“Il-Kuran qatt ma qalilna noqtlu lilna nfusna u lil ħaddieħor”
“Hija kawża tal-injoranza u l-imħuħ magħluqa li ma jifhmux li l-mara hija daqs ir-raġel”
minn Jean Pierre Cassar
Laiq Ahmed Atif hu l-President tal-Komunità Ahmadiyya Muslim Jammat Malta, li hija t-tielet l-ikbar komunità fid-dinja tal-Musulmani. Miżżewweġ mara waħda u għandu żewġt itfal. Imwieled il-Pakistan imma ilu seba' snin u nofs jgħix Malta. L-ILLUM xtaqet tindaga iktar fil-komunità Musulmana biex tara eżatt x’inhu t-twemmin tagħhom fl-eku ta’ ħafna attakki fuq ir-reliġjon Musulmani wara l-każi f’Pariġi.
X'inhu l-vera tagħlim tal-Koran?
It-tagħlim huwa li l-Musulmani jemmnu f’alla wieħed u huwa Mohammed li ġab dan it-tagħlim. Aħna nemmnu f’ħames pilastri tal-Iżlam. It-talb ħames darbiet kuljum, is-sawm, il-karità lil dawk li hemm bżonn, il-pellegrinaġġ ta’ Mekka, għalkemm dan mhux obbligatorju għal kulħadd u li niddikjaraw li Alla huwa s-sid tal-univers kollu u li Mohammed huwa l-messaġġier tiegħu. Nemmnu wkoll f’Alla, fil-kotba mqaddsa kollha, fil-profeti, fl-anġli u f’jum il-ħaqq.
F’pajjiżna jiġi mgħallem it-tagħlim tal-Kuran?
Iva, isir tagħlim fil-Moskea tal-Fgura. Jiġu anke għandi biex nagħmlu lezzjonijiet tal-Kuran. Kulħadd jista’ jitgħallem il-Kuran, imma mhux kulħadd jista’ jagħti intepretazzjonijiet tiegħu. Pereżempju marti tafu, però jien nista’ nagħti interpretazzjoni tiegħu.
X’jgħid il-Kuran fuq it-tolleranza u d-diversità?
Il-kelma Iżlam tfisser ‘paċi’. Dan ifisser li l-Iżlam hija reliġjon tolleranti. Il-messaġġ tal-paċi u l-imħabba qiegħed fil-Koran kollu. Il-messaġġ ewlieni huwa l-ħniena, u la darba bniedem huwa ħanin huwa tolleranti ma’ kulħadd, ma jistax ikun li minnu toħroġ il-mibgħeda. L-Iżlam jgħid li ħadd m’għandu juru arroganza ma’ ħaddieħor, lejn l-ebda nazzjon, lejn l-ebda persuna. Ir-reliġjon Iżlamika tgħid li għandek taċċetta lil kulħadd kif inhu, anke dawk ta’ reliġjonijiet oħra, bħala reliġjon ma nemmnux fi statwa u monumenti, iżda dan ma jfissirx li nistgħu mmaqdru r-reliġjon ta’ ħaddieħor.
U fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi?
Nemmnu li kull bniedem huwa ugwali u wieħed ma jistax jgħid li hu aħjar mill-ieħor kemm fejn jidħol rispett, dinjità u drittijiet. Fil-Koran hemm li dawk li jagħmlu t-tajjeb huma l-għeżeż ta’ Alla, imma qatt ma ta tifsira ta’ min huma dawn l-għeżież, hi x’inhi r-reliġjon tiegħek jew il-kulur tal-ġilda tiegħek jew iktar u iktar is-sess tiegħek, Alla jħobb lil dawk li jagħmlu t-tajjeb.
Mela allura għala hawn pajjiżi li jħaddnu reliġjon Musulmana u jżommu lil mara f’pożizzjoni baxxa iktar mir-raġel?
