Marlene Mizzi:- Mara ta' Sustanza
L-anniversarju taż-żwieġ iċċelebratu b'erba kelmiet fuq Skype fil-11 ta' bil-lejl wara ġurnata bla nifs fi Strasburgu
minn John Busuttil

Iltqajt mal-assistenta ta’ Marlene, il-Bulgara Desislava Dimitrova li sirt naf li hi miżżewġa Malti minn B’Kara fejn il-globu li hemm barra l-parlament Ewropew. Għaddejna mis-soltu ċekk tas-sigurtà (iebes aktar minn tal-ajruport) u tlajt fejn Marlene fejn sibtha tistudja l-aġenda tal-ġurnata li bdiet fit-8.30 ta’ filgħodu u kellha tispiċċa fil-11 ta’ billejl. Fl-uffiċċju tagħha hemm televiżjoni li jitrasmetti dak li jkun qed isir fil-plenarja fejn kienet għaddejja d-diskussjoni tat-TTIP li l-vot għaliha kellu jittieħed l-għada l-Erbgħa u Marlene qaltli li hi kienet taqbel ma’ dan il-ftehim bejn l-Amerka u l-Ewropa.
Kellha titlaq tattendi kumitat u lili ħallietni fl-uffiċċju tagħha fejn spiċċajt nieħu xi selfie fl-uffiċċju tagħha. Wara xi siegħa rritornat kuntenta li l-grupp soċjalista ħatarha bħala l-kelliem tagħhom għar-rapport li jikumbatti l-abbuż sesswali u l-esplojtazzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal. Ħabbat il-bieb u daħal l-ambaxxatur Iżraelit li kellu laqgħa magħha dwar talba tal-Iżraeljani biex jieħdu xi fondi Ewropej u dan kien qed jagħmel il-lobby tiegħu biex Marlene tivvota favur dawn il-fondi. Laqgħa li ħadet madwar siegħa u li jien anke jekk Marlene talbitni nkun preżenti ħassejt li l-ambaxxatur ma kienx komdu u ħriġt il-barra.
Wara l-laqgħa tlaqna għal ħin tal-vot fejn kien hemm diversi voti x’jittieħdu dwar diversi rapporti. Marlene qabel tlaqna fehmitni kif isiru l-voti fejn il-grupp soċjalista jagħti l-indikazzjoni tiegħu kif għandhom jivvutaw fuq kull amenda u anke fuq kull rapport, “iżda aħna xorta nivvutaw kif jaqbel lil pajjiżna u mhux kif jgħidilna l-grupp dejjem. Ġieli ma qbilniex fejn ikun involut pajjiżna għax aħna nieħdu d-direzzjoni mill-uffiċċju tar-rappreżentant permanenti mill-Malta House, għalkemm xorta nivvutaw kif inħossu aħna individwalment.”
Attendejt għal voti u kienet esperjenza sabiħa tara kif jittieħdu l-voti, biċċiet minnhom billi jgħollu jdejhom u oħrajn b’mod elettroniku.
Wara l-votazzjoni fejn Marlene għamlet dmirha bil-votazzjoni li minn fuq żgur ma nafx kif ivvutat, iltqajna u stednitni biex immur nippranza magħha fir-ristorant riservat għal membri tal-Parlament u l-mistiedna tagħhom. Ikla Franċiża tajba spiċċata b’kejk tal-blueberries u kafè, “din mhux soltu li niġi hawn,” qaltli Marlene, “iżda minħabba fik.” Irringrazzjajtha u erġajna lura għall-ħidma fejn kellha żewġ kumitati oħra tas-Soċjalisti, li skont Marlene kienu interessantissimi iżda bħas-soltu l-kumitati tal-gruppi huma magħluqa għal ġurnalisti. Minn hemm tibqa’ sejra għas-sessjonijiet oħra tal-plenarja li jwassluha sal-11 ta’ billejl. Fejn fihom ġew diskussi, il-preparazzjoni tax-xogħol tal-kummissjoni għall-2016, l-aġenda Ewropea dwar is-sigurtà, l-inizjattivi għal xogħol fuq l-ambjent u l-evażjoni tat-taxxa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fost l-oħrajn.
Staqsejtha jekk ikollhiex ċans tkellem lil familjari tagħha f’ġurnata bħal din. Dritt weġbitni, “kif nasal id-dar inkellem lir-raġel u lit-tifla fuq Skype u issa nsib ħin biex inċempel lil ommi wkoll.” Hawnhekk sellimtilha u ħallejtha hemmhekk tkompli l-ħidma tagħha fejn kien baqagħlha jumejn oħra fuq l-istess ritmu.
Insomma ċelebrazzjoni sabiħa tal-għeluq il-35 sena anniversarju miż-żwieġ tagħha ma’ Tonio fejn l-uniku ċans li jiċċelebrawh kien fuq Skype ftit qabel tagħlaq il-ġurnata, f’nofsillejl.
L-imntervista sħiħa fil-ħarġa tal-ILLUM



