“Il-bżonnijiet tal-Belt qed jaqgħu f’widnejn torox”
Is-Sindku tal-Belt Valletta Alexiei Dingli jitkellem dwar il-V18, Strada Stretta, il-problema tal-parkeġġ fil-kapitali u l-problemi soċjali li jiltaqa’ magħhom ta’ kuljum
minn Jean Pierre Cassar
Minn fejn ġietek il-ħajra li tikkontesta għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali?
Ilni involut fil-politika għal dawn l-aħħar 24 sena. Bdejt bħala voluntier fil-Partit Nazzjonalista u bil-mod tlajt l-iskaluni kollha. Kont membru fil-Kumitat Sezzjonali mbagħad ilħaqt ukoll President tal-Kumitat Sezzjonali tal-Belt. Kienet xi ħaġa naturali għalija li nkompli din it-triq. Però fuq kollox, dejjem xtaqt li naħdem għall-ġid ta’ art twelidi, il-Belt Valletta. U kien għalhekk li kkontestajt l-elezzjoni fl-2005 fejn ġejt elett bħala kunsillier. Fl-elezzjoni ta’ wara tlajt bħala viċi sindku u ftit xhur wara fl-2008 ilħaqt sindku.
X’inhi l-opinjoni tiegħek li l-Gvern jaf jippostponi l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali?
Naħseb li meta gvern jibda jilgħab mad-demokrazija, għandna għaliex nibdew ninkwetaw. L-ewwel nett ma ninsewx li għad ma jeżistix abbozz ta’ liġi li jispjega eżatt x’għandu f’moħħu l-gvern allura diffiċli tagħti opinjoni. It-tieni huwa dritt tal-poplu li jagħżel min imexxi l-lokalità tiegħu. Fuq kollox, il-proċess ta’ konsultazzjoni li qed isir bħalissa qed isir tard wisq għaliex kemm il-kunsillieri preżenti kif ukoll il-kandidati ġodda diġà bdew bil-ħidma tagħhom għall-elezzjonijiet ta’ Marzu li ġej. Ma ninsewx ukoll il-kwistjoni tal-vot 16. Ma jagħmilx sens li tagħti d-dritt fuq il-karta, iżda fil-prattika tneħħihulhom. Għalhekk ma naqbilx li l-elezzjonijiet ta’ Marzu li ġej għandhom jiġu posposti.
Hawn għidut li fiċ-CHOGM, jaf iżuru Malta r-reġina u tliet eredi tat-tron tagħha, Prinċep William, Harry u George… Xi tkun ir-responsabbiltà tal-Belt Valletta f’okkażjoni bħal din?
Bħal fiż-żjarat ta’ dinjitarji oħra, il-Belt trid tilqa’ l-familja rjali bl-aħjar mod possibbli. Diġà kellna esperjenza pożittiva ħafna biż-żjara tal-Prinċep William. Apparti minn hekk, inħoss li hemm relazzjoni aktar b’saħħitha bejna u bejn ir-Renju Unit propju minħabba l-passat kolonjali tagħna. Għalkemm aħna Mediterranji, nemmen li l-influwenza Ingliża sawritna u għamlitna dak li aħna llum. Għalhekk inħoss li l-Belt trid tagħmel l-almu tagħha biex tagħti l-aqwa merħba lill-familja rjali. Apparti minn hekk, ma ninsewx ukoll l-opportunità ta’ reklamar għal pajjiżna matul din iż-żjara. Ma ninsewx li aħna niddependu minn fuq it-turiżmu (speċjalment is-suq Ingliż) u għalhekk il-fatt li l-istazzjonijiet u kmamar tal-aħbarijiet Ingliżi se jsemmu l-isem ta’ Malta b’mod prominenti għandu jkun ta’ ġid għal pajjiżna.
X’qed isir bi thejjija biex il-Belt Valletta tkun il-belt kapitali Ewropea fl-2018? Kuntent bil-preparazzjonijiet?
