Il-baġit u l-Kunsilli Lokali
Il-proposti li l-assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali qed tressaq għall-baġit 2015
minn Frederick Attard
Ħafna għadhom jemmnu li x-xogħol tal-Kunsilli Lokali hu biex jieħdu ħsieb il-bankini u xi bozoz maqtugħa iżda fil-verità hemm ħidma ma taqta’ xejn mill-Kunsilli Lokali lejn l-iżvilupp u t-tisbiħ tal-lokalitajiet li ngħixu fihom.
Din il-gazzetta tkellmet ma’ Dr Marc Sant, President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali fejn sirna nafu aktar dwar il-proposti li l-assoċjazzjoni qed tressaq għall-baġit 2015.
Mitlub jikkummenta dwar l-20 proposta li qed tressaq l-assoċjazzjoni, Sant qal li l-proposti tfasslu bil-għan li nagħmlu l-gżejjer Maltin pajjiż isbaħ, aħjar u aktar dixxiplinat u organizzat, sew għalina li ngħixu fih kif ukoll għat-turisti li jiġu jżuruna. “Il-ħsieb tad-dokument huwa li minflok qed ngħidu l-kunsilli x’iridu, qed nipproponu affarijiet li jistgħu jsiru u li jkollhom effett dirett jew indirett fuq il-kunsilli.”
Sant żied jgħid “Uħud minn dawn il-proposti huma mifruxin fuq livell nazzjonali u jistgħu jitwettqu mill-awtoritajiet ċentrali. Oħrajn għandhom appell x’aktarx lokali u jistgħu jitwettqu mill-Kunsilli Lokali bis-saħħa tal-koperazzjoni u inkuraġġiment min-naħa tal-gvern” qal Sant. Hu temm jgħid li bi programm koordinat ta’ ħidma fuq dawn il-linji, pajjiżna jista’ jkollu lokalitajiet aktar pjaċevoli u komunitajiet li jgħixu f’ambjent li aktar jilqgħak.
Intant, dawn huma l-20 proposta li qed tressaq l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.
Indafa u vandaliżmu
Fil-kuntest ta’ ħidma aktar qawwija fuq livell nazzjonali u lokali biex ikollna pajjiż aktar nadif u biex inneħħu l-iżdingar u t-telqa li jagħtu dehra kerha lil bosta lokalitajiet, qed nipproponu li: jissaħħu l-miżuri ta’ kontroll fuq operaturi li jiġbru l-iskart domestiku; ikun hemm sorveljanza akbar u jiħraxu l-pieni għal dawk li jinqabdu jħammgu (pereżempju, bil-ħmieġ tal-annimali bħal klieb), iwettqu atti ta’ vandaliżmu eċċ.
Bħala miżura prattika qed nipproponu li minn fondi nazzjonali kull Kunsill Lokali jingħata 3 CCTV cameras biex jitqiegħdu fl-aktar postijiet problematiċi magħżula minn kull Kunsill. Dawn il-cameras ikunu jistgħu jitmexxew minn post għall-ieħor skont kif jinħass xieraq minn dawn il-Kunsilli.
Kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet edukattivi
Għandu jkun hemm kollaborazzjoni sħiħa bejn l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u l-Università, l-MCAST, il-Junior College u istituzzjonijiet oħra edukattivi bil-għan li studenti jingħataw l-opportunità ta’ apprentistat/xogħol speċifiku għal perjodu definit b’sigħat imnaqqsa fix-xhur tas-sajf. Dan jista’ jinkludi proġetti ta’ riċerka dwar aspetti varji tal-lokalitajiet; proposti dwar landscaping u mmaniġġjar tat-traffiku; l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet kulturali, soċjali u sportivi; laqgħat u diskussjonijiet dwar suġġetti varji; stħarriġ dwar il-ħtiġiet ta’ sezzjonijiet partikolari ta’ nies li jgħixu f’dawn il-lokalitajiet; sessjonijiet ta’ tagħlim u tagħrif bħal, pereżempju, promozzjoni ta’ stili ta’ ħajja attiva; għajnuna lill-anzjani; lezzjonijiet lil studenti f’suġġetti li jkunu batuti fihom; quizes għall-istudenti skont il-livell tagħhom; kooperazzjoni ma’ NGOs; ħidma favur nies b’diżabilità u anzjani eċċ.
