Twelidt tifel maqbud f’ġisem ta’ tifla
Alex Mangion twieled fir-Rumanija bħala tifla fl-1 ta’ April 1990. Ta’ sena ġie adottat mill-koppja Mangion minn Ħ’Attard. Iggradwa fin-Negozju u l-Kummerċ u jaħdem bħala direttur maniġerjali mal-kumpanija tal-familja. Sena ilu daħal fil-forum tal-PN fil-grupp tal-FOI (Forum Opportunitajiet Indaqs) li hu forum dwar orjentazzjoni sesswali. Alex hu transgender u jqis ruħu bħala raġel. Qed jikkontesta l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali f’isem il-PN fuq il-lokalità ta’ Ħ’Attard.
minn John Busuttil

L-ILLUM iltaqgħet ma’ Alex Mangion, li f’din l-intervista rrakkonta minn dak li għaddha minnu, għaliex daħal fil-politika u fejn irid jasal fil-qasam politiku.
Alex beda biex jgħidli kif u meta nduna li hu tifel u mhux tifla. “Minn dejjem ħassejtni differenti mill-bniet l-oħra. Meta kont inħares fil-mera kont nara persuna differenti minn dak li turi l-mera. Ġo fija kont inħoss li jien mhux tifla, iżda tifel. Kont nattendi skola privata fejn fil-klassi konna mħaltin subien u bniet u dejjem kont miġbud lejn il-bniet bħal kull tifel ieħor. Qatt ma kelli ġibda lejn is-subien.”
Staqsejtu ta’ liema età beda jħossu tifel u mhux tifla fejn qalli li dan kien iħossu minn dejjem, iżda kien aktar konxju meta kellu bejn sitta u seba’ snin. Għalkemm hi età kemxejn żgħira iżda, hu beda jgħidli li minn tfulitu ħass xi ħaġa differenti fis-sesswalità tiegħu. “Kont inħoss ġibda lejn il-bniet iżda jien mhux liżbjana, jien raġel minn ġewwa. Meta kont l-iskola batejt ħafna fejn kont niġi mgħajjar liżbjana, ġieli anke ‘she male’ (mara b’organi sesswali ta’ raġel) meta ma kontx. U dawn kienu jgħajruni hekk meta kellna madwar seba’ snin. Dan wassal biex minn ta’ età żgħira kont inħossni waħdi. Darba minnhom għamilt kuraġġ u tkellimt ma’ ħabiba dwar kif kont inħossni u fiha sibt ħabiba kbira li kienet tifhimni, allavolja konna t-tnejn li aħna tfal.”
Hawnhekk induna li anke jien kont kemxejn imħawwad bis-sitwazzjoni quddiemi u qalli, “nitolbok tifhem din ħalli tkun tista’ twassalha lil ħaddieħor. Jien għandi l-ġeneru u s-sess ma jaqblux. Il-ġeneru hu dak li jien u dak li nħoss: maskili; filwaqt li s-sess hu dak li jidher fuq barra: ġismi hu femminili. Jien raġel maqbud f’ġisem ta’ mara.”
Alex fil-fatt sentejn ilu meta kellu 23 sena għamel operazzjoni u neħħa sidru biex ikollu dehra aktar ta’ dak li hu - raġel. Qalli wkoll li għadu qed jistudja lilu nnifsu għal operazzjonijiet akbar għax irid ikun ċert li ma joħolqulux problemi ta’ saħħa. “Naċċetta dak li jien - transgender.”
Alex bħalissa qiegħed f’relazzjoni ma’ tfajla u anke jekk għadhom bidu jinsab kuntent ħafna. Tkellimna wkoll dwar akbar problema - meta ġie biex itarraf il-ġeneru sesswali tiegħu lil ġenituri tiegħu. “Kelli disa’ snin meta ddeċidejt li ngħid lil ommi u lil missieri. Mort quddiemhom u għidtilhom hekk: “Ma, pa, jiena tifel u mhux tifla.”
Hawnhekk iddeċieda li jitkellem missieru, li kien preżenti għall-intervista wkoll, li għaddha minn din l-esperjenza li forsi qatt ma ħolom. “Aħna bgħatnih skola privata u mill-iskola kienu wrewna li hu differenti minn tfal oħra. Iżda meta qalilna hekk, nammetti li m’aċċetajnihiex b’xi ferħa. Għall-ewwel ħsibna li kien għadu żgħir wisq biex ikun jaf x’qed jgħid u x’ried ifisser. Ħadnih għand psikologu u qalilna biex nagħtuh ċans għax hu ma kien qed jara xejn stramb. Iżda ddeċidejna li nieħdu iżjed opinjonijiet, fejn psikologu minnhom qalilna, ‘jekk qed tbatu intom aħseb u ara kemm qed ibati aktar minnkom hu li għaddej minn din it-trawma.’ Kompla jgħidilna li t-tifel bħalissa qed iħossu għaddej minn Strada Rjali għarwien ħuta.’ U bil-mod bdejna naċċettaw ir-realtà - għax aħna lil Alex aċċettajnih meta ġibnih id-dar mir-Rumanija.”