Qed isir ħafna xogħol sabiex il-Belt Kapitali tal-Kultura 2018 tkun suċċess speċjalment fil-kamp kulturali. Fil-fatt faċli tinnota li għal dawn l-aħħar snin, l-attivitajiet b’timbru tal-V18 qed jiżdiedu. Però għadni m’iniex kuntent bil-preparazzjonijiet. Għalkemm qed isiru sforzi sabiex il-komunità Beltija tinvolvi ruħha u tagħmel l-2018 il-festa tagħha, nemmen li għadna lura u fadal ħafna xogħol xi jsir. Però naf li hemm bosta inizjattivi għaddejjin u nemmen li għadna fil-ħin sabiex ninvolvu lir-residenti Beltin fis-snin li ġejjin. Però jkolli nistqarr li hemm fattur li qiegħed jinkwetani ħafna. F’din l-aħħar sena, ix-xogħlijiet ta’ pavimentar u arranġamenti tal-Belt jidher li naqsu r-ritmu u saħansitra waqfu f’ċertu bnadi. Għalkemm ilna niġu mwiegħda mill-gvern ċentrali li l-bankini, speċjalment fiż-żoni residenzjali, se jitranġaw, s’issa għadu ma sar xejn. Hemm fatturi oħra bħad-dawl tal-Belt li hemm bżonn li jinbidel kollu, u ħafna affarijiet ohra. Il-biża’ tiegħi hija li ninsabu tard wisq u anke jekk jibdew dawn il-proġetti, se jkun diffiċli li jitlestew fil-ħin. Sfortunatament, jidher ċar li l-bżonnijiet tal-Belt qegħdin jaqgħu f’widnejn torox.
“Naħseb li meta gvern jibda jilgħab mad-demokrazija, għandna għaliex nibdew ninkwetaw”
X’inhi l-opinjoni tiegħek u x’inhuma l-kummenti li tisma’ dwar id-daħla l-ġdida tal-Belt Valletta u dwar il-Parlament il-ġdid?
Ninsab kuntent ħafna bid-daħla l-ġdida tal-Belt. Qed nisma’ kummenti pożittivi ferm fuqha. U jidher li l-kontroversji politiċi ndifnu wkoll. Ma ninsewx l-importanza ta’ dik il-binja. Mhux biss għax għandha l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, iżda wkoll għax huwa l-ewwel bini kontemporanju fil-Belt Valletta. Importanti għaliex qed tibgħat messaġġ li l-Belt tagħna mhux belt mużew, iżda Belt ħajja. Belt li tirrispetta l-passat tagħha, Belt kburija bl-istorja tagħha. Imma wkoll Belt moderna u Ewropea. Importanti wkoll il-messaġġ li Renzo Piano ried jibgħat permezz ta’ din l-opra. L-idea li l-belt fortifikata m’għadhiex iżżomm in-nies barra mill-ħitan imponenti tagħha iżda l-ġebel tas-swar li qed jinfetħu sabiex jistiednu ġewwa t-turisti u l-viżitaturi kollha li jiġu jżuru l-Belt Valletta. Mhux ta’ b’xejn li dan il-proġett diġà qed jissemma fil-kotba tal-arkitettura bħala wieħed mill-isbaħ bini fl-Ewropa.
U x’taħseb fuq iż-Żieme?
Naħseb hija opra interessanti u ta’ suċċess. Personalment togħġobni ħafna. Fil-fatt diġà pproponejt li nsibilha post permanenti fil-Belt. Għalkemm hija estetikament sabiħa, iġġiegħlek taħseb. Kieku kien żiemel b’erba’ saqajn, nassigurak li wara ġurnata kien jintesa. Però din qajmet diskussjoni u naħseb dan kien il-ħieb tal-artist tant bravu li ħadimha. Biss jiddispjacini li qajmet kontroversji għar-raġunijiet ħżiena. Huwa żiemel glorjuż, però x’hemm ħażin li għandu diżabbiltà? Dejjem jekk hi diżabbiltà. Għax għalija hija diversità. U diversità ma jfissirx li dak iż-żiemel għandu xi ħaġa anqas minn żwiemel oħra. Għalhekk naħseb hemm bżonn nagħmlu naqra eżami tal-kuxjenza. Kemm aħna kapaċi naċċettaw, napprezzaw u niċċelebraw id-diversità ta’ madwarna?
Dan l-aħħar il-Belt Valletta ħadet ir-ruħ bil-lejl. Tidħol u ssib diversi ristoranti miftuħin u żgħażagħ u adulti jgħidu kelmtejn u jagħtu l-ħajja lill-Belt… kif wara kollox għandha tkun belt kapitali filgħaxija… x’inhuma l-pjanijiet futuri għal Belt Valletta rigward dan il-qasam?
