Malta pajjiż Laburist u jivvota PN meta jiġi dahru mal-ħajt
Joe Psaila Savona hu tabib tal-familja li għandu 70 sena. Imwieled Ħal Balzan, tfulitu jafha Tas-Sliema u llum jgħix iż-Żejtun. Armel ta’ Liliana, missier Anika, Katja u Greta u nannu ta’ seba’ - tlett ibniet u erba’ subien. Kien membru Parlamentari Nazzjonalista bejn l-1987 u l-1998 fejn għal sentejn serva wkoll bħala segretarju Parlamentari għat-Turiżmu.
minn John Busuttil
Iltqajt mat-tabib Joe Psaila Savona fil-villa tiegħu, li tinsab qalb il-kampanja sabiħa Żejtunija. Għalkemm kont nafu bħala deputat Parlamentari, ma kontx nafu bħala persuna. Fid-dar tiegħu ż-Żejtun iltqajt ma’ persuna umana, sinċiera, onesta bi ftit jew xejn kantunieri u b’memorja mill-aktar luċida ta’ dak li għadda minnu.
Stajt nilmaħ raġel li jaf x’ried mill-ħajja u x’irid bl-uniku weġgħa hi li tilef lill-akbar ħabiba tiegħu, sieħba, mart u omm uliedu Liliana. Meta staqsejtu kemm ilha li mietet weġibni mill-ewwel, “8 snin neqsin xahar u ġurnata”. Kompla qalli, “niftakar fir-referendum tad-divorzju kont għidt lil saċerdot ħabib tiegħi, ‘tajba din - hawn min qed jiġġieled biex jinfired minn martu u jien ridtha tibqa u telqitni’ u sal-lum għadni nħossni miżżewweġ u mhux single.” Liliana mardet bil-kanċer u wara erba’ snin tiġġieled mal-marda mietet tliet xhur wara li rat l-ewwel wild tifel jitwieled fil-familja tagħha. Psaila Savona qalli li Liliana kienet ġejja minn familja ta’ erba bniet u kellha tliet ulied bniet u l-ewwel żewġ neputijiet kienu bniet u meta wasal l-ewwel neputi tifel, mietet wara 3 xhur, biex wara ġew tliet subien oħra wara xulxin.
Eddie qatt ma kellu fiduċja fit-tobba - fil-parlament kien Kap tal-avukati
Iżda ma ltqajtx mat-tabib Psaila Savona biex niddiskuti biss dwar it-telfa tiegħu, iżda dwar il-karriera politika tiegħu u l-ħsibijiet tiegħu dwar il-politika fil-preżent. Tkellimna dwar is-sitwazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, ir-raġunijiet għaliex jaħseb li mar lura u jekk jarax bidliet fil-partit - illum li m’għadux involut għalkemm għadu jsegwi l-politika.
Joe Psaila Savona beda biex qalli li hu dejjem xtaq ikun tabib fl-isptar, “għax fl-isptar tara l-veru mard”. Iżda fi żmien l-istrajk tat-tobba fi żmien Mintoff spiċċa barra bla xogħol, “spiċċajt bla flus u bi 3 itfal. U bdejt naħdem bħala tabib tal-familja ż-Żejtun u nqlajt mill-qiegħ. Jien qatt ma kont bniedem tal-politika, iżda mingħajr ma trid il-vjolenza fit-tmeninijiet u n-nuqqas ta’ demokrazija li kien hawn dak iż-żmien ħassejt li nista’ nagħti xi ħaġa biex Malta tinbidel u toħroġ minn żminijiet koroh bħal dawk. Niftakar li Eddie kien għadu kif inħatar Kap u ltqajna f’tieġ u jien semmejtlu li fiż-Żejtun kif l-PN ma kienx jeżisti u dritt weġibni, ‘smajt li int tabib popolari - għaliex ma tagħmilx xi ħaġa int?’ Kelli l-mara akkanita u għenet fid-deċiżjoni tiegħi li noħroġ għall-elezzjoni tal-1981 fejn fil-fatt ma tlajtx.”
