Nipproteġu lil lagħba u mhux inħajruhom jilagħbuhom – Joseph Cuschieri
It-Tennis hu l-aktar sport li joħloq dubji fl-imħatri
minn John Busuttil
Iltqajt ma’ Joseph Cuschieri fl-uffiċċju tiegħu l-Imrieħel fejn ġejt milqugħ f’uffiċċju sabiħ b’tazza espresso tajba filwaqt li quddiemi tfaċċa raġel bi tbissima li beda jgħidli li hu jemmen fis-saħħa fiżika ħafna fejn kull filgħodu qabel jidħol għax-xogħol imur iqatta’ siegħa fil-gym. U jkolli nammetti li dik is-siegħa gym tidher fih. Iżda jien ma mortx hemm biex niddiskuti l-figura tiegħu fiżika iżda l-figura tiegħu bħala l-bniedem li jmexxi l-Awtorita tal-logħob fuq l-internet u ‘land based’ f’Malta, il-Malta Gaming Authority. Industrija li tħalli lil Malta madwar €600 miljun kull sena u li qieghda tkompli tikber.
Industrija li bdiet fl-2003 meta diversi kumpaniji ta’ servizzi finanzjarji bdew jirreġistraw Malta. Il-gvern ta’ dak iż-żmien induna li kien hawn niċċa u ħoloq awtorita’ li tat lil din l-industrija spinta ‘l quddiem u saret industrija kbira.
Mistoqsi għaliex Malta saret ‘hub’ daqshekk importanti għal din l-industrija tal-logħob, Cuschieri qalli, “Għax Malta kienet l-ewwel pajjiż li daħħal regolamentazzjoni fuq il-loghob fuq l-internet fl-Ewropa. Illum fil-fatt hemm 280 kumpanniji jaħdmu minn u go Malta li bejniethom għandhom 480 liċenzja għax fosthom hemm min għandu aktar minn liċenzja waħda.” Bqajt ftit skantat meta qalli li fost dawn kollha m’hawnx hafna ditti Maltin, ghalkem generalment il-kumpaniji jigu registrati Malta.,
Personalment nemmen li awtorita bħal din tħajjar lil Maltin jilagħbu aktar fejn jissugraw jaqgħu f’riskju ta’ faqar, iżda Cuschieri qalli li huma ma jagħmlu l-ebda reklami biex iħajru lin-nies jilgħabu, “Aħna ma nistgħux inwaqqfuhom milli jilagħbu fuq l-internet lanqas, għalhekk l-awtorita tara li tal-inqas dawk li jridu u jagħżlu li jilgħabu jkunu mħarsa li ma jiġux migduma minn ħadd. Aħna xogħolna hu bħal ‘watchdog’ biex nipproteġu lil konsumatur Malti. Nipproteġu lil player u naraw li l-logħob li qed joffru lil konsumatur huma fair. Barra minnhekk kulħadd jaf kemm hawn kumpanniji tal-imħatri li jintużaw għal ħasil tal-flus, iżda aħna naraw li dan ma jsirx f’Malta. Għandna 120 ħaddiem speċjalizzat jaħdmu magħna kollha ffukati li l-operaturi jimxu mal-obbligi li ghandhom fil-licenzja. Aħna rridu li din l-industrija tkompli tikber u Malta tkun ic-centru ta eccellenza fl-industrija tal-gaming u fis-servizzi ancillari taghha.
Tiltaqa ma’ ħafna barranin li jgħidulek li jaħdmu f’din l-industrija, għaliex ma jintużawx Maltin f’dan ix-xogħol? “Qed insibuha diffiċli ħafna biex insibu nies tajbin. Hawn ħafna opportunitajiet kbar għal min jiggradwa fl-IT iżda l-Maltin għadhom iridu jiggradwaw fil-professjonijiet konvenzjonali, meta min jaħdem fil-gaming idaħħal salarji madwar 30% aktar min-normal.” Qalli Cuschieri kważi b’dieqa li m’hawnx wisq żagħżagħ li jitħajru jidħlu f’din il-linja tax-xogħol u qed joħduha l-barranin. Ghalkhemm m’hemm xejn hazin f’dan kollu, huwa important li jkun hawn talent lokali fil-gaming ghax b’hekk Malta tkun izjed kompetittiva.