Kien hawn li Alex ħares lejja u qal, “Meta kelli 15-il sena, jiġifieri 6 snin wara li kont għidtilhom li jiena tifel u mhux tifla għajtuli quddiemhom u ommi qaltli, ‘se jkollna tifel!’ u jien ħsibt li ommi kienet tqila u bqajt iċċassat, iżda hi ħarset lejja u qaltli, “qed inħarsu lejh issa”. Kien il-mument li aċċettaw is-sesswalità tiegħi. Dak il-ħin ħassejt xibka titqatta’.”
”Dak kien il-mument li aċċettaw is-sesswalità tiegħi. Dak il-ħin ħassejt xibka titqatta’”
Hawn John reġa’ intervjena fl-intervista u qal, “Inħossni kburi b’Alex u flimkien ma’ ommu llum nħarsu lejh bħala grazzja minn Alla.”
Storja ta’ kuraġġ, storja ta’ gladjatur li ma ċeda qatt sa ma wera l-ġeneru vera tiegħu. U dan wasslu biex joħroġ fuq barra jirrakkonta l-istorja tiegħu ħalli jkun jista’ jgħin lil dawk li jitwieldu differenti minn ħaddieħor li jaċċettaw lilhom infushom kif inhuma u ma jibżgħux jaħbu l-identità vera tagħhom. “Irrid ngħin lin-nies fejn nista’, għalkemm dejjem inżomm f’moħħi li rrid dejjem noqgħod attent li ma nħallix min jagħtini xi daqqa ta’ stalett f’dahri.”

Mistoqsi kif għażel li jimmilita fil-partit li astjena fil-liġi tal-Unjoni Ċivili Alex wieġeb, “weġġajt dakinhar, ħafna weġġajt għax dakinhar għidt fil-pubbliku li ‘mhix għażla li tastjeni’ u bdejt naħseb li dawn se jagħmlu l-istess meta niġu għall-liġi tal-identità tal-ġeneru. Iżda wara li ħsibtha sew iddeċidejt li flok nabbanduna dan il-partit, nidħol fih u ngħin fil-bidla tal-mentalità. Rajt li Simon Busuttil hu bniedem aktar miftuħ u ried jibdel u jġedded il-partit u fil-fatt illum il-PN ivvota favur il-liġi tal-identità tal-ġeneru. Illum inħoss li kontra dak li kien hemm fl-amministrazzjoni ta’ qabel, li ma tantx kont naqbel magħha, hemm partit liberali u partit miftuħ.
“Kont tkellimt fil-Konvenzjoni tal-Partit dwari u dwar l-esperjenzi tiegħi bħala transgender u kont ferm eċitat. Il-membri laqgħuni tajjeb ħafna - iżda mbagħad fl-aħħar Kunsill Ġenerali ingħatajt standing ovation fejn kien mument mill-aktar emozzjonanti.”
Alex iddeċieda li joħroġ bħala kandidat għal Kunsilli Lokali fuq Ħ’Attard - “jien l-iżgħar wieħed fil-lokalità, iżda ma rridx li jivvutawli għax jien transgender. Ma rridx nilgħab il-logħba tal-vittma. Irridhom jivvutawli għax nista’ nagħmel id-differenza. Irrid nara lil Ħ’Attard dejjem titjieb. Li jien transgender tgħini biex nifhem aktar lil dawk diskriminati u lil dawk li jiddefendu l-minoranza.”
Nawguraw suċċess lil dan iż-żagħżugħ, iżda Alex se jieqaf hawn fil-karriera politika li qabad? Jiġifieri li jkun membru fil-kunsill lokali hu biżżejjed għal Alex?
“Ma nixtieqx nieqaf hawn. Inħares lil hinn mill-kunsilli lokali fejn tidħol politika. Irrid inkun politiku li ngħin lin-nies u mhux għal xi gwadann finanzjarju iżda biex ngħin. Ma nħossx li nkun prużuntuż jekk ngħid li iva se naħdem biex jirnexxili nimxi iżjed fil-politika - ħalli nkun nista’ nagħmel differenza fil-ħajja tan-nies. Għandi viżjoni li l-politika ma tibqax tal-kuluri iżda tal-valuri u prinċipju. ”