Lokalitajiet isbaħ u aktar aċċessibbli
Tinħass il-ħtieġa li tiġi formalizzata l-koperazzjoni bejn il-Kunsill Lokali u entitajiet konċernati biex ikollna bliet u rħula aktar aċċessibbli, aktar orjentati għaċ-ċittadin u aktar estetikament pjaċevoli. Fost affarijiet oħrajn, dan ifisser it-tneħħija ta’ wires u arbli li m’għadhomx jintużaw; it-tqegħid ta’ cables taħt l-art (fejn jista’ jsir); l-irranġar ta’ bankini; tmexxija aħjar tat-traffiku u tal-ipparkjar eċċ. Għandha tiġi riżolta minnufih il-kwistjoni pendenti dwar l-ipparkjar ta’ residenti fil-bliet/irħula tagħhom.
Għajnuna lill-għaqdiet
Għandha tingħata aktar għajnuna diretta f’forma ta’ riżorsi materjali u umani kif ukoll tnaqqis fil-burokrazija lill-għaqdiet bħalma huma każini tal-banda, għaqdiet tal-festa, klabbs sportivi, nurseries sportivi, eċċ biex dawn jinvolvu aktar liż-żgħażagħ tagħna f’attivitajiet soċjali u kulturali tal-lokalitajiet tagħhom.
Proposta dwar liċenzji tal-garaxxijiet
Bil-għan li garaxxijiet eżistenti jintużaw aħjar, qed nipproponu li sidien ta’ garaxxijiet igawdu minn tnaqqis fil-ħlas tal-liċenzja ta’ karozza abbinata ma’ garaxx partikolari sakemm jiġi żgurat li din il-karozza tuża dan il-garaxx f’kull okkażjoni u f’ebda ħin ma titħalla fit-triq. Garaxxijiet fejn hemm post għal aktar minn karozza waħda jwasslu għal tnaqqis fil-ħlas tal-liċenzji tal-karozzi abbinati ma’ dawn il-garaxxijiet. Skema bħal din tkun teħtieġ kontroll serju.
Qraba jew persuni li jkunu laħqu ftehim mas-sid ta’ garaxx, għandhom jitħallew jipparkjaw il-vetturi tagħhom quddiem il-bieb ta’ garaxx bħal dan mingħajr ma jkunu ħatja ta’ ebda kontravenzjoni.
B’din il-miżura għandha tittaffa l-problema kbira ta’ parkeġġ li teżisti u anki jitnaqqas l-abbuż mis-sinjali tan-no parking li jintużaw.
Turiżmu mifrux aktar
Għandu jitfassal pjan biex it-turiżmu jinfirex aktar fil-lokalitajiet tagħna u jasal f’żoni ġodda li sa issa għadhom ma gawdewx minn din l-industrija. Bi ftehim mal-AKL, jistgħu jitfasslu regolamenti u skemi ta’ inċentivi għal akkomodazzjoni alternattiva (bħal, pereżempju, bed & breakfast) f’ċerti żoni ġodda.
Għandha tingħata direzzjoni u għajnuna dwar l-użu ta’ fondi Ewropej u jiġi nkuraġġit investiment biex il-wirt kulturali u storiku fl-ibliet u l-irħula tagħna jiġi salvagwardjat u restawrat waqt li jiġi ppreżentat b’mod aktar ħaj u jsir aktar aċċessibbli għal kulħadd. Aktar Kunsilli Lokali għandhom jingħataw inkuraġġiment biex, possibilment fi gruppi, ifasslu mogħdijiet turistiċi fil-lokalitajiet tagħhom.
Turiżmu intern
Għandha tingħata għajnuna lit-turiżmu intern. Dan hu ta’ siwi biex ngħinu l-ekonomija matul ix-xitwa; tiżdied il-kollaborazzjoni bejn il-Kunsilli Lokali; jinfetħu intrapriżi żgħar ġodda; jagħmel in-nies iktar kburin b’dak li għandha x’toffri l-lokalità tagħhom; u jkabbar is-sens ċiviku u l-għarfien dwar il-wirt kulturali u l-patrimonju ta’ pajjiżna.