Iżda inutli jgerger jekk mhu qed isir xejn biex jitħajru ż-żagħżagħ Maltin, “Għandek raġun mhux isir biżżejjed. Se titwaqqaf akkademja edukattiva fil-Gaming li tiżviluppa għarfien u ħiliet ta’ logħob. Din se tibda aktar tard din is-sena, li tibda topera sentejn oħra qed nittamaw. Għax bħalissa dawn qed jimpurtaw ħaddiema minn pajjiżi oħra. Irridu nimbuttaw liż-żgħażagħ tagħna minn kmieni, inħajruhom jieħdu l-opportunita li hawn f’pajjiżna. Għax is-settur finanzjarju u dak tal-gaming huma zewg pilastri ewlenin tal-ekonomija Maltija. .”
Staqsejtu għaliex Malta hi daqshekk b’saħħitha f’din l-industrija. Forsi għax f’Malta jħallsu inqas taxxi? “Mhux taxxi baxxi biss noffru. Għandna qafas leġislattiv tajjeb u regolatur effettiv li bih noħolqu superviżjoni tajba. Il-maltin kollha jitkellmu bl-Ingliż u dan jgħin biex il-kumpanniji jiġu Malta. Aħna membri fil-kommunita Ewropea u għandna gaming tax attraenti li hi inqas minn ta pajjiżi oħra. Ghandna wkoll infrastruttura teknologika b’sahhitha. Jiġu hawn għax hawn klima sabiħa, stabbilita politika u ekonomija b’saħħitha. Iżda rridu noqogħdu attenti għax .fl-ewropa, l-industrija tal-gaming mhix armonizzata u ghalhekk kull pajjiz membru qieghed johrog bil-qafas regolatorju tieghu”
Cuschieri kompla jgħid li aħna għandna esperjenza kbira f’dan il-qasam għax ilna 13-il sena fejn qalli li hemm regolaturi barranin li qed jiġu minn pajjżi kbar biex jitgħallmu l-mod kif immexxu din l-industrija. “Jien qiegħed għassa li ma nħalli lil ħadd ibill subgħajh f’din l-industrija fejn nistudjaw id-dokumenti kollha ta’ dawk li japplikaw biex jirreġistraw ħalli ma nħallux ħmieġ jidħol f’pajjiżna. Irridu industrija nadifa u pulita. Għalhekk ma narax riskju li nitilfuha iżda noqogħdu b’seba għajnejn. Billi noffru protezzjoni lil konsumatur, trasparenza assoluta fil-logħob u strutturi neċessarji li ma nħallux kriminalita’ tersaq lejna.”
Cuschieri beda jgħidli wkoll li xogħol l-awtorita’ hi li nibdlu l-liġi li qdiemet, “it-tekonoloġija żviluppat ħafna speċjalment li issa l-logħob beda jsir minn fuq il-mobile u rridu naġġornaw il-liġi u noħolqu innovazzjonijiet ġodda. It-teknoloġija li jmiss hi d-digital games of skill u l-cloud solutions. Għalhekk irridu awtorita b’aktar poteri fejn kull ħaġa li ghandha x’taqsam mal-loghob taqa’ taħtna. Anke l-korsa tal-marsa issa l-logħob se jiġi rregolat . Ifhimni mhux immexxi minna iżda regolata minna.”
Mitlub jgħidilna kemm hawn nies li jilagħġbu fuq l-internet, Joseph Cuschieri qalli li qatt ma sar studju dwar gambling behaviour, jiġfifieri kif jilgħabu l-Maltin, kemm jilgħabu u l-attitudni tal-logħob tal-Maltin. “Li naf li hemm tliet kategoriji ta’ lagħaba, hemm dawk li jaffordjaw jilgħabu, dawk li jilgħabu b’mod responsabbli u dawk estremi li jilgħabu kulma jkollhom u aktar. Iżda qed naħdmu biex jibda jkollna statistika ippublikata kull sitt xhur tas-sena bhall ma jaghmlu agenziji bhall-taghna barra minn Malta. .”