Dawn ikunu kulturi partikolari tal-pajjiż. Nista’ ngħid li din hija injoranza jew l-imħuħ magħluqa li ma jistgħux jifhmu l-vera rwol tal-mara. Nieħu eżempju minni, jien mill-Pakistan, hemm ċertu soċjetajiet li ma jħallux il-bniet tagħhom imorru l-iskola biex jistudjaw, imma l-Iżlam jgħid li ‘kull Musulman mara jew raġel għandu d-dmir biex jirċievi edukazzjoni mill-aqwa.’ Mohammed enfasizza ħafna li għandna nagħtu edukazzjoni u għarfien lin-nisa tagħna. Il-persuna li jitgħallem huwa dejjem aħjar minn persuna nieqes mit-tagħlim. Jisħaq li anke jekk hemm għalfejn titbiegħu mill-pajjiż biex tistudjaw, ma fiha xejn ħażin, anzi għandkom tmorru u tagħmlu l-isforzi kollha.
Jien naħseb li dan jiddependi minn injoranza, l-Iżlam huwa favur l-edukazzjoni tat-tfajliet u n-nisa tagħna. Jekk nagħti eżempju mill-komunità tagħna, ir-rata ta’ nisa li għandhom ċertu livell ta’ edukazzjoni huwa ogħla minn dak tal-irġiel. Nisħaq ukoll li għalina m’hemm l-ebda limitu ta’ kemm għandha tistudja mara fir-reliġjon tagħna, tista’ tistudja kemm trid.
Dan l-aħħar smajna ħafna fuq il-liġi tax-Xarija, fejn ħafna bdew jikkundannaw din il-liġi għar-reati li seħħew fi Franza… iżda x’inhi l-vera liġi tax-Xarija?
Il-liġi tax-Xarija huwa l-Kuran. Dak kollu li hemm miktub fuq il-Kuran huwa l-liġi tax-Xarija. Ix-Xarija tfisser it-triq, il-mogħdija li trid taqbad fil-ħajja tiegħek, b’mod speċjali fil-ħajja reliġjuża. Fil-Kuran hemm iktar minn seba’ mitt kmandament. Ħafna persuni għandhom idea żbaljata ta’ dak li hi x-Xarija. Uħud jieħdu biċċa żgħira minnu u jirraġunaw daqslikieku kollha kemm hi kienet ix-Xarija. Ix-Xarija tinkludi d-drittijiet lil kulħadd, anke lil mara, li ma noqtlux, li ma nagħmlu ħażen lil ħadd... u hemm ukoll il-kastigi. L-Iżlam jemmen li jekk wieħed jagħmel ħsara lis-soċjetà ma jistax ikun li s-soċjetà ssofri miegħu, għalhekk ma jistax ikun li jekk persuna waħda tagħmel ħsara lis-soċjetà kollha ma tirċevix kastig.
L-Iżlam ma jridx li jagħti l-kastig lil bniedem, jemmen fir-riformazzjoni u fil-maħfra. Infatti fil-Koran jgħidlek li l-ewwel għandek taħdem iktar fuq ir-riforma tal-bniedem, imbagħad jekk xejn ma jbiddel lil persuna, imbagħad hemm għandek il-kastig. Pereżempju jgħid ikollok kanċer f’sieqek, u jekk taqta’ sieqek tista’ ssalva, tabib tajjeb għandu jgħidlek biex taqtagħha minħabba li jekk tneħħiha se tibqa’ ħaj.
Aħna nirraġunaw bl-istess mod, jekk persuna se jibqa f’vizzju ta’ xi ħaġa, ngħidu aħna s-serq, il-liġi tagħna tgħid li għandha tinqatagħlhom idu biex b’hekk dan jitbiegħed minn dan id-dnub. Jekk naqtgħu l-id ikunu wkoll qed inwaqqfuh milli jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum, allura għandha żewġ tifsiriet. Din hija wara kollox bħal ħabs, li int qed twaqqaf persuna milli jkompli jgħix u li jaħdem u jaqla’ l-għixien. Għal darb’oħra nisħaq li l-ewwel ikun hemm il-parir u r-riformazzjoni, wara jasal il-kastig.
Hemm Musulmani stess li ma jifhmux il-liġi tax-Xarija. Hemm pajjiżi li qed jiżbaljaw bħal m’huma s-Sawdi Arabja, is-Sudan, l-Afganistan eċċ, li qed jieħdu biss biċċa mil-liġi u japplikawha u mhux qed jidħlu fil-profond. Hemm tifsira wara kull liġi u għandna nifhmu sew dak li qed jintqal, għax inkella jaf jidhru ridikoli jew ħorox.
Xi tgħidli dwar il-poligamija?
