Il-Ministru Chris Cardona stqarr illi f’ħajtu huwa qatt ma miss mad-droga u li saħansitra lest li jagħmel eżami mil-lum għal għada biex jipprova dan. Aktar minn hekk mal-ILLUM huwa stqarr li dejjem tkellem kontra l-użu tad-droga u li “meta nkun naf b’ xi ħadd li qed jabbuża mid-droga niftħilhom għajnejhom u nurihom it-triq it-tajba.”
F’intervista li qed tidher fuq paġni 12 u 13 tal-ġurnal, huwa jirribatti bil-qawwa kollha l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu, kemm fil-każ tal-appartament f’Portomaso kif ukoll dwar il-preżenza tiegħu f’ħanut tax-xorb li allegatament ikun fih kriminali u attività relatata mad-droga.
Huwa jiftaħ baraxx ta’kritika fuq il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, billi jikkritah li sar “qisu raġel tat-triq li xogħlu sar li jmexxi l-qlajjiet u jirkeb fuq il-karru ta’ħaddieħor biex imexxi l-qlajjiet.” Cardona juri ruħu sorpriż kif qamet din id-diskussjoni dwar l-appartament f’Portomaso, meta, skont hu, “Fenech Adami għandu ħames proprjetajiet differenti nkluż id-dar fejn jgħix li sa issa għadu ma iddeċċiddiex li jippublika l-kuntratt dwarha ħa naraw naqra minn fejn ġiet.”
Dwar l-inkontru tiegħu ma’ Daphne Caruana Galizia, huwa jispjega kif dan kien qasir u jinvolvi biss mistoqsija dwar fejn qed jgħix hu.
Aqra l-intervista sħiħa fuq il-ħarġa tal-ILLUM