'Partit politiku jrid jaddatta għal dak li jridu ċ-ċittadini'

It-tieni parti minn intervista twila li għamel Saviour Balzan lil Roberta Metsola meta ltaqa' magħha fl-uffiċċju tagħha fi Brussell fl-aħħar ta' Marzu

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola
Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola

Fl-Ewropa, meta nitkellmu fuq id-difiża, in-newtralità tagħna, issa vera qiegħda fil-kostituzzjoni tagħna, imma n-newtralità tagħna llum, fl-2025 kif għandha tiġi interpretata? Għax jiena naħseb minkejja l-ħafna dikjarazzjonijiet solenni mill-politiċi taż-żewġ partiti ewlenin, jekk inkunu maturi, irridu ngħidu wkoll li n-newtralità ma tfissirx li noqogħdu ċiċċi beqqi kif jgħid il-Malti u ma nagħmlu xejn. Mhux hekk? Jiġifieri inti kif tinterpretaha? Jiġifieri mingħajr ma npoġġi kliem f’ħalqek, in-newtralità ta’ meta ġiet maħsuba snin qabel, kellna ħsieb differenti, għadda ż-żmien u llum Malta membru fl-Unjoni Ewropea, Malta trid tkun bħall-oħrajn? Kif tinterpretaha n-newtralità?  

Mela l-ewwel nett, statement politiku Ingliż antik, li jgħidlek you cannot be neutral between the fire and the firefighter. Xi kultant id-diskussjoni kif żviluppat kienet li n-newtralità tfisser li aħna, fi kliem ta’ ċerti politiċi, jew ma nonfqu l-ebda ċenteżmu fuq id-difiża, li mhux vera, għax jekk naraw l-aħħar għaxar snin li għaddew, irduppjajna l-investiment fid-difiża. U sewwa għamilna. It-tieni, li aħna pereżempju jekk ikun hemm peace keeping minn xi mkien, aħna ma nibagħtu ’l ħadd. Dik ma saritx għax hija xi ħaġa li aħna nagħmlu tajjeb u ma jfissirx li n-newtralità tagħna hija mpoġġija in question. Ma nafx jekk aħna li sseħibna fil-Parlament tan-Nato hijiex allenjati man-newtralità tagħna imma dik inħalliha għall-kollegi tiegħi fil-Parlament biex jirrisponduha. Jiena li nixtieq li jkollna – u dan f’kollox hux – nixtieq li forsi nistgħu nespandu. Li jekk ħa nitkellmu dwar il-politika, fejn sejjer il-pajjiż tagħna, strateġikament u ġeografikament, u huwa fejn qiegħed, jekk inħarsu lejn in-Nofsinhar tagħna, għandna pajjiżi li llum m’għandhomx gvern, għal ħafna snin ilhom mingħajr politika li inti tista’ tassoċja ruħek magħhom. Jekk inti tħares lejn il-Mediterran u x’inhu għaddej fil-Lvant, fil-Baħar l-Aħmar li aħna bħala Malta nistgħu nkunu vulnerabbli, pereżempju f’termini ta’ trasport, loġistika, importazzjoni, eċċ. F’dan il-kuntest naħseb hemm bżonn li jkollna diskussjoni mingħajr il-partiġġjaniżmu sfrenat li qisu f’dan il-qasam tal-politika barranija ħa over sempliċement għax Roberta Metsola tgħid xi ħaġa, u l-Prim Ministru qed jgħid xi ħaġa oħra, anzi ejja npoġġu madwar mejda u ngħidu mela s-sitwazzjoni li qegħdin fiha, l-investiment li aħna għamilna, x’hemm bżonn biex jekk xi ħaġa tiġri aħna nkunu protetti? Li l-Mita pereżempju tkun protetta jekk ikollok cyber attack. X’hemm bżonn biex l-edukazzjoni tagħna tfisser li aħna għandna biżżejjed tfal li jistgħu jkunu tajbin f’ċerti setturi li hemm bżonn fil-futur? Dan mhux aħna biss qed ngħiduh, jiġifieri bħad-diskussjoni li hemm Malta jrid ikun hemm f’kull pajjiż. Jien li nixtieq huwa li meta nitkellmu dwar l-istatus ta’ Malta, kif se ninvestu? Kif se nirrelataw ma’ pajjiżi oħra? Dik tista’ sseħħ imma sseħħ biss jekk kulħadd jista’ jkun madwar mejda u jgħid mela aħna n-newtralità nifhmuha hekk, x’hemm bżonn li nagħmlu biex nipproteġu lilna nfusna?  