Il-poligamija fl-Iżlam hija permessa, imma mhux obbligatorju. L-Iżlam jgħid li jekk wieħed irid jiżżewweġ iktar minn mara waħda għandu jitrattahom l-istess u jekk ma jagħmilx dan m’għandux dritt li jkompli jiżżewweġ. Dan iseħħ minħabba li kull raġel għandu d-dritt ikollu t-tfal. Koppja tkun trid tfal, imma jekk ma jinqabadx minn mill-ewwel mara mela allura għandu permess li jiżżewweġ mara oħra ġaladarba jittratta n-nisa tiegħu ndaqs.
Fl-istess ħin aħna nirraġunaw dan minħabba li fit-Tieni Gwerra Dinjija kienu nqatlu ħafna rġiel u kien hawn ħafna nisa. B’hekk nemmnu li raġel seta’ jkollu iktar minn mara waħda għax ikun ħela li mara ma tużax l-imħabba tagħha, kulħadd għandu l-imħabba ġewwa fih. La Alla tana l-imħabba għandna nużawha. Pereżempju fil-każ tiegħi, qatt ma ħassejt il-bżonn li jkolli iktar minn mara waħda, jien miżżewweġ u għandi żewġt itfal u qatt ma kelli l-ħajra li jkolli mara oħra.
...u dwar l-omosesswalità?
L-Iżlam ma jaqbilx. Alla ħalaq mara għal raġel u raġel għal mara. Hemm ħafna raġunijiet, fosthom minħabba l-prokreazzjoni. Jekk kulħadd isir omosesswali ma jkunx hemm il-kontwinazzjoni u l-prokreazzjoni. Hemm pajjiżi li mbagħad imorru fl-estrem, li joqtlu lill-persuni omosesswali, l-Iżlam ma jaqbilx ma’ dan lanqas, hija biss kultura tal-pajjiż. Jgħid li m’għandhomx jiġu kkastigati jew emarġinati, għandna nuru rispett imma l-Iżlam ma jaqbilx. Il-maħfra jew l-kastig huwa f’idejn Alla fl-aħħar mill-aħħar. Għandna wkoll inżommu f’moħħna li billi wieħed iħoss xi ħaġa m’għandniex insegwu dejjem dak li nħossu. Jekk inħoss xi ħaġa jien dan ma sarx id-dritt tiegħi. Wara kollox tul is-snin kollha kellna diversi messaġġiera mingħand Alla u ħadd ma ħabbar dan it-tagħlim. Tul is-snin dejjem tgħallimna li l-imħabba għandha tkun bejn raġel u mara.
U xi tgħid dwar il-vanità?
L-Iżlam jgħid li Alla huwa ġmiel u jħobb is-sbuħija. Pereżempju m’għandna xejn kontra l-fatt li n-nisa jagħmlu l-make up. Fuq il-fatt tat-tpinġija, l-Iżlam ma jgħid xejn, imma wieħed irid iżomm f’moħħu li din hija marka permanenti fuq il-ġisem. Wara kollox din hija għażla ta’ persuni, jien bħala persuna ma naqbilx.
U dwar l-alkoħol...
Il-Kuran huwa totalment kontra l-konsum tal-alkoħol. Il-Koran jgħid li hemm ħafna vantaġġi fl-alkoħol imma l-iżvantaġġi huma ferm ikbar. Pereżempju l-inċidenti tat-traffiku li jiġu kkawżati minn konsum tal-alkoħol. Meta wieħed ikun fis-sakra jispiċċa jitlef id-dinjità tiegħu u ma jkunx jaf x’qed jagħmel. Mhux l-ewwel darba tispiċċa tisma’ b’każijiet ta’ persuni li abbużaw minn uliedhom għax kienu fis-sakra. Dawn huma affarijiet li la darba l-persuna jerġa’ jiġi konxju, dawn ħa jibqgħu fuq il-kuxjenza tal-bniedem. B’hekk jekk bniedem iżomm bogħod mill-alkoħol, iżomm ’il bogħod minn vizzji, żbalji u affarijiet li jiddispjaċih li jkun għamel. Wara kollox illum il-ġurnata qed nirrealizzaw li l-alkoħol huwa wkoll tip ta’ droga u fid-dinja tal-Punent hemm ħafna problemi personali u soċjali li bdew mill-alkoħol.
X’jingħad dwar l-infern fir-reliġjon Iżlamika?
