Wayne Grech, l-ewwel kontestant Malti għal Mr. Gay World
Beda jimmudella meta kellu 16 il-sena
minn Christa Boffa
Christa Boffa tintervista lil Wayne Grech dwar il-karriera tiegħu fl-immudellar u l-parteċipazzjoni f'Mr Gay World
Wayne bħala mudell - Kif beda kollox?
Bdejt meta kelli 16-il sena. Meta kelli 18 irbaħt kompetizzjoni u mort nikkompeti l-Korea. Imbagħad ta’ dsatax-il sena bdejt norganizza s-shows tiegħi stess – Miss European – li din is-sena ħa tkun is-seba’ sena li ħa norganizzah. Imma s-sena l-oħra bdejt nsegwi Mr. Gay World u staqsejt lit-trainer tiegħi għandiex nikkompeti – imma tant kont ili ma nieħu sehem li qas biss kelli ritratti x’nuri! Wara li ħadt photoshoot, u wara ħafna proċessi biex applikajt – ħallewni nikkompeti.
Xi jfisser li tkun mudell? Kif tieħu ħsieb?
Diffiċli ħafna bħala dieta u anke bħala taħriġ fiżiku. Qabel meta kont nismagħhom jitkellmu dwar kemm hu diffiċli li titħarreġ fiżikament kont naħsibhom qed jeżaġeraw – imma vera diffiċli. Biss biss ili minn Diċembru għaddej fuq dieta ta’ ħut biss! Imma barra minn hekk naħseb li trid karattru sod – li tkun taf kif għandek taffaċċja sitwazzjonijiet differenti, li jkollok personalità simpatika – kemm mal-kontestanti kif ukoll mal-isponsors, u ħeqq fuq kollox apparenza – sbuħija u figura tgħodd. Mhux faċli daqskemm taħseb!
Wayne mhux bħala mudell – x’jagħmel?
Jien hairdresser - fil-fatt ili 9 snin naħdem dak ix-xogħol! Bdejt kors meta kont vera żgħir ta’ 13-il sena. Wara li lestejt is-sekondarja u fejn kont nitgħallem bqajt hemm. Wara bdejt d-diploma u ddeċidejt li niftaħ is-salon tiegħi ta’ 19-il sena. Bħalissa jkolli ħafna x’nagħmel – trid tara kif tleħħaq. Inqum vera kmieni biex nara li nleħħaq ma’ kollox.
L-ewwel darba li ħa jkollna kandidat minn Malta għal Mr. Gay World. Kif intlaqgħet lokalment?
S’issa tintlaqa’ tajjeb – anke mill-intervisti kulħadd jgħidli prosit. Barra minn hekk, anke fid-dawl tad-drittijiet LGBTI – fil-fatt ħa jkun mistieden fl-ewwel anniversarju tad-drittijiet ugwali, li huwa daqt!
Nimmaġina ġabet risponsabilitajiet ġodda -
Ġaluna noħorġu slogan – jiena għażilt ‘Stand proud and strong’ – ibqa’ sod u kburi! Irridu nippromwovuha u rridu naraw li nimxu miegħu aħna stess. Nintalbu nagħmlu ħafna affarijiet – bħal filmati li jridu jkunu oriġinali. Barra minn hekk għandna anke żewġ eżamijiet dwar drittijiet LGBTI – li mhux daqshekk faċli daqskemm taħseb. Din il-kompetizzjoni ttik sfida imma jridu jaraw li r-rebbieħ imexxi l-kelma t-tajba għad-drittijiet LGBTI u mhux biss kemm int gustuż u twil!
Il-kuntentizza għalik xi tfisser?
Meta kont għadni qed noħroġ bħala gay, ma kontx naf kif ħa jieħduha l-familja. Imma mbagħad meta ndunajt kemm tawni appoġġ kont ħassejtni ħafna aħjar. Issa naħseb li l-kuntentizza hija li tħossok aċċettat, li tkun maħbub, u li fil-ħajja tagħmel dak li jkun għal qalbek – anke bħala xogħol.
L-isbaħ memorja tiegħek?
Naħseb kuldarba li nsiefer! Inħobb insiefer ħafna jien – u kullimkien! Inħobb niltaqa’ ma’ nies differenti
L-aħjar parir?
Li nkun vera jien u li ngħix ħajti kif nixtieq jien – parir min-naħa tal-famija tiegħi.
Li tkun gay hawn Malta differenti milli tkun gay barra?
Qabel kienet! Ħafna żgħażagħ qed joħorġu gay. Qabel iva kienet differenti, anke meta kont sekondarja vera kienet diffiċli, imma llum ma naħsibx li għadha daqshekk. Li naħseb li barra hemm differenti huwa li jekk pereżempju tmur Spanja tara nies tal-istess sess id f’id – hawn jekk jarawk hekk forsi jħarsu darbtejn, tlieta.
Il-futur?
Nittamaw li nkun ir-rebbieħ! Mill-bqija għandi ħafna vaganzi ppjanati – ħa npatti għax bħalissa vera ma kellix ċans.
Malta u drittijet ċivili?
Għalija tfisser ħaġa tajba – nemmen li kulħadd għandu jgħix ma’, jiżżewweġ u joħloq familja ma’ min iħobb!
Il-Knisja u gays?
Jien nemmen f’Alla, imma l-mod ta’ ħsieb ta’ ċertu nies fil-knisja ma naqbilx magħha. Jgħidu li kulħadd ħolqien t’Alla imma fl-istess ħin ma jaċċettawx lil kulħadd kif inhu!
Il-familja?
Għalija importanti ħafna – għalija tawni ħafna appoġġ meta kont żgħir dejjem kienu hemm u jibqgħu hemm. Vera kburi bil-familja tiegħi!
Il-ħbieb?
Il-ħbieb huma parti importanti għalija għax mingħajrhom ma ngħixx! Nemmen li anke meta tidħol f’relazzjoni għandek iżżomm il-ħbieb – għax jagħtuk ferħ differenti.
Wayne xi jfisser, għal Wayne stess?
Jiena narani persuna determinata ħafna – nkun nixtieq li l-għanijiet li għandi f’moħħi nwettaqhom. “Determination is they key to success” – tant nemmen fiha. Ma naqtax qalbi daqshekk malajr – anke meta nkun ħa naqta qalbi – nibqa’ nippersisti.
Tistgħu tivvutaw għal Wayne Grech fuq is-sit www.mrgayworld.com