Tħoss li Malta għandha nuqqas ta’ din id-diskussjoni matura? Għandna wisq, ħafna drabi noqogħdu attenti ħafna, għall-inqas jiena meta nħares lejn diskussjoni politika, kulħadd joqgħod attent li l-argument tiegħu ma jintużax kontrih, jiġifieri m’hemmx dak il-kuraġġ li jkun hemm xi ħadd li joħroġ u jgħid ‘ara għandna bżonn din id-diskussjoni.’ Issa vera, orrajt, in-newtralità hija parti mill-kostituzzjoni, imma għandna bżonn din id-diskussjoni, u mhux fuq in-newtralità biss, fuq ħafna affarijiet oħra. Taħseb li hemm nuqqas f’dan, ħa ngħidu hekk, kważi problema psikoloġika din.  

Ara, jew tmexxi jew titmexxa, jiġifieri bħal kull ħaġa oħra, il-partiti politiċi, il-mod kif iridu jadattaw għall-identità tal-Maltin u Għawdxin u dak li jridu l-Maltin u Għawdxin. Jiena nidħol ġo skola, it-tfal ma jidentifikawx ruħhom fuq kif jivvutaw ommhom u missierhom jew kif ħa jivvutaw huma. Huma jidentifikaw ruħhom bħala Maltin. Mhux bħala Nazzjonalisti jew Laburisti, li trid, jiġifieri dik lili tgħallimni bħalma jgħallimni kulħadd, li inti jekk tħares lejn dak li għandu bżonn pajjiżna huwa li għandek bżonn politika li mhijiex tribalizzata. Fejn inti diskussjoni tista’ tagħmilha, fejn inti tieħu deċiżjonijiet kuraġġużi, fejn inti tkun tista’ tgħid jien fuq din nemmen hekk mhu ħa ngħid xejn. Ħafna iktar faċli ma tgħid xejn imma dik mhux il-politika li nemmen jien. Inti, jekk tingħata pożizzjoni ta’ responsabbiltà, min jafdak bil-vot tiegħu ikun qed jafdak għax huwa jaħseb li inti tista’ tieħu deċiżjonijiet għalih. L-agħar ħaġa li politiku jkun jista’ jagħmel hija li jew ikun wishy washy jew li jgħid u ma jagħmel xejn. Issa r-risposta tiegħi hija assolutament għandna bżonn li nħarsu lejn il-politika, neqilbuha ta’ taħt fuq, it-templates li kellna m’għadhomx jaħdmu. Il-kampanji kif konna nagħmluhom ma jaħdmux. Il-Parlament, f’ġieħ kemm hemm, hemm bżonn li jkun full-time, jiġifieri aħna qegħdin f’sitwazzjoni fejn l-uniku Parlament fl-Ewropa kollha li huwa part-time, jiġifieri għandek speaker full-time, kif għandu jkun, u MPs part-time u tista’ tgħaqqadha jiġifieri fl-istess ħin. Li kieku jkollok parlament full-time jista’ jkollok iżjed nisa fil-politika. Is-sistema tal-kwoti, ejja nagħmluha ċara, falliet. Jiġifieri jekk inħarsu li fl-2017 kellek tmien nisa li ġew eletti mingħajr kwota, bis-sistema tal-kwota fl-2022 kellek erba’ nisa li ġew eletti. Jiġifieri din hija xi ħaġa li kont kontriha, l-ikbar insult għal kull mara li xi ħadd iħares lejk u jgħidlek inti tlajt għax ġejt megħjuna. L-aħħar darba li tellajna erba’ nisa fil-Parlament kien fl-1951. Żmien ilu konna fl-istess sitwazzjoni li qegħdin fl-2022. Naħseb li hemm bżonn diskussjoni enormi kompleta. Kollox irid jinbidel ta’ taħt fuq.  