L-infern qiegħed hemm għal min jgħix ħajja ħażina. Imma aħna mbagħad nemmnu li wara ċertu żmien dawn imorru l-ġenna. Nemmnu li wara ċertu żmien ta’ riformazzjoni kulħadd jitla’ l-ġenna. Nemmnu li iva, il-ġenna hija dejjiema, imma l-infern mhuwiex.
L-attakki li kien hemm fi Franza dan l-aħħar tefgħu dawl ikrah fuq ir-reliġjon Musulmana... xi tgħid dwar dan?
Aħna diġà kkundannajna dawn l-atti. Kienu atti barbari u atroċi u qatt ma nistgħu nappoġġjawhom. L-Iżlam ma jagħti l-ebda dritt li persuna joqtol lil ħaddieħor. Alla ma jħobbx lil dawk li jeqirdu l-paċi, b’hekk aħna nikkundannaw kull tip ta’ terroriżmu. Dan ma kienx bażi ta’ din il-vjolenza. L-Iżlam ma jagħtix dritt għall-ebda vjolenza. L-Iżlam huwa kompletament kontra l-vjolenza.
Wara kollox, sitwazzjoni bħal din għandha tiftħilna għajnejna u naraw dan kollu minn fejn hu ġej. Għandna nfittxu u naraw fejn jiġi promoss dan l-estremiżmu. Għandna nsibu l-għeruq u noħonquhom għax dawn l-affarijiet m’għandhomx jibqgħu jsiru. Hemm ħtieġa biex nirrevedu l-politiki kontra l-estremiżmu u t-terroriżmu. Huwa dmir tal-mexxejja reliġjużi u politiċi li għandhom ibiddlu n-narattiva tal-poplu tagħhom. Jekk jien bħala mexxej nara l-ħażen u ma nagħmel xejn biex nirranġah, jien ukoll responsabbli u kompliċi f’dak il-ħażen.
U xi tgħid ir-reliġjon tal-Iżlam dwar dawk li jisplodu lilhom infushom f’isem Alla?
Dan huwa wkoll dnub kbir. Fil-Quran hemm miktub “La toqtlux lilkom infuskom, Alla tabilħaqq huwa ħanin magħkom u min jagħmel hekk b’aggressjoni u inġustizzja se naħarqu fin-nar.” Jgħid ukoll “La toqtlux ir-ruħ li Alla qaddes, Alla jagħti l-ħajja u l-mewt u lejh tridu treġġgħuha lura.” Ħadd m’għandu dritt li jneħħi ħajtu.
Jiġifieri mhux vera li jekk wieħed joqtol lilu nnifsu jsib il-verġni jistennewh fil-ġenna?
Le. Dawn huma ideat żbaljati. Dan huma tgħawwiġ tal-fatti u interpretazzjonijiet ħżiena. Dawn huma punti li joħorġu minn estremisti. Meta l-mexxejja jagħtu tagħlim żbaljat, se jħallsu quddiem Alla għal dak li qed jagħmlu. Dawn huma nies li qed jiġu immanipulati u qed ikomplu jrawmu lil ħaddieħor bħalhom.
U l-opinjoni tiegħek f’isem l-Iżlam dwar l-ISIS...
Dawn qed ipenġu lilhom infushom li huma s-suċċessjoni tal-Iżlam. Iżda dan mhux minnu. Jien stess ktibt dwar l-ISIS. Il-punti huma kollha żbaljati. Huwa joqtlu, l-Iżlam iħabbar il-paċi. Kulma jagħmlu huma jikkuntradixxi t-tagħlim Iżlamiku b’mod speċjali fejn tidħol l-ubbidjenza lejn l-awtoritajiet, ir-rovina tal-paċi fost l-oħrajn. Wieħed irid iżomm f’moħħu li l-ISIS ilhom jiffurmaw. Illum il-ġurnata jingħad li l-ISIS hija l-iktar organizzazzjoni terroristika l-iktar sinjura fid-dinja, iżda minn fejn qed jiġu dawn il-flus? Kultant nattakkaw il-messaġġier, imma ma nsibux l-għeruq u dik hija l-problema. Billi qtilna lil Osama bin Laden ma fissirx li ħlisna mit-terroriżmu, ma nistgħux nibqgħu nħarsu biss lejn il-prodott t’issa, imma naraw kemm ilu u fejn dan qiegħed jinħema.