Iva, il-Belt ħadet ir-ruħ grazzi għal inizzjattiva li beda l-Kunsill madwar sentejn ilu. Permezz tagħha, ħafna ħwienet għamlu l-kuraġġ u bdew joħolqu attivitajiet fuq barra. Però hemm bżonn li nkomplu nirfinaw u nirranġaw il-prodott tagħna. Irridu nirregolaw aktar dawn l-attivitajiet u niżguraw li jilħqu livell għoli għax nemmen li fil-Belt wieħed għandu jsib attivitajiet ta’ kwalità. Hemm bżonn ukoll li nsibu l-bilanċ bejn ir-residenti u s-sidien tal-ħwienet għax ħafna drabi l-bżonnijiet tagħhom ikunu konfliġġenti. Però nemmen li jekk kulħadd jaħdem b’mod ġenwin għall-ġid tal-Belt, jirnexxilna nilħqu dak il-bilanċ.
Kien hemm għidut li Strada Stretta se ssir bħal Paceville ġdid…
Aħna ma naqblux li Strada Stretta ssir bħal Paceville. Nemmen li t-tip ta’ udjenza li tiġbed lejha l-Belt hija differenti u m’għandniex nikkompetu ma’ Paceville. Kif diġà għidt, għalina importanti l-kwalità aktar minn ħaġa oħra.
Kif inhu sejjer l-andament tal-boutique hotels fil-kapitali? X’suq hawn f’pajjiżna għal dawn it-tip ta’ lukandi?
L-andament sejjer tajjeb ħafna u kważi kull xahar qed tfaqqas waħda ġdida. Kien hemm ħafna bżonn ta’ dawn il-hotels għax bosta nies xtaqu joqogħdu l-Belt ġo lukanda ta’ kwalità biss ma setgħux jagħmlu dan għax il-Belt ma tantx hawn lukandi. Għalhekk kien hemm vojt li dawn il-lukandi qegħdin jimlew. Jidher ukoll li t-turisti qed ifittxu dawn it-tip ta’ lukandi, għalhekk naħseb li fis-snin li ġejjin, il-bżonn ta’ dawn il-lukandi se jkompli jiżdied.
Ħafna jikkummentaw fuq il-ġbir taż-żibel li jsir filgħodu fit-toroq tal-Belt… dan jikkawża riħa tinten f’ħinijiet fejn it-turisti jkunu qed iżuru l-kapitali tagħna… Dan il-ġbir ma jistax isir qabel ma jsir il-ħasil tal-Belt? Jiġifieri tard bil-lejl jew filgħodu kmieni?
Il-ġbir taż-żibel ma jsirx filgħodu iżda filgħaxija. Il-problema hija t-trakkijiet taż-żibel privati li jidħlu jiġbru l-iskart kull ħin. Dan qed iwassal sabiex nies li qed jieklu barra jsibu xi trakk taż-żibel għaddej minn ħdejhom. Dan mhux aċċettabli! Għalhekk għamilna by-law biex inkunu nistgħu nikkontrollaw dawn it-trakkijiet darba għal dejjem, però ħaġa tal-għaġeb, il-Gvern irrifjuta din il-by-law. Ma nistax nifhem ir-raġunament tal-gvern għaliex jidher li jippreferi li n-nies jieklu bit-trakkijiet taż-żibel milli nġiegħluhom jidħlu tard bil-lejl. Jien ktibt lil ministru però s’issa għadni ma ngħatajtx tweġiba. Però aħna flimkien mal-V18 u mad-direttorat tal-indafa pubblika qegħdin naħdmu sabiex insibu alternattiva kemm jista’ jkun malajr għax hija sitwazzjoni tal-biki li Beltna ma jistħoqqilhiex!
Il-monti … u Triq l-Ordinanza?
Fuq il-monti, il-Kunsill Lokali ma ġiex ikkonsultat u s’issa għadna ma nafu xejn. Hija sitwazzjoni inkwetanti ħafna speċjalment għar-residenti tal-akkwata għaliex madwar 70 vann iridu jipparkjaw fiż-żona ta’ Hastings. Dan se jfisser li dawn ir-residenti mhux se jkollhom fejn jipparkjaw. Jien ukoll ilmentajt mal-Ministru responsabbli rigward din is-sitwazzjoni.
Issa li erġajna dħalna fir-rutina tax-xitwa ż-żmien malajr igerbeb… x’inhi l-proċedura dwar it-tiżjin tal-Milied? X’se jsir biex il-Belt tattira iktar nies minn Tas-Sliema f’dawn iż-żminijiet ta’ xiri bla rażan?
