Il-vot hu tal-poplu mhux tal-partiti
Nigel Holland għandu 56 sena u missier Lorna ta’ 18-il sena. Jaħdem bħala Senior Assistant Librarian fl-Università ta’ Malta. Kien sindku tal-Floriana fl-aħħar erba’ leġislaturi u kunsillier fl-ewwel leġislatura. Wara 17-il sena fil-Kunsill Lokali tal-Floriana, spiċċa ma telax fl-aħħar elezzjoni.
minn John Busuttil
Il-Familja Holland ilha magħrufa snin twal fil-logħba tal-futbol fejn il-flokk aħdar dejjem iddomina fuq din il-familja, il-flokk tal-klabb Furjaniż. Ma’ Nigel qatt ma ltqajt bħala plejer tal-futbol bħal ħutu, iżda magħruf li dejjem kien fl-amministrazzjoni f’xi tip ta’ kumitat fil-Floriana. Tant li għal 41 sena sħaħ, Nigel Holland dejjem okkupa xi kariga f’xi kumitat fil-Floriana. Beda fl-1974 fil-Floriana Youth Club, fil-basketball u fil-festa fost ħafna oħrajn. Għall-ewwel darba wara 41 sena, Nigel spiċċa barra minn kull organizazzjoni fil-Floriana.
Li Nigel falla li jitla’ fil-kunsill hu fattur mhux tas-soltu. Jista’ jkun li ġara xi ħaġa min-naħa tal-partiti politiċi li waqqaflu l-mixja tiegħu fil-Kunsill Lokali wara 17-il sena? “Ifhimni, kważi dejjem tlajt bil-ħniena,” beda jgħidli Nigel, “il-fattur li konna żewġ kandidati indipendenti naħseb li tellifna lil xulxin u bqajna barra t-tnejn, anke jekk darba konna tlajna t-tnejn li aħna. Flimkien ġibna 19% tal-voti u din id-darba, fejn is-soltu meta jaqa’ hu l-voti tiegħu kienu kważi jaqgħu kollha fuqi, din id-darba nqasmu eżatt fuqi, fuq kandidat tal-PL u ieħor tal-PN.”
“Il-partiti m’għamlu xejn differenti milli dejjem għamlu. Kull elezzjoni jagħtuha tema nazzjonali favur tagħhom. Din id-darba jkolli nammetti li billi kien hemm it-tema tal-kaċċa fejn fil-Floriana din ma tagħmilx differenza wisq, emmint li se jkun pożittiv għalija, iżda ma kienx il-każ.
“Anke l-fatt li jien imsemmi li ma nitgħawwiġx biex nagħmel pjaċiri, wkoll m’għenix biex nirbaħ aktar voti.”
Mistoqsi jekk ħadhiex bi kbira li spiċċa ma telax, Nigel qalli li meta wieħed jagħżel li joħroġ indipendenti jrid ikun ippreparat li mhux se jitla’, “għax il-poplu Malti hu affetwat ħafna mill-politika partiġġjana. Anke kelma waħda minn kap ta’ partit jaffetwa referenda. Kont jien li għażilt it-triq iebsa tal-indipendenti anke jekk ħafna qaluli biex nagħżel partit. Iżda jien mhux bniedem ta’ xi partit jew ieħor. U li kienu għażilt partit jew ieħor, ma kontx inkun komdu għalkemm ċert li kieku kont nitla’ żgur u qed ngħid hekk mhux għax prużuntuż, iżda għax hi loġika.
“Li kellna sindku indipendenti kienet tiddistingwina minn kulħadd”
“Ma ħadtiex bi kbira iżda dispjaċut, mhux għax tlift l-elezzjoni iżda għax kont deċiż li noħroġ tal-aħħar għax xtaqt nagħmel ftit snin oħra nikontribwixxi għall-Floriana.”
Nigel Holland għandu mħabba kbira lejn il-Floriana, “Il-Floriana hi s-sieħba tiegħi. Kull relazzjoni tintemm, sew dik ta’ mħabba, kif ukoll ta’ xogħol u ta’ ħbiberija iżda r-relazzjoni tiegħi mal-Floriana tmut miegħi. Il-Floriana tiġi l-ewwel għalija u binti biss tiġi qabel.”