Qabel ma nduru nerġgħu għas-sitwazzjoni Maltija, ejja nitkellmu fuq naħseb l-ikbar tista’ tgħid terremot li ċertament ma kontux qed tistennew, u jekk kontu qed tistennewh għall-inqas ma deherx li kontu qed tistennewha. Qed nitkellem fuq l-Amerka. Irrid niddedika ftit ħin għal dan is-suġġett għax lil hinn milli naraw, id-dikjarazzjonijiet, kif ukoll l-azzjonijiet, li fl-opinjoni ta’ ħafna ġurnalisti hija waħda erratika, hemm ukoll ħafna affarijiet, li huma theddid reali. Ħa nsemmi ftit minnhom. It-tariffi li qed nitkellmu fuqhom, tariffi fil-konfront tal-prodotti Ewropej, il-mod kif ċerti arranġamenti tad-difiża qed jingħad li jinbidlu fil-konfront ta’ bejn l-Amerka u l-Ewropa, il-mod ta’ kif l-Amerka qed tħares lejn ċerti, il-mod kif tittratta t-tema ta’ Greenland. Nista’ nibqa’ għaddej imma m’għandix ħin. U inti kont fost l-iktar mexxejja Ewropej ċari. Ma kienx hemm tlaqliq u għandi nimmaġina inti qed tirrifletti, biex ngħidu hekk, is-sentimenti li hawn fil-Parlament Ewropej. Jiġifieri hemm qisha ċerta rabja, inkwiet, tħassib. Veru jew le?  

Li naqbel miegħek huwa li qisu l-Unjoni Ewropea ma kinitx ippreparata għal presidenza ġdida ta’ Donald Trump. Niftakar il-ġurnata qabel l-elezzjoni fl-Amerka, aħna bħala MEPs Maltin ġejna mistoqsijin dwar min naħsbu li ħa jitla’. U jien niftakar kont ċara għax għedt jiena nemmen li d-democrats ma jistgħux jirbħu. Ħassejtha. Rajtha. Il-mod kif għamlu l-kampanja, il-mod kif kienet ċara għalija, li l-poplu Amerikan kien se jmur tista’ tgħid fid-direzzjoni kompletament l-oppost ta’ kif marret fl-aħħar snin. Stajna nkunu wkoll realistiċi, dwar il-fatt li l-kwistjoni tat-tariffi u l-fatt li l-President Amerikan jara li għandu jipproteġi, u nifhimha wkoll, l-industrija domestika tiegħu u l-produzzjoni fl-Amerka, bħal ċerti affarijiet, karozzi, eċċ. Din diġà rajnieha fl-2017, jiġifieri t-tariffi poġġiehom fuqna u aħna poġġejna fuqhom, jiġifieri rridu nkunu ppreparati. Xi ħaġa li tinkwetani lili għaliex minn gwerra tat-tariffi ma jerah ħadd, imma rridu nkunu ppreparati li dan huwa ġej. Issa kif se nagħmluhom għax dawn l-erba’ snin huma twal u jekk naraw f’dawn l-aħħar ġimgħat, li kuljum kien hemm aħbar ġdida, jekk tgħallimt xi ħaġa f’dawn il-ftit ġimgħat huwa li jekk inħares lejn kif taġixxi din il-presidenza hija li tgħid xi ħaġa, tistenna, xi kultant tirriversja, xi kultant tbiddel u xi kultant tkompli għaddejja, jiġifieri aħna rridu wkoll ma naqgħux fin-nassa li għal kull ħaġa li tingħad nirreaġixxu mill-ewwel. Din hija presidenza kompletament differenti u waħda ta’ bringsmanship jiġifieri inti tgħid xi ħaġa u tara jekk irendix jew le. Hija xi ħaġa kompletament differenti minn ta’ qabel u rridu nadattaw għaliha.  