Sadattant staqsejtu kif minn tas-Sliema mar joqgħod iż-Żejtun u bi tbissima beda jirrakuntali. “Marti kienet mill-Belt u dejjem xtaqet tgħix tas-Sliema iżda niftakar malli lħaqt tabib sirt ħabib ma’ Alexander Cachia Zammit li kien Ministru tas-Saħħa u li kien persuna jibża ħafna mill-mard u dejjem xtaq li ħdejh ikollu tabib. Għalhekk kien għażel lili fost dawk li ggradwajna għax kont bniedem tat-triq tan-nofs, u talabni biex immur ngħix iż-Żejtun f’dar li kellu. Aċċettajt li nagħmel dan u ġietni z-zalza għola mill-ħuta meta biex irranġajt id-dar li tani swietli aktar mid-dar li konna se nixtru Qui Si Sana. Ġara wkoll li meta sar jaf li kont se noħroġ għal politika, allura kont se nikkompetilu talabni biex noħroġ mid-dar tiegħu. Fil-fatt spiċċajt biex tlajt jien fil-Parlament fl-1987. Però xorta bqajna ħbieb u qatt ma ħadtha kontra tiegħu!”
Psaila Savona qal li dakinhar Eddie kien għamel kabinett mibni fuq is-Slimiżi u n-naħat taż-Żejtun ħallihom b’xejn - “Eddie bl-għerf kollu xorta għamel ħafna żbalji. Eddie qatt ma kellu fiduċja fit-tobba - fil-parlament kien Kap tal-avukati.” Mistoqsi kif sar segretarju parlamentari fit-Turiżmu t-tabib li llum iqis ruħu bħala Żejtuni qalli li kien fit-tieni leġislatura meta fl-1994 Ugo Mifsud Bonnici inħatar President ta’ Malta u Michael Refalo sar Ministru tal-Ġustizzja kien hemm bżonn xi ħadd għat-Turiżmu. “Kien bagħat għalija Eddie u offrieli t-turiżmu. Jien għidtlu li xtaqt is-saħħa kieku imma qalli li dik ma kinitx parti mill-offerta u aċċettajt it-turiżmu. Kienet diffiċli għax kienet xi ħaġa ġdida għalija. Barra hekk sibt ruħi f’ġungla Slimiża bin-nies kollha ta’ Refalo madwari. Indunajt li ħafna ma kellhomx fiduċja fija għax kont tabib. Li ma kinux jafu li jien bħala tabib inħares lejn it-turiżmu minn lenti aktar umana għax kont orjentat mill-pazjenti tiegħi. Kont ħloqt proġett li mit-turiżmu jiekol kulħadd u bdejt ir-riġenerazzjoni tal-Kottonera fejn kont introduċejt l-BirguFest – li għadu għaddej sal-lum. Ħloqt l-In Guardia, ftaħna l-fortizzi għal pubbliku. Bdejna b’Sant’Anġlu u bdejt nagħti importanza lil-lukandi bi tliet stilel għax ta’ qabli kien jagħti aktar importanza lil-lukandi b’ħames stilel.”
Staqsejtu jekk ħassx in-nuqqas tax-xogħol ta’ tabib meta kien segretarju parlamentari, fejn mingħajr tlaqlieq wieġeb, “jien żammejt kuntatt mal-pazjenti tiegħi. Bqajt inkun hemm għall-pazjenti tiegħi. Ma kontx nagħmel operazzjonijiet iżda min kellu bżonni bħala tabib kont inkun hemm għalih.” Semmejtlu li dan kien nuqqas ta’ etika li għamel dan, iżda hu weġibni li ma setax jabbanduna lil pazjenti tiegħu u qalli wkoll li kieku għamel hekk kien jispiċċa bla xogħol meta wara sentejn il-PN waqgħu mill-gvern. “Wieħed irid jifhem li t-tobba jiġbdu l-voti, fejn mhux ġust li tabib jitla’ fil-parlament għax jieħu l-voti bħala tabib u min jivvutalu ma jivvutalux minħabba l-programm elettorali tal-partit li joħroġ minnu.” Bi tbissima qalli wkoll li meta kien segretarju parlamentari martu kienet tieħu ħsieb lill- kostitwenti diffiċli, “għax kellha mod kif teħodhom.”