Joseph Cuschieri qalli li l-akbar volum ta’ loghob għadhom isiru fuq l-isports, fejn l-aktar sport li jkun hemm dubji fuqu u li diversi assoċjazzjonijiet barranin jitolbuhom biex joqogħdu seba’ għajnejn fuqhom hu t-Tennis u mhux kif jaħsbu n-nies li hu l-Football. Għalkemm hemm kuntatt kontinwu mal-FIFA u anke mal-UEFA meta jkun hemm xi partiti li jkun hemm betting aktar qawwi mis-soltu fuq ċertu riżultat. Dawn jitolbu lill-awtorita’ maltija javżaw lil kumpanniji tal-betting dwarhom.
Innutajt li dan in-negozju jaf il-bidu tiegħu lill-amministrazzjoni Nazzjonalista u kollox kien jindika li ma tantx għandu problemi politiċi x’jiffaċċja, “Le ta. Mhix issue ta’ politika dan in-negozju għax iz-zewg partiti jaqblu miegħu biex inkomplu nkabbruh. Wieħed bdieh u l-ieħor qed jaħdem biex dan ikompli jikber. Ikompli fejn ħalla ta’ qablu. Personalment għandi vantaġġ kbir li mhux se nsib bsaten fir-roti politiċi. Wieħed irid jifhem li dan in-negozju jdawwar 398 biljun ewro globalment u qed jikber b’1% kull sena. . Nixtieq ngħid ukoll li fattur ieħor li jgħin ħafna lil kumpanniji barranin li jagħżlu Malta hu li aħna fost il-ftit pajjiżi li l-gvern hu leġislatur tal-logħob u regolatur u mhux operatur allura l-gvern ma joffrix kompetizzjoni lill-operaturi li huma lliċenzjati Malta.”
Mitlub jikkumenta dwar ħwienet tal-logħob li jiftħu madwar Malta jekk hux qed iħajru aktar logħob iċ-chairman tal-MGA qalli li l-affarijiet ta’ l-ippjanar ta’ dawn il-hwienet ma jaqax taħthom, izda l-awtorita tissorvelja fejn jiftħu ħwienet lokalment biex tizgura distanzi minimi minn certu postijiet frekwentati mit-tfal ta’ taht l-eta . U anke l-fatt li aktar ma jiftħu ħwienet aktar jilgħabu ma jreġġix. Aħna nesiġu l-liġi tal-logħob u nirregolaw li kollox ikun ġust. Fil-fatt aħna nirregolarizzaw li l-boċċi tal-lottu jkunu jiżnu l-istess, niżnuhom qabel kull tlugħ, kull kaxxa tal-logħob niċċekjawha li mhix imbagħbsa u l-urna tal-lottu hi ttestjata f’laboratorju ħalli żgur ma jkunx hemm tbagħbis tan-numri li jitilgħu.” Hawnhekk qalli li hi ċuċata li ħafna nies jaħsbu li l-kumpanija tal-lottu tara biex ma jintrebħux il-flus biex ikomplu jtellgħu s-somma.
Cuschieri kompla qalli li huma jkollhom 300 claims fix-xahar minn ġukaturi li jaħsbu li ma tħallsux kif suppost u huma jiċċekjawhom kollha u fil-maġġoranza ma jkollhomx raġun iżda hemm players support unit fl-awtorita’. “Il-filosofija tagħna hu li l-player ikun protett.”
Barra minnhekk Cuschieri li deher li jaf eżatt x’inhu jsir fl-Awtorita li jmexxi qal li hu żball li wieħed jaħseb li hawn kumpanniji tal-logħob li jridu jingannaw bil-lagħaba għax għandhom wisq x’jitilfu, “anzi ħafna ma jafux li dawn meta jaraw li jkun hemm klijent li s-soltu jilgħab €100 fix-xahar u jibda jilgħab €500 jikkuntattjawh ħalli jaraw għaliex qed jagħmel dan. Għax dawn jifhmu li aħjar persuna jilgħab magħhom regolari għal snin twal milli jilgħab ħafna għal ftit u jfalli.”
Lejn tmiem l-intervista Cuschieri qalli li huma qegħdin hemm biex jiġġieldu l-irregolarita u xtaq li l-poplu jifhem eżatt x’inhi tagħmel l-awtorita’ u mhix hemm biex tħajjar lil min jilgħab, “għax min irid jilgħab ma nistgħux inżommuh iżda żgur li mhux se nħallu min jaqlih b’żejtu.”