Inti kellek l-opportunità li diġà tiltaqa’ ma’ nies li huma, qed imexxu l-amministrazzjoni ta’ Trump. Taħseb li jikkalmaw l-affarijiet? Taħseb li l-affarijiet se jikkalmaw? Inti għedt, mhux ammettejt, imma għedt li m’għandniex nirreaġixxu mill-ewwel għax l-affarijiet tant qed jinbidlu minn ġurnata għal ġurnata, imma inti ltqajt ma’ dawn in nies. Issa dawn in-nies ħafna mid-drabi ma jtukx l-impressjoni fl-ewwel ġurnata, imma taħseb li ħa jikkalmaw dawn l-affarijiet? Li jista’ jkun li dan huwa perjodu tal-honeymoon u qed naraw wisq affarijiet? Jista’ jkun li forsi, dik l-istorja twila ta’ bejn l-Amerka u l-Ewropa, mhijiex waħda li tista’ tarmi hekk, mil-lejl għan-nhar mhux hekk? 

Ara, ma naħsibx li ħa tintrema jiġifieri jekk tara d-diskursati li saru, pereżempju mal-President Franċiż, Macron, tinduna li hemm rispett reċiproku u allura hija relazzjoni li tista’ tibniha. Hija perfetta? Le, qatt ma kienet, jiġifieri jekk tħares lura lejn kull amministrazzjoni, lanqas tista’ tgħid ukoll, l-amministrazzjoni ta’ Biden kienet waħda partikolarment favorevoli għall-Ewropa. Li nħoss imma, u hawnhekk, għax jiena nitkellem ħafna drabi mal-kollega tiegħi li huwa speaker tal-Parlament Amerikan, tal-Kungress, li hemm elementi tal-fatt li għadhom f’kampanja elettorali, jiġifieri fl-ewwel ftit ġimgħat li inti tara dawk li qalu fl-eqqel tal-kampanja qed jagħmluhom għaliex huma wiegħdu li se jsiru. Ir-realtà hija wkoll li inti għandek kumpaniji Amerikani u Ewropej li jinvestu fl-Amerka li qed jgħidu lill-amministrazzjoni li t-tariffi se jweġġgħuna. Aħna niddependu fuq is-suq Ewropew, is-suq Ewropew huwa wieħed li jiflaħ, jiġifieri inti għandek kontinent, pereżempju fil-qasam tal-farmakoloġija, jiġifieri inti għandek mediċini li jmorru l-Amerka u mediċini li l-Unjoni Ewropea qed timporta. F’dik ir-relazzjoni, jiġifieri tant hija importanti r-relazzjoni taż-żewġ kontinenti tagħna li din m’għandix dubju li se tkun u ħa nibqgħu ħbieb u ħa nibqgħu naħdmu fuqha. Li rridu nagħmlu wkoll imma bħala Ewropa huwa jekk hemm il-possibbiltà li aħna nagħmlu ftehim ma’ pajjiżi oħra, forsi għal dawn l-aħħar snin konna komdi, irridu nagħmluhom, mal-Messiku, mal-Indja, mal-Brażil ... jiġifieri dawn pajjiżi kbar, ekonomikament b’saħħithom, għandhom impatt fuq l-ekonomija tagħna, imma l-ekonomija tagħna għandha impatt fuq l-ekonomija tagħhom.  

L-aħħar tema internazzjonali ... hemm ħafna temi oħrajn. Għandi ħafna li qbiżt hawnhekk. Il-Lvant Nofsani, il-Palestina, Iżrael. Hemm min jgħid, fosthom jien, li meta tiġi biex titkellem fuq dan is-suġġett, inti toqgħod attenta ħafna, ma tirfisx iżżejjed il-kallu ta’ Iżrael. Jiena ilni hawn jumejn, għamilt intervisti ma’ nies oħra fil-Kummissjoni, kif ukoll fil-Parlament Ewropew, b’mod speċjali, anke fil-Kummissjoni, jammettu off the record li jridu joqogħdu attenti kif jitkellmu fuq Iżrael jew x’jistgħu jgħidu. Imma hemm affarijiet li huma in your face, jiġifieri l-qtil ta’ eluf ta’ nies innoċenti, id-distruzzjoni ta’ infrastruttura, bażikament, il-qtil ta’ nies innoċenti, biex tiġġustifika gwerra kontra t-terroriżmu għandu l-limiti u l-Ewropa fl-opinjoni ta’ ħafna fil-media u ħafna wkoll osservaturi qed tkun apoleġetika wisq. Kif tikkummenta għall-kritika, anke fil-konfront tiegħek, li qed toqogħdu wisq lura milli titkellmu? Ejja nimmaġinaw li ma konniex qed nitkellmu fuq Iżrael u l-Palestina, u kien hemm pajjiż ieħor, 50 elf persuna mejta, maġġoranza huma nisa u tfal. Taċċetta li qed tkunu dgħajfa fil-mod kif qed tħarsu lejn dan? Din it-traġedja ta’ dar-reġjun li ilu għaddej issa għexieren ta’ snin.  