It-tiżjin tat-toroq jaqa’ f’idejn il-Komunità Kummerċjali però aħna bħala Kunsill naħdmu magħhom sabiex niżguraw li l-Milied ikun suċċess ġewwa l-Belt Valletta. Fil-fatt, għal dawn l-aħħar snin, konna aħna li laqqajna l-għaqdiet differenti fil-Belt il-għaliex nemmnu li s-saħħa tinstab fl-għaqda u jekk naħdmu flimkien biss nistgħu ngħelbu l-isfidi tagħna. L-attivitajiet li norganizzaw flimkien ikunu koordinati u b’hekk niżguraw li mhux waħda tfixkel lil oħra filwaqt li jagħtu pjaċir lin-nies li jkunu ġew il-Belt. Ix-xogħol tagħna wassal sabiex għall-ewwel darba f’ħafna snin, il-Milied li għadda, il-Belt kienet l-għażla ewlenija ta’ min ħareġ jixtri. U aħna kommessi li nkomplu niżguraw is-suċċess tal-Belt Valletta fis-snin li ġejjin.
Il-Kunsill, kif qed jgħin lill-komunità tal-ħwienet?
Il-Kunsill jaħdem fil-qrib magħhom għaliex apparti l-fatt li l-ħwienet jikkontribwixxu sabiex ikollna belt ħajja, huma wkoll iħaddmu bosta nies fil-Belt. Fil-fatt nikkalkulaw li nofs in-nies li jaħdmu mal-komunità kummerċjali huma Beltin. Aħna nikkoordinaw ħafna attivitajiet flimkien bħal Valletta Shopping Festival għaliex l-għan tagħna huwa wieħed komuni, dak li l-Belt tagħna tkompli tieħu l-ħajja.
Proġetti biex itaffu l-problema tal-parkeġġ fil-Belt?
Aħna għandna bosta soluzzjonijiet sabiex il-problema tal-parkeġġ tittaffa. Dawn preżentajnihom lill-Ministru tat-Trasport madwar sena u nofs ilu però s’issa ma sar xejn. Dawn huma ftit mill-proposti tagħna.
Is-sistema tas-CVA għandha tiġi riveduta.
Iż-żona tas-CVA għandha tikber biex tinkludi l-Belt kollha.
Il-parkeġġi riservati tal-Ministri u dipartimenti tal-gvern għandhom jitneħħew.
Irid ikun hemm integrazzjoni tas-servizzi kollha (bus, ferry, lift, eċċ).
Irid ikun hemm kampanja edukattiva.
Proġetti biex itaffu l-problema tat-traffiku?
Biex intaffu l-problema tat-traffiku, irridu:
Inħeġġu aktar nies jużaw ir-rota, u anka nintroduċu skemi ta’ bike sharing
Indaħħlu l-kuncett ta’ Employee Travel Plans għall-ħaddiema
Nintroduċu On-Demand transport system fil-Belt
Nintroduċu sistemi ta’ e-Logistics u b’hekk innaqqsu t-trakkijiet li jidhlu il-Belt
Irid ikun hemm kampanja edukattiva
Xi proġetti hemm għan-naħa t’isfel tal-Belt?
Aħna għandna proġett li jsir aġġornament tad-dawra kollha tal-Belt (il-parti li tmiss mal-baħar). Nafu li ħafna residenti fis-sajf iħobbu jmorru ħdejn il-baħar (Minn Marsamxett sal-Pixkerija) u għalhekk nemmnu li biex titjieb il-livell tal-ħajja ta’ dawn ir-residenti hemm bżonn li d-dawra kollha tal-Belt titranġa. Jekk isir ikun hemm promenade mill-isbaħ b’faċilitajiet moderni. Dan il-proġett preżentajtu lill-kumitat li qed jieħu ħsieb il-Master Plan tal-Belt. Nittama li jintlaqa’ għall-ġid tal-Beltin u ta’ dawk kollha li jużaw dawk l-akkwati.
“Nemmen li għadna lura u fadal ħafna xogħol xi jsir għal V18”
Xi problemi soċjali tiltaqgħu magħhom? Żdiedu jew naqqsu? U kif taffrontawhom?
Fil-pożizzjoni tiegħi niltaqa’ ma’ ħafna problemi soċjali, biss ikolli ngħid li permezz tax-xogħol tagħna flimkien mal-iskejjel tal-Belt u ma’ ħafna entitajiet oħa (bħall-Aċċess, il-parroċċi, eċċ), inħoss li qed nagħmlu differenza. Norganizzaw bosta attivitajiet bħal Skola Sajf, after school clubs, ħarġiet u anke mawriet barra minn Malta ffinanzjati mill-proġetti tal-Unjoni Ewropea. Ovvjament dawn mhumiex problemi li se jissolvew mil-lum għall-għada biss nemmen li mexjin fit-triq it-tajba.