Staqsejtu jekk jintalab jgħin jaċċettax jew le, “Irrid nara ftit. Wara 41 sena f’kumitati u 17-il sena fil-kunsill, se nieħu pawża. Mhux se ngħaġġel fl-ebda inizjattiva. Irrid nara x’se nagħmel b’ħajti. Mhux se tkun faċli għalija, anke mil-lat emottiv hi diffiċli wara daqstant snin.”
Tlabt lil Nigel jgħidli jekk barra l-Floriana, qattx kellu xi partit f’qalbu, “Ma nħossnix bniedem ta’ partit. L-ambjent tad-dar ma kienx politiku u ħlief fuq futbol qatt ma tkellimna fid-dar. Tant hu hekk li dejjem kont nivvota differenti għax mhux obbligat lejn partit jew ieħor. Il-vot hu tiegħi u mhux ta’ xi partit partikolari.
“Ma ħadtiex bi kbira iżda dispjaċut għax il-Furjana hi s-sieħba ta’ ħajti”
U dan hu li jweġġgħani u ma nifhimx il-loġika tiegħu, fejn kien hemm ħafna nies li kienu japprezzaw ix-xogħol tiegħi fil-Floriana u meta jkellmuni jgħiduli li ma jaqblux li l-partiti jdaħħlu l-politika partiġġjana fil-Kunsilli Lokali, u fin-nifs ta’ wara jgħidulek li se jivvutaw għall-kandidati tal-partit tagħhom għax hekk ikun qalilhom il-mexxej tagħhom u waqt li jgħiduli li ma jarawx il-Floriana mingħajri, ma jivvutawlix.
“Il-poplu qed jibdel il-mentalità tiegħu iżda għadu wisq ’il bogħod. Il-poplu jrid jifhem li l-vot hu tiegħu u tal-ebda partit. Mhux talli hekk, talli fil-festa ta’ San Publiju ġew ikellmuni nies bid-dmugħ f’għajnejhom fejn fosthom kien hemm min xtaq jivvutali iżda jkunu vvutaw skont x’qalilhom il-partit tagħhom.”
Nigel Holland meta jitkellem fuq il-Floriana bħal speċi jkun qed jitkellem fuq il-maħbuba tiegħu, “Ilni żmien nikteb l-istorja tiegħi vis-à-vis il-Floriana. Issa forsi hu ż-żmien opportun li nippublikaha. Semmejtha ‘Il-Furjana/Floriana, s-Sieħba ta’ Ħajti’. Oliver Friggieri fi ktieb tiegħu kiteb hekk dwari, ‘Il-ħabib tiegħi Nigel li ddedika ħajtu għall-Floriana’. Ma’ Oliver kellna argumenti kbar dwar jekk wieħed għandux jgħid Furjana jew Floriana. Jien minn meta kont tifel, dejjem ktibt Floriana għax dak l-isem uffiċċjali, iżda meta l-kelma Furjana tintuża meta mitkellma.” Nigel Holland irnexxielu wkoll jibdel l-istemma tal-lokal minn dik li kien tahom il-Gvern meta saru l-Kunsilli Lokali. Bħalma kien hu li introduċa l-festeġġjamenti tal-aħħar tas-sena fejn kienu daħlu magħhom il-Belt Valletta u wara, l-istess membri tal-Kunsill kienu vvutaw li joħorġu barra minn dawn il-festeġġjamenti.
Ħafna jgħidu li l-Floriana hu pajjiż li qed imut u hawn Nigel ma qabilx miegħi sa barra għax qalli li anke jekk ħafna nies telqu milli jkomplu jgħixu hemm iżda xorta baqgħu dejjem hemm fejn jidħlu attivitajiet fil-Floriana. “Il-Furjaniżi dejjem jirritornaw lura anke jekk hemm fosthom li jgħidu li ma jridux jgħixu hemm iżda baqgħu iħobbu dak kollu li hu tal-Floriana, bħall-festa u l-futbol. Il-popolazzjoni madwar il-Port il-Kbir dejjem nieżla għax hemm ċaqliq demografiku u emorraġija naturali. Iżda dan qed naħdmu biex inwaqqfuh. Ħdimna biex nagħmlu l-proġetti tal-housing f’Balzunetta u ħdejn il-Kappuċċini u din kienet prijorità għalina għax aħna rridu komunità ħajja għaliex in-nies huma aktar importanti mill-attivitajiet u t-tiżjin.
