“Hemm xebh bejn Muscat u Renzi” – Gianni Pittella
“Ma naċċettawx Ewropa bbażata fuq il-Ġermanja”
minn John Busuttil
Gianni Pittella. Politiku Taljan ta’ 55 sena mwieled f’Basilicata. Membru tal-partit demokratiku Taljan u tal-grupp parlamentari tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D). F’Ġunju li għadda ġie elett b’96% tal-voti bħala President tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u Demokratiċi (PASD) li hu t-tieni l-akbar grupp fil-Parlament Ewropew u l-uniku wieħed li għandu membri minn kull stat tal-UE. ILLUM iltaqgħet miegħu din il-ġimgħa waqt żjara li għamel f’pajjiżna.
Fid-diskorsi tiegħek ssemmi ħafna l-paċi. Imma l-vera paċi teżisti? Skont int x’tista’ tagħmel verament l-Ewropa favur il-paċi barra l-paroli?
L-objettiv paċi ma ntlaħaqx u għadna ferm ’il bogħod. Madwarna hemm diversi kunflitti u dan hu inaċċettabbli. L-Ewropa trid bilfors tintervjeni u b’hekk kont wieħed minn ta’ quddiem biex mexxejna kampanja msejħa ‘EU Wake Up’. Mhux possibbli li nħallu dak li qed jiġri fil-Libja, Iraq u l-Palestina fejn eluf qed imutu u l-Ewropa tibqa’ siekta. Hemm bżonn miżuri ta’ volontà li nagħmlu dak kollu possibbli favur il-paċi.
Innutajt ukoll li ħafna drabi tagħmel riferenzi favur l-umanità. Ta’ min jgħid li l-immigranti irregolari huma wkoll esseri umani, safrattant iċ-ċittadini Ewropej ftit jew xejn huma kuntenti bihom li jiġu fil-kontinent tagħna. Kif tirreaġixxi għal dan il-fenomenu? Għalik dawk l-Afrikani li jiġu fl-Ewropa mingħajr passaport għandhom jieħdu preċedenza fuq il-bżonnijiet taċ-ċittadini Ewropej?
Kull ċittadin ta’ kull kontinent hu uman. Kull esseru uman għandu d-drittijiet tiegħu u rridu nieħdu ħsieb kull min isofri u l-preċedenza għandu jeħodha min qed isofri l-aktar. Dawn in-nies qed jaħarbu minn gwerer, esterminazzjoni etnika, dittatorjati u ġuħ. Inutli li l-Ewropa tagħlaq il-bibien għalihom. L-aktar ħaġa bis-sens li tista’ tagħmel l-Ewropa ta’ Brussell hi li nqassmu lil dawn l-imsejkna madwar l-Ewropa kollha u mhux jieħdu kollox fuqhom l-Italja, Malta u l-Greċja. Barra hekk irridu naraw il-bżonnijiet vera ta’ dawn il-popli u għalhekk irridu mmorru aħna naraw eżatt x’qed jiġri u naffaċċjaw il-problemi qabel jibdew it-traġitti tal-mewt.
Għaliex l-ewroxettiċiżmu għolla rasu daqshekk? Taħseb li hu tort tal-politika ta’ awsterità ta’ Barroso u s-sostenituri tiegħu, tipo Merkel u l-bella kumpanija?
Ukoll. L-awsterità kienet ir-risposta żbaljata għall-kriżi Ewropea. Il-kriżi tefgħuha kollha fuq id-djun nazzjonali u ftit taw każ it-tkabbir fix-xogħol taċ-ċittadini. Bl-awsterità flok taw tama liċ-ċittadin naqqsulu l-kwalità tal-ħajja u s-servizzi soċjali. U dan kollu ġġenera rabja u ċ-ċittadin kien deluż bl-Ewropa u għalhekk ħa l-attitudni anti Ewropa. L-iżball hu li d-deċiżjonijiet fl-Ewropa qed jeħodhom il-Kunsill tal-Ewropa, jiġifieri l-gvernijiet tal-istess stati u mhux il-Parlament Ewropew kif għandu jkun.
Huma l-ħafna li jaħsbu li l-Ewropa hi ddominata mill-Ġermanja. X’inhi l-opinjoni tiegħek fuq dan il-mertu?
M’għandhomx jikkmandaw l-istati imma ċ-ċittadini li leħinhom hu fil-parlament Ewropew. Mhux sew li neħduha kontra Merkel għal dan kollu. Iżda mhux aċċettabbli li jkollna Ewropa bbażata fuq il-politika Ġermaniża.
Ġermanja. X’inhi l-opinjoni tiegħek fuq dan il-mertu?
“Politiku jrid ifejjaq is-soċjetà billi kultant ukoll joffri kliem ta’ faraġ u ta’ tama”
M’għandhomx jikkmandaw l-istati imma ċ-ċittadini li leħinhom hu fil-parlament Ewropew. Mhux sew li neħduha kontra Merkel għal dan kollu. Iżda mhux aċċettabbli li jkollna Ewropa bbażata fuq il-politika Ġermaniża.
Diżokkupazzjoni u faqar qed jikbru fiż-żona Ewro speċjalment fejn ġew imposti mezzi ta’ awsterità biex jiġġieldu l-kriżi ekonomika. Kif tista’ tintervjeni l-Ewropa biex tnaqqas din il-problema, dejjem jekk tista’ tagħmel xi ħaġa?