Psaila Savona qal li hu jemmen li la l-poplu ma tellgħux ma kellux għalfejn jibqa’ fil-politika u rtira mix-xena politika. “Il-politiku nadif jagħmel pjaċir lil kostitwenti u mhux viċi versa u la ma kienx hemm bżonni aktar ħassejt li kelli nwarrab u ddedikajt ruħi kompletament fuq il-prattika medika u l-familja - fejn sibt 24 siegħa żejda fil-ġurnata”
Ammetta li kien ħadha bi kbira li ma telax u anke martu weġġgħet ħafna u ftit wara feġġitilha l-marda. “Nemmen li l-istress iwassal għall-kanċer u żgur li l-istress għen ħafna biex marti mardet għax sa dak iż-żmien kienet mara b’saħħitha ħafna. Kelli mara tirrispettani ħafna u tħobbni ħafna. In-nies kienu jħobbuha ħafna iżda jien kont inħobbha iżjed minn kulħadd. Tant li meta mietet neħħejt il-mustaċċi għax hi kienu jogħġbuha ħafna u wara li telqet ma kellix lil min nogħġob iżjed.”
Iddiskutejna t-telfa kbira li ġarrab il-PN fl-aħħar elezzjoni.Psaila Savona qal li kien hemm tliet raġunijiet - ir-rebħa bi ftit tal-2008 ta’ Gonzi tefgħet is-simpatija lejn il-partit li tilef elezzjoni bi ftit, li l-PN ma ħax bis-serjetà l-bidla li kienet qed issir fil-Partit Laburista u li Gonzi ta 5 snin xogħol lil pajjiż bi traskuraġni kbira tal-partit.
Gonzi ta 5 snin ta’ xogħol lill-pajjiż bi traskuraġni kbira tal-partit
It-tabib Savona qalli wkoll li eżatt wara l-elezzjoni hu ġie kuntattjat mill-Ministru Konrad Mizzi li offrielu l-post ta’ direttur mal-Enemalta, “jidher li mmarkawni li nista’ naqleb iżda jien għażilt li nkun spetattur aktar milli nkun protagonist.”
Tkellimna dwar il-passat tal-partit u ma kienx jonqos li nitkellmu dwar il-preżent tal-Partit Nazzjonalista, “Il-partit qed jinbidel mhux bil-mod radikali li hemm bżonn, iżda qed jinbidel. Joseph Muscat għandu kariżma, jaf x’għandu jgħid u x’jixtieq jisma’ l-poplu. Simon min-naħa l-oħra hu intelliġenti u onest u jimxi wisq id f’id mal-irġulija. Imma għalkemm l-onestà sabiħa tinħtieġ ukoll il-makkakerija.”
“Malta pajjiż Laburist u jivvota PN meta jsib ruħu dahru mal-ħajt. Ħares lejn il-passat u tara li l-PN rebħu elezzjonijiet meta kien hemm bżonn l-Indipendenza, meta kien hemm bżonn titwaqqaf il-vjolenza, meta kien hemm tnaqqir fid-demokrazija u meta riedu jidħlu fl-Ewropa. Il-bqija meta ma jkunx hemm sfidi kbar il-poplu jaqa għall-Partit Laburista. Barra hekk, l-għajta li dan il-gvern għandu hemm 20 sena qed tgħin biex ħafna nies qed jingħaqdu miegħu – għax kif jgħidu if you can’t beat them join them.”
Dwar iż-Żejtun Psaila Savona għamel dikjarazzjoni qawwija oħra meta qalli, “Il-Partit Nazzjonalista reġa’ mhux preżenti fiż-Żejtun. Is-suldati u l-kapurali żvintaw u ma tagħtihomx tort għax fizzjali m’hawnx.”
Fl-aħħar ħassejt li kelli nistaqsih mistoqsija kemxejn taħraq meta staqsejtu għandux flus investiti fi Żvizzera u dritt weġibni, “Li dejjem kelli kienu tfal, pazjenti u kostitwenti u mhux kontijiet fl-Iżvizzera.”
U dan it-tabib b’viżjoni politika ferm miftuħa u moderna temm jgħidli li ma jiddispjaċih xejn li kien fil-politika għax din fetħitlu orizzonti u laqqgħatu ma’ nies li l-politika biss tista’ tlaqqgħek magħhom fejn semmieli meta kien spalla ma’ spalla ma’ Andreotti u li kien parti minn team li jkun qed ifassal il-pajjiż.
Fl-aħħar semmieli xi ħaġa li għandi dubji jekk saritx qabel fil-poltiika Maltija - “Meta tlifna l-Gvern fl-1996 kont jien li wassalt lil Karmenu Vella fl-uffiċċju li kelli tat-Turiżmu u tajtu l-handover.”