen li hemm bżonn oppożizzjoni b’saħħitha biex tiskrutinja l-operat tal-gvern?
Huwa fl-interess tad-demokrazija li jkun hemm oppożizzjoni b’saħħitha jekk aħna verament irridu nieħdu dan il-pajjiż ’il quddiem fil-veru sens tal-kelma u mhux sempliċiment paroli. Illum għandek gvern b’maġġoranza ta’ disa’ siġġijiet u kważi kważi qisna vvutajna biex ikollna dittatorjat f’Malta għax billi tmur il-parlament u tagħti sehmek fl-oppożizzjoni, meta jkollok disa’ siġġijiet maġġoranza kontrik, ikolli ngħid li trid tammira lil min qiegħed hemm jikkonfronta gvern daqshekk b’saħħtu.
Fil-25 t’April li għadda, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil żar l-isptar tiegħek f’Tas-Sliema iżda dakinhar fl-istess ħin int kont qiegħed tiffirma ftehim mal-Gvern f’Mater Dei biex tipprovdih b’servizzi tal-MRI. Kienet sempliċiment koinċidenza li ma ltqajtx ma’ Simon Busuttil?
Iva assolutament li hekk kien il-każ. Jien kelli mmur niffirma dak il-kuntratt mal-gvern għan-nom tal-isptar u fl-istess ħin Dr. Busuttil wera x-xewqa li jżur l-isptar. Kienu żewġ appuntamenti fl-istess ħin li ħadd minnhom ma seta’ jċaqlaq u jien bħala ċermen kelli nkun jien li niffirma l-kuntratt mal-gvern filwaqt li binti Maria laqgħet lil Simon Busuttil fl-isptar tagħna ta’ tas-Sliema.
Qatt iltqajt ma’ Simon Busuttil minn kemm ilu Kap tal-Partit?
Itqajt miegħu b’mod każwali u tkellimna kif jien inkellem lil kulħadd. Jien illum m’għandi ebda rabta politika ma’ ħadd u nerġa’ ntenni li jien lest naħdem ma’ kulħadd dejjem jekk fl-aħjar interess ta’ pajjiżna.
Int minn dejjem sħaqt li pajjiżna għandu jibqa’ stat sovran, x’tikkummenta fuq il-programm tal-gvern preżenti dwar il-bejgħ ta’ ċittadinanza b’investiment?
Bħala idea, ma kinitx ħażina imma nemmen li l-affarijiet, kif qal il-Prim Ministru stess, setgħu kienu organizzati aħjar u b’hekk kien ikun evitat dak il-ħafna tibdil u battibekki bejn iż-żewġ partiti kif ukoll xenati fl-Ewropa. Naqbel li min se jingħata ċ-ċittadinanza jrid jintrabat ma’ ċertu kundizzjonijiet kif issa fil-fatt hemm.
Fl-2008, bħala Kap ta’ Azzjoni Nazzjonali dejjem urejt it-tħassib tiegħek fuq l-immigrazzjoni illegali u li dawn eventwalment kienu se jinvaduna. Illum x’tikkummenta?
Dan hu eżempju fejn, kif għidt aktar kmieni, jien forsi użajt xi kliem iebes jew ipproġettajt il-ħsibijiet tiegħi ħażin imma min ifittex x’konna għedna fil-manifest elettorali tagħna bħala AN, hemm miktub iswed fuq l-abjad li t-twemmin tagħna kien li ngħinu lil min jitlob għall-għajnuna u nsalvaw fejn hemm bżonn. Nagħtuhom kura u sostenn però fi żmien xahar dawn l-immigranti kellhom jitqassmu b’responsabbiltà ma’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea. Li konna ngħidu aħna dakinhar qed jingħad illum.
Bħala Kattoliku prattikant, kif tħares lejn is-sitwazzjoni preżenti fir-rigward tat-tmexxija tal-Knisja f’Malta?
Din oħra fejn jekk immorru lura fil-kitba tiegħi, kemm-il darba ġbidt l-attenzjoni fuq id-direzzjoni ta’ kif il-ħajja soċjali kienet miexja f’dan il-pajjiż. Kienet ċara daqs il-kristall li kien hemm xi ħaġa ħażin fit-tmexxija tal-Knisja. Hemm differenza bejn ir-reliġjon sabiħa li nħaddnu u t-tmexxija tal-Knisja. L-affarijiet ilhom snin jidhru li mhux sejrin fit-triq it-tajba biss biss jekk wieħed jara l-istatistika ta’ kemm żwiġijiet ilhom sejrin ħażin ikollu stampa ċara ta’ li qed ngħid. Il-Knisja għandha wkoll kriżi ta’ nuqqas ta’ qassisin biex taħdem. Inħoss ukoll li l-Knisja tilfet il-kuntatt man-nies tant li l-attendenza kull ma jmur qed tkompli tonqos. Nerġa’ ntenni li din hi ħasra għax ir-reliġjon tagħna hi waħda sabiħa imma hemm bżonn ta’ tmexxija aħjar tal-Knisja għax xi ħaġa ħażina hemm żgur.
Kif tiddeskrivi d-dinja li qed ngħixu fiha llum?
Dinja mħawda li għaddejja minn rivoluzzjoni għall-oħra fejn hemm bżonn ta’ mexxejja kbar bħal ma kienu Ronald Reagan, Margaret Thatcher u Mikhail Gorbachev fost l-oħrajn. Hawn vakum ta’ mexxejja u aħna ninsabu maqbudin f’din id-dinja mħawda mexjin mingħajr direzzjoni