Bilfors trid tintervjeni. Kien għalhekk li l-partit tagħna S&D appoġġja lil Juncker għax irridu nibdlu l-politika Ewropea u noħolqu investimenti governattivi/privati biex inqajmu l-ekonomija fl-Ewropa. Qed naħdmu għall-Ewropa aktar flessibbli. U dawk il-pajjiżi li ħadmu tajjeb hu doveruż li nagħtuhom marġni ta’ flessibbiltà għal investiment. Fil-fatt il-parlament Ewropew ivvota 300 biljun ewro fi tliet snin għal dan il-għan.
Iżda taħseb li l-politika Ewropea tista’ tinbidel waqt li l-PPE baqgħu l-akbar forza fil-Parlament Ewropew?
Għandek raġun. Però l-PPE tilfu ħafna deputati u aħna żidna. Fil-parlament m’hemmx maġġoranza mingħajr is-soċjalisti. U aħna se nibdlu l-politika Ewropea.
X’taħseb dwar il-Prim Ministru Malti, Joseph Muscat u l-politika tiegħu? Jeżisti xebh bejnu u bejn il-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi, fl-attitudnijiet tagħhom u fl-ideoloġiji politiċi tagħhom?
Għandi rapport kbir ta’ ħbiberija ma’ Joseph minn meta konna flimkien fil-Parlament Ewropew. Dwar il-politika li qed imexxi biha lil Malta ma nitkellimx jien iżda jitkellmu ċ-ċifri li tjiebu ferm minn meta beda jiggverna hu fi żmien meta fl-Ewropa hemm staġnar. Malta taħt Muscat uriet lill-Ewropa l-aqwa prattika kif taffronta l-kriżi. Il-politika ta’ Muscat hi eżempju għall-Ewropa.
Hemm xebh bejn iż-żewġ prim ministri, jiġifieri dak Malti u dak Taljan. Huma żewġ prim ministri moderni, żgħażagħ u mimlija entużjażmu. Mexxejja politiċi hawn ftit fid-dinja u Joseph u Matteo huma mexxejja li rridu nappoġġjawhom għax huma mexxejja mimlija passjoni u intelliġenza.
Ninsabu f’camp site fejn mijiet ta’ żgħażagħ soċjalisti qed jiddevertu waqt li jiddiskutu l-politika soċjalista demokratika. Meta tara lil dawn iż-żgħażagħ tara futur aħjar għall-Ewropa?
Iż-żgħażagħ huma l-isperanza tal-Ewropa. Darba waħda jien kont wieħed minnhom. Ta’ 13-il sena kont membru tal-partit soċjalista u kont nipparteċipa f’kampjijiet bħal dawn regolarment. Meta ż-żgħażagħ jitħalltu jitgħallmu kulturi u ideat differenti u b’dawn il-kampijiet jitwieled l-umaniżmu soċjalista. Fejn il-prijorità hi l-valuri tal-persuna. Meta nattendi għal kampijiet bħal dawn aktar inkun ottimist li nibdlu d-dinja. U għal dan kollu rrid nagħti l-kumplimenti kollha tal-organizzazzjoni kbira u perfetta li kapaċi jagħmlu ż-żgħażagħ Maltin. Ilhom sitt xhur jaħdmu b’entużjażmu kbir għal dan li qed naraw iseħħ illum. U nieħu gost nara li ż-żgħażagħ tagħna jagħmlu ġieħ lill-Ewropa t’isfel u lill-Mediterran.
Int tabib u kirurgu iżda għażilt li taħdem aktar fil-politika. Tara xebh f’dawn iż-żewġ professjonijiet. Hu possibbli bħala politiku li tfejjaq l-Ewropa mill-mard soċjali tagħha?
“Bl-awsterità flok taw tama liċ-ċittadin naqqsulu l-kwalità tal-ħajja u s-servizzi soċjali”
Ix-xebh hu wieħed kbir. Għax tabib tajjeb ma jfejjaqx bil-mediċina biss, iżda billi kultant jgħaddi kelma ta’ faraġ lill-pazjent. Hekk ukoll politiku jrid ifejjaq is-soċjetà billi kultant ukoll joffri kliem ta’ faraġ u ta’ tama. Il-professjoni ta’ politiku hi bħal dik ta’ tabib, hi missjoni aktar minn professjoni. Tabib u politiku m’għandux vaganzi pubbliċi jew ħin stipulat sa xħin irid jaħdem. Politiku bħal tabib irid ikun hemm f’kull ħin għal kull min għandu bżonnu. Kelma waħda tista’ tgħin ħafna lil persuna bi problemi soċjali. M’iniex ingerger għax jien għażilt dil-ħajja u ħadd m’għażilhieli.
L-aħħar domanda u din inħossni obbligat li nistaqsihielek. Ħassejtek deluż mill-avventura Azzurra fit-Tazza tad-dinja? U liema hu t-tim favorit?
Diżappuntat bir-riżultat iva, iżda mhux deluż għax minn dak it-tim ma stennejtx wisq. Issa nispera li b’Conte fit-tmun u bi plejers ġodda nerġgħu nsibu l-post fejn jixirqilna fuq quddiem tal-isfera dinjija. M’hemmx dubju min hu t-tim ta’ qalbi. Napoli. Kważi nqis l-imħabba li għandi lejn il-club Partenopeo daqs l-imħabba li għandi lejn il-politika. Rajthom din il-ġimgħa kontra l-Atletico u nħoss li kellna nirbħu. Iżda nemmen li nirbħu lil sħabi l-Ispanjoli f’darhom.