Ma naqbilx li dik il-kritika hija hawnhekk. Jekk hemm, dik il-kritika hija waħda li hija mmanifatturata mill-Gvern Laburista. Jekk tħares warajk hemm numru ta’ ritratti fejn jiena ltqajt mal-Prim Ministru tal-Palestina. Jekk tħares lejn ir-ritratti warajk, għandek numru ta’ ritratti, hemm anke ritratt mal-Prim Ministru tal-Palestina. Numru ta’ laqgħat kelli, jiġifieri numerużi, u tajjeb li nsemmu wkoll ittra ta’ ringrazzjament mingħand il-Gvern Palestinjan għax-xoghol li għamel il-Parlament Ewropew, jiġifieri meta aħna fil-bidu bdejna ngħidu permanecy fire u imbuttajna lill-istituzzjonijiet l-oħra biex jagħmlu l-istess. Li kien veru fis-7 ta’ Ottubru għax tista’ tgħid li qabel id-diskussjoni kienet differenti, fis-7 ta’ Ottubru, li kien veru dakinhar kien li l-Unjoni Ewropea hija dejjem favur l-umanità u l-paċi. Dak li għedna dak iż-żmien għadna ngħiduh illum, u jekk jiena se nikkummenta ovvjament dwar in-negozjati li għaddejjin bħalissa rrid noqgħod attenta biex nassigura li jkun hemm soluzzjoni. Issa x’inhi dis-soluzzjoni? Is-soluzzjoni hija, jekk tħares in the long term li inti jkollok il-possibbiltà li dawn iż-żewġ pajjiżi jgħixu fejn xulxin fis-sigurtà u l-paċi. Possibbli? Ħafna affarijiet iridu jiġru, jiġifieri l-fatt li l-Ħamas għadha tirrennja Gaża fejn mort jiena ftit tal-ġimgħat ilu u insistejt li mmur jiena personalment, għax jiena nemmen li inti jekk ikollok pajjiż li jista’ jkun iggvernat, u dan jaqbel miegħi l-Prim Ministru u l-President tal-Palestina, hemmhekk nistgħu nimxu. Li ma naqbilx imma huwa li ma nsemmux l-ostaġġi li għadhom iridu jiġu rritornati, li nħarsu lejn is-7 ta’ Ottubru u niskantaw li aħna għedna li dakinhar dak li sar huwa inaċċettabbli.  Jiġifieri din naħseb l-iktar ħaġa li se tibqa’ miegħi meta nħares lura lejn dawn is-snin kollha li ilni fil-politika huwa li meta t-terroristi kienu għadhom qed jisparaw lil dawk iż-żgħażagħ, daqs it-tfal tiegħi li kienu qegħdin f’party, li kien hemm nies li diġà dak il-ħin bdew jgħidu ħaqqhom.  

Ma jistax ikun li dan kollu ... dan kollu li qed tgħid huwa minnu hu ħażin eċċ. Imma dan imur lil hinn minn dan kollu. Il-fatt li f’dawn l-aħħar jiem rajna wkoll reazzjoni sproporzjonata, u ma tkunx taf jekk qed taqra l-verità jew le, imma l-verità hija li qed imutu nies innoċenti, li hemm pajjiż kompletament distrutt, jiġifieri jien mhux qed nipprova ngħid li hemm xi ġustifikazzjoni għat-terroriżmu u qas qed nipprova nkun eku ta’ xi gvern jew ta’ xi partit politiku. Jien li qed ngħid huwa fil-kuntest. Issa inti bħala President tal-Ewropa, taħseb li tistgħu tmorru iktar apparti fuq din? 

Aħna dejjem ħa naħdmu għall-paċi u hemm bżonn bħalissa li tidħol ħafna iżjed għajnuna umanitarja. Jiġifieri fuq hekk qed naħdmu kuljum u li kieku ma kienx għal dan il-parlament kieku dik ma ssirx.  