“Hi ħasra li ħafna Furjaniżi ma jarawx il-vantaġġ li hemm li tgħix ġol-Floriana. Għandek trasport pubbliku dirett għal kull pajjiż f’Malta, għandek ħafna ġonna mill-isbaħ li jħarsu lejn il-Port-il Kbir, ċentru tas-saħħa u pass bogħod mill-belt kapitali. Qed jiġi apprezzat mill-ħafna barranin li qed jiġu jgħixu hawn u mhux mill-familji Furjaniżi.”
Għal dawn l-aħħar disa’ snin, fil-festa ta’ San Publiju isir il-festival tal-logħob tan-nar tal-art u dan naħseb li sar biex il-kumitat tal-festi jiffranka l-ispejjeż tan-nar għall-festa. “Kienet idea tiegħi u fil-bidu hekk ħsibt iżda għarrali. Per eżempju, il-festival ta’ din is-sena fejn ħadu sehem 13-il kamra tan-nar lill-Kunsill swietu €16,000, b’70% minnhom imorru għal spejjeż anċillari (bħal barriers, pulizija eċċ). Iżda tal-inqas tgħolli l-livell tal-festa tal-patrun u l-kumitat tal-festi ma joħroġ xejn.”
Id-diskors reġa’ waqa’ fuq il-Kunsilli Lokali fejn qalli li hu ma jaqbilx ma’ sindki jew kunsilliera li ma jkunux jgħixu fil-lokalità, “Hemm ċirkostanzi li persuna ma jkollux kontroll fuqha iżda qed nitkellem għal dawk li jistgħu jaffordjaw li jibqgħu jgħixu fil-lokalità u jitilqu għax dan ifisser nuqqas ta’ fiduċja fil-lokalità. Fil-fatt din id-darba hemm il-maġġoranza tal-kunsilliera li ma jgħixux fil-Floriana fejn lanqas ivvutaw għalihom infushom għax il-vot tagħhom mhux qiegħed fuq il-Floriana.”
Huma l-ħafna li jgħidu li ma jaqblux li fil-Kunsilli Lokali għandhom jidħlu l-partiti politiċi, “ħafna jgorru għall-politika u fl-istess ħin iħossuhom obbligati għall-politika. Kemm ilni jien, qatt ma ħadna deċiżjonijiet li kien fihom kontenut politiku u fil-kunsilli f’Malta ma jkunx hemm dċiżjonijiet politiċi u għalhekk, ma nafx għalfejn jidħlu l-partiti fihom. Il-partiti iżda jgħinu biex aktar nies joħorġu jivvutaw għax huma jimmobilizzaw il-vot. Hawn nies validissimi li jistgħu jagħtu kontribut lil-lokalità u ma joħorġux għall-kunsilli għax ma jkunux iridu jintrabtu ma’ xi partit jew ieħor. Il-Partiti saru jridu jinfluwenzaw wisq lill-poplu u ħadu post il-knisja tal-passat.
“L-akbar dispjaċir tiegħi kien li aħna konna l-uniċi lokalità li kellna sindku indipendenti li kienet tiddistingwina minn kulħadd. Tlifna identità tagħna biss u issa diffiċli nerġgħu nakkwistawha.”
Mistoqsi jekk jerġax joħroġ għal Kunsilli oħra, Nigel qal li hu għandu demm Ingliż fih (billi nannuh kien Ingliż), “ngħix fil-mument u ma noqgħodx naħseb x’jista jiġri fil-futur iżda le, ma noħroġx iżjed għal Kunsill.”
Qabel infridna ma stajtx ma nistaqsihx xi ħaġa dwar il-pika bejn il-Belt Valletta u l-Floriana, “il-pika hemm qiegħda. Iżda fil-piki jridu jinżammu l-perspettivi għax pika qawwija ġġib il-mibgħeda u jien nobgħod il-mibgħeda. Iżda jkolli nammetti li rebħa fuq il-ġirien fil-futbol tinżilli għasel.” U hawn fakkartu li ilu ma jduq l-għasel għax ilu ħafna li l-Floriana jirbħu lil Valletta. Bid-daħka wieġeb, “ħafna Furjaniżi jgħidu li l-aħħar rebħ tat-trophy tefagħna fi problemi finanzjarji kbar, iżda jien ngħid li dik il-ġurnata kienet importanti ħafna għax ġabitilna unur minn fuq il-ġirien u tatni sodisfazzjon kbir. Qed niċċajta, iżda l-pika sportiva bejnietna tibqa’ dejjem.”