Id-droga żammitni ħaj sa meta kelli 21 sena

Intervista ma' ex drogat Kevin Busuttil ta' 39 sena

Kevin Busuttil, bniedem interessanti, bniedem li jitkellem mill-esperjenzi li għadda minnhom, bniedem reali li jista’ jitkellem dwar dak li jgħaddu minnu d-drugati għax hu wkoll kien bħalhom. Illum hu l-konfundatur tal-AVFDA, A Voice for Drug Addicts “għax aħna ma rridux min jitkellem f’isimna, issa nistgħu nitkellmu għalina nfusna.”

Kevin għandu 39 sena, kien beda jabbuża mid-droga ta’ 13-il sena u baqa’ għaddej sa meta kellu 29 sena. Ħafif ħafif Kevin spjega kif beda mill-ħaxixa u baqa’ jżid sakemm qaleb għall-eroina.

Kif beda kollox?

Inħoss li llum il-ġurnata nista’ ninnota kif beda kollox. Kont bniedem sensittiv, bniedem li fejn ħaddieħor ma kienx jagħti kas, jien kull ħaġa kont neħodha personali. Kien hemm min ġieli ddeskrivieni ‘bla inforra’. Jien inħoss li ma kellhiex il-ħiliet biżżejjed biex naffaċċja d-dinja ta’ barra. Mhux se nidħol fil-mertu jekk hux ħtija tal-ġenituri jew tal-edukazzjoni jew tas-soċjetà, wara kollox hija biss ġlieda interna tal-persuna.

Imma ma tħossx li s-soċjetà taffettwa persuna biex jaqbad il-vizzju tad-droga?

Kollox huwa marbut ma’ kollox. Naħseb li primarjament hija problema interna, imma l-ambjent ta’ madwari iktar u iktar ma kienx qed jgħini. Kont nirċievi ħafna messaġġi mħalltin mis-soċjetà, l-edukazzjoni, il-Knisja, il-ġenituri… 

Imma x’inhuma dawn il-messaġġi?

 

Meta nkunu żgħar pereżempju nitgħallmu biex ma nafdawx lil kulħadd, imma mbagħad nisimgħu li għandna nħobbu u nafdaw lil kulħadd. Jien fl-età tenera li kont fiha kont nitħawwad, minn ġewwa kont inħoss mod, u d-dinja kienet tiddettali mod ieħor. Kont ngħix dejjem f’kunflitt. Apparti minn hekk l-edukazzjoni toħloq diversi xbihat ta’ xi jfisser li tagħmel suċċess. B’hekk int tibda tinnota li jekk m’intiex tajjeb fl-iskola donnu qatt ma tista’ tagħmel suċċess jew tilħaq ċertu kisbiet f’ħajtek. Mentri fil-verità dan mhux hekk, jekk mhux tajjeb fl-iskola hemm mitt elf ħaġa oħra li tista’ tkun kapaċi fiha u tagħmel suċċess fiha.

Naħseb li f’dan il-att qed inkejlu b’riga mgħawġa.

Fiex kont issib żvog meta kont żgħir?

Jien kont inħobb ħafna l-arti, u kont ninfexx fl-arti. Għalija pereżempju l-Matematika hija tortura, imma kont niġi sfurzat biex nitgħallimha għax kien donnu li dak kien utli, u affarijiet oħra ma kinux.

Meta bdejt tabbuża mid-droga, kellek sħabek li ħajruk kif nisimgħu li jiġrilhom ħafna jew int ridtha?

Jien ridtha. Ngħid li d-droga żammitni ħaj sa meta kelli 21 sena mill-inqas. Id-dinja ta’ barra ma kinitx tagħmel sens u permezz tad-droga kont nidħol fid-dinja tiegħi u ninqata’ għalija waħdi. Kulħadd kien jistenna ħafna affarijiet mingħandi u ma kontx naf x’inhuma, b’hekk ħrabt minn dan kollu permezz tad-droga. Mhu qed nitfa’ l-ħtija fuq ħadd, oħti trabbiet bl-istess mod u ħajjitha kienet totalment differenti minn tiegħi, dan hu dejjem kawża ta’ kunflitt intern.

Sa minn età żgħira fl-iskejjel iħambqu u jtambru dwar l-effetti ħżiena ta’ droga... m’affettwawkx?

Le. Dawk ma jaħdmux. L-approċċ li jintuża huwa wieħed ħażin. Billi nużaw il-biża’ ma naslu mkien. Din hija waħda mill-affarijiet li tisħaq fuqhom l-AVFDA, il-biża’ u s-soppressjoni ma jaħdmux. Flok nibdew inbeżżgħu għandna naħdmu fuq żvilupp personali tat-tfal tagħna sa minn età żgħira. Għandna wkoll nagħmlu distinzjoni bejn reliġjon u spiritwalità. Hemm bżonn ukoll li nrawmu l-ġenituri sabiex ikunu jafu kif għandhom jgħallmu lil uliedhom u jieħdu ħsiebhom sabiex jikbru f’karattri sodi.

 

Intervista sħiħa fil-ħarġa tal-ILLUM

More in Intervisti