Ejja nduru fuq Malta. Inti tkellimt fuq Malta. Jien ridt inħalliha għall-aħħar. Jiena saqsejthielek din kemm-il darba. Inti għandek it-tieni term hawnhekk. Qed tagħmel suċċess. Tidher li għandek ukoll appoġġ, mhux biss ta’ membri parlamentari, mill-grupp li inti parti minnu, l-EPP, imma hemm nies oħra li jaħsbu li Roberta Metsola hija l-għażla t-tajba. Ovvjament hawnekk hawn sfidi kbar, sfidi li jtuk ċertu inkuraġġiment, eċċ. Nista’ nifhimha jien, bħalma tkun ġurnalist fuq skala nazzjonali u internazzjonali, nifhimha. Imma inti taf ukoll li hemm ħafna Maltin li jitkellmu fuq Roberta Metsola bħala persuna li jixtiequ li tiġi lura Malta u ħafna Maltin jgħidu li dik mhux ħa tiġi lura. Imma l-argument hu li inti taf li jekk tiġi lura Malta ħa ssib l-appoġġ ta’ ħafna nies. Mhux neċessarjament in-Nazzjonalisti. Jistgħu jkunu anke nies oħra. Din tibqa’ mistoqsija li qatt ma tirrispondi. Tevitaha, tgħid ma tafx, le, jista’ jkun. Kif tirrispondi għaliha?  

Jien mhux se nispekola. Inti għedt tirritorna lura Malta. Jien qatt ma tlaqt minn Malta. Lill-Maltin u l-Għawdxin li tawni l-fiduċja biex inkun hawnhekk, dik ir-responsabbiltà jiena neħodha u se naħdem biex insarraf dik il-fiduċja kuljum. Lil pajjiżi, li kieku ma kienx għall-Maltin u l-Għawdxin kieku jiena mhux qiegħda hawnhekk. Jekk inħares ukoll, lejn, issa llum ħiereġ survey tal-eurobarometer li jgħid li l-Maltin huma fil-quċċata ta’ min jaħseb li dħalna fl-Unjoni Ewropea hija xi ħaġa tajba u li l-Unjoni Ewropea ttihom protezzjoni u li żżid l-istandards, issa nistgħu nagħmlu ħafna u ħafna ġid. Li nixtieq inkun kburija biha hija li għall-inqas meta n-nies iħarsu lejn Malta fuq livell Nazzjonali u Ewropew, ma jaħsbux biss fl-affarijiet ħżiena li għalihom sar magħruf pajjiżna dawn l-aħħar snin. Jien nixtieq li din l-istorja tiġi kkoreġuta. Jien nixtieq li l-politika li ssir Malta, u jiena parti minnha kuljum, mal-kollegi tiegħi li kollha qed naħdmu biex ir-rotta tinbidel, aħna nħarsu lejn dak li rridu nagħmlu u dak li rridu nikkoreġu. Jien dejjem ħa nkun parti minn kull diskussjoni u minn kull deċiżjoni.  

Mela l-mistoqsija tiegħi li b’mod diplomatiku ... jiġifieri jiena neskludi, qed nifhem li inti teskludi li tiġi lura Malta jew ma teskludix? Qed nitkellem fuq il-fatt li inti, mhux qed nitkellem fuq għada, mhux fuq sena oħra, tikkunsidra, teliminaha l-possibbiltà li tiġi lura Malta? 

Jiena r-responsabbiltà neħodha dejjem u dejjem ħa nservi fejn hemm bżonn. 

Ħa nagħmel l-aħħar mistoqsija fuq is-sitwazzjoni Maltija. Inti esprimejt l-opinjoni tiegħek fuq Robert Abela, u fuq affarijiet oħra, imma inti wkoll għedt li ġejt eletta mill-Maltin. Kieku kellek, u naf li inti jkollok x’taqsam mal-Partit, imma m’intix qiegħda f’nofs il-qalba tal-Partit Nazzjonalista, kieku x’tixtieq tara fil-Partit Nazzjonalista bħalissa biex jirbaħ elezzjoni u jmexxi? X’taħseb li għandu jkun hemm fil-Partit Nazzjonalista jew x’taħseb li għandu jsir? 