Fondi għal riċerka
Qed nipproponu li tingħata għajnuna tanġibbli lil dawk il-Kunsilli, għaqdiet, każini, parroċċi, eċċ għal programmi ta’ riċerka serja u studji dwar aspetti varji konnessi mal-lokalitajiet tagħhom bil-patt li kif titlesta din ir-riċerka, it-tagħrif miġbur ikun kondiviż mal-gvern ċentrali.
Mezzi ta’ trasport alternattiv
Għandu jiġi kkunsidrat l-għoti ta’ inċentivi għall-użu ta’ trasport alternattiv għal dawk li jkunu jridu jmorru minn post għall-ieħor, l-aktar f’lokalitajiet mifruxa fuq żona pjuttost wiesgħa. Dan jista’ jsir permezz tal-introduzzjoni ta’ electric cabs taħt arranġamenti bbażati fuq public private partnerships.
Sigurtà fit-toroq
Biex nindirizzaw il-ħtieġa ta’ sigurtà akbar fit-toroq, hemm bżonn ta’ dixxiplina aktar stretta fuq kulħadd. Dan ifisser, fost affarijiet oħra, miżuri aktar iebsa għal min jikser ir-regolamenti tas-sewqan u tat-traffiku b’użu tal-mobajl waqt is-sewqan; nuqqas ta’ użu ta’ indicators; sewqan taħt l-influwenza tax-xorb u/jew tad-drogi; sewqan waqt li jkun hemm dawl aħmar, ipparkjar ħażin u double parking.
Għandu jsir eżerċizzju komprensiv biex il-bankini – l-iżjed dawk fiċ-ċentru tal-irħula u fejn hemm toroq dojoq – jiġu mtejba b’mod sostanzjali.
Wara dan l-eżerċizzju għandha ssir kampanja nazzjonali intensiva dwar is-sigurtà fit-toroq tagħna, li tisħaq fuq is-sigurtà għal persuni li jkunu għaddejjin mit-toroq; l-użu tal-bankini; u biex ir-regoli dwar veloċità fis-sewqan jiġu rispettati.
Kull Kunsill Lokali għandu jingħata l-mezzi sabiex ikun jista’ jieħu responsabbiltà sħiħa mis-sigurtà fit-toroq fil-lokalità tiegħu – inkluż manutenzjoni regolari ta’ sinjali tat-traffiku, road markings, parking bays, l-użu tal-blue sticker u l-emissjonijiet.
Żgombru fit-toroq
Wara proċess ta’ konsultazzjoni, għandha titfassal politika nazzjonali dwar oġġetti li jikkawżaw żgombru fit-toroq bħal materjal ta’ reklamar, id-drawwa li dealers tal-karozzi (ġeneralment second hand) iħallu dawn il-karozzi pparkjati barra t-triq matul il-ġurnata (u f’ċerti każijiet, ukoll matul il-lejl), eċċ.
Għandu jiġi stipulat perjodu ta’ żmien uniformi li fih jistgħu jitqiegħdu u jitneħħew bords ta’ pubbliċità u jkun hemm multi li jservu ta’ deterrent biex riklami ta’ din ix-xorta ma jitħallewx aktar miż-żmien stipulat.
Tqassim ta’ materjal promozzjonali
Għandu jkun hemm kontroll akbar fuq fuljetti u karti pubbliċitarji li saru jitqassmu fid-djar b’mod esaġerat biex jitnaqqas l-iskart ta’ karti ġġenerati (bosta drabi bla bżonn) fil-lokalitajiet tagħna.
Koordinament aħjar mal-awtoritajiet ċentrali
Tinħass il-ħtieġa ta’ koordinament strutturat bejn dipartimenti tal-gvern u Kunsilli Lokali fejn jidħol xogħol fit-toroq li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsilli Lokali. Għandu jiġi żgurat li xogħol ta’ rqajja fit-toroq isir b’mod koordinat mal-Kunsilli inkluż il-prijoritajiet li bih isir dan ix-xogħol, li jkun ta’ kwalità tajba waqt li jiġi żgurat li dawn it-toroq ma jitħallewx fi stat agħar milli kienu qabel.