Jekk partit politiku ma jinbidilx kuljum biex jaddatta għal dak li jridu ċ-ċittadini, allura ma jibqax partit politiku. Jiena meta nħares lejn il-politika Maltija u nħares lejn kull partit nara li hemm bżonn kambjamenti kompletament, bidliet li jridu jsiru f’termini ta’ finanzjarjament ta’ partiti, kif il-midja taħdem, kif il-messaġġ jasal ... Jiġifieri jekk tħares illum lejn il-Maltin u l-Għawdxin, l-aħbarijiet minn fejn jeħduhom, id-diskussjonijiet li huma jridu, li jridu ambjent iktar nadif, ma jridux jeħlu fit-traffik, iridu infrastruttura li taħdem, ma jħossuhomx imdejqin, pajjiż b’estetika aħjar, bi żvilupp li ma jnawwarx l-ambjent, iridu pajjiż fejn l-edukazzjoni u l-AI kif se jbiddel kollox. Aħna nkunu ppreparati għalihom u mill-politiċi tagħhom, fuq livell ta’ ekonomija, politika soċjali, kif naħdmu, politika ambjentali, politika ta’ fejn irridu pajjiżna jsir u fejn imur, iridu l-verità, iridu l-moral clarity, u jridu xi ħadd li jirrappreżentahom u jkollu l-kuraġġ dak li forsi ma jkunux iridu jisimgħu imma jafu li dik id-deċiżjoni trid tittieħed. Jien nixtieq li din tkun il-politika Maltija. Ma nixtieqx li jkollna parlament part-time fejn id-diskussjoni hija limitata ħafna. Jekk intik eżempju wieħed biss, bħalissa ħa nibdew id-diskussjoni dwar il-programm finanzjarju għas-seba’ snin li ġejjin tal-Unjoni Ewropea. Nixtieq li jkollna diskussjoni ċara, profonda fil-Parlament Malti. Nixtieq li jkollna MPs li jkunu megħjuna mir-riċerkaturi. M’hemmx bżonn li jkunu esperti f’kollox imma inti meta titkellem tkun taf li hemm xi ħadd li qed jgħinek tirriċerka l-politika kif għandha tkun. Iċ-Chamber of Commerce fil-fatt ħarġu numru ta’ proposti li naħseb li aħna bħala politiċi rridu nisimgħu u narawhom. Il-business, is-settur privat qed jittallab magħna biex jgħidilna isma’ isimgħu l-ispeed of delivery li intom tridu tagħmlu biex aħna nħossuna aħjar, biex l-ekonomija tagħna tikber. Ir-riżorsi huma kbar. Ejjew nużawhom mhux nerġgħu naqgħu bħal kull ħaġa, f’partiġjaniżmu sfrenat. Jien nixtieq politika li tbiddel, li kieku ma rridx inbiddel ma kontx inkun fil-politika, u naħseb li hemm bżonn, tista’ tgħid ta’ doża ikbar milli hemm.  

Qed nieħu pjaċir li qed titkellem hekk u ovvjament naħseb dil-mistoqsija mhux ħa jkolli tweġiba għaliha hija li biex timplimenta dawn l-affarijiet irid ikollok politiċi li jifhmu wkoll kif jagħmlu dan u naħseb taqbel miegħi li ma tantx qed nara minn dawn il-politiċi li kapaċi jagħrfu dak li qed tipproponi int.  

Kollox jista’ jitjieb. Jiġifieri jiena għalija meta nħares lejn dak li għandna llum u fejn nistgħu naslu, bil-galbu, bil-kuraġġ u bil-ħsieb nistgħu naslu. 

Semmejt lil Robert Abela. Għandek konverżazzjoni ma’ Robert Abela? Titkellmu?  

Jiena nuri rispett lejn kulħadd, jiġifieri nagħmel distinzjoni kbira bejn dak li ngħidu fuq politika u dak fuq livell personali. U jekk tħares anke lejn kif nitkellem ma’ kull deputat li hemm fil-Parlament Malti tara li inti jista’ jkollok relazzjoni ta’ diċenza. Li forsi nitlob huwa li dik id-diċenza tkun reċiprokata. 

Titkellmu meta tkunu fil-Kunsill?  

Iva.

More in Intervisti