Saħħa u ħajja attiva
Qed jiġi propost li l-Kunsilli Lokali jingħataw irwol siewi u importanti fil-promozzjoni ta’ stil ta’ ħajja b’saħħitha u ħajja attiva fost iċ-ċittadini.
Permezz ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet inkarigati mis-saħħa fuq livell primarju, il-Kunsilli Lokali għandhom ikunu sħab ewlenin f’dan l-eżerċizzju waqt li jingħataw l-għodod neċessarji (bħal, pereżempju, is-servizz ta’ nies speċjalizzati f’dawn l-qosma għal ammont ta’ sigħat fil-ġimgħa) biex isiru kampanji edukattivi fuq livell lokali u dan it-tagħrif u tagħlim jitwasslu b’mod eqreb tal-poplu u jkunu aktar effettivi.
Postijiet ta’ divertiment
Qed jiġi propost li jiżdied il-kontroll fuq ħsejjes, storbju u inkonvenjent li huwa kkawżat minn postijiet ta’ divertiment, l-aktar dawk f’żoni residenzjali. Dawn il-kontrolli għandhom jinkludu l-infurzar tal-liġi li tipprojbixxi t-tipjip f’postijiet pubbliċi.
Proġetti favur l-ambjent
Qed jiġi propost li jiżdiedu l-inċentivi favur il-konservazzjoni tal-ilma u l-użu effiċjenti tal-enerġija. Hawnhekk il-Kunsilli Lokali u għaqdiet li jagħmlu konsum għoli ta’ dawl u ilma għandhom jingħataw assistenza teknika speċjalizzata biex ifasslu u jressqu proġetti favur dawn il-miri. Il-Kunsilli Lokali għandhom iwasslu servizz ta’ parir lis-sidien tad-djar dwar skemi ta’ enerġija rinovabbli, possibilment permezz ta’ skemi li jkunu eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni Ewropea.
Park fiċ-ċentru ta’ Malta
Għandu jitfassal pjan biex isir park rikreattiv fiċ-ċentru ta’ Malta fejn in-nies tal-inħawi li jgħixu qalb il-ħafna traffiku u storbju li jgħaddi mil-lokalitajiet tagħhom ikunu jistgħu jmorru biex jieħdu ftit nifs u jirrilassaw mal-familja.
2015 – sena favur sens ċiviku akbar fost il-Maltin
Qed titressaq proposta li s-sena 2015 tiġi ddikjarata mill-gvern bħala sena favur sens ċiviku akbar fost il-poplu Malti. F’dan l-eżerċizzju, koordinat bejn id-dipartiment relevanti tal-gvern ċentrali, l-AKL, Kunsilli Lokali u għaqdiet oħra interessati, titfassal u titwettaq kampanja intensiva biex fost il-Maltin jinfirex sens akbar ta’ responsabbiltà ċivika u rispett lejn id-dmirijiet bażiċi ta’ kull ċittadin lejn il-komunità, il-lokalità li jgħix fiha u l-pajjiż. Importanti f’inizjattiva simili jrid ikun ukoll l-għarfien tad-drittijiet ta’ kull ċittadin.
Il-Kunsilli Lokali lesti li jagħtu s-sehem tagħhom f’inizjattiva bħal din, sew waqt li tkun qed tiġi implimentata kif ukoll fil-moniteraġġ li tkun meħtieġa fuq livell lokali.
Proċess ta’ integrazzjoni
L-AKL tagħraf li l-politika tal-gvern ċentrali fil-qasam tal-immigrazzjoni irregolari hi orjentata favur proċess ta’ integrazzjoni. Għaldaqstant l-Assoċjazzjoni hi lesta li, b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet konċernati, tagħti s-sehem tagħha fit-twettiq ta’ din il-politika, aktar u aktar f’lokalitajiet fejn hemm konċentrazzjoni x’aktarx qawwija ta’ immigranti biex jinstab bilanċ bejn il-Maltin u l-aspirazzjonijiet ta’ dawn il-barranin.