Kriżi fil-Mater Dei? Xi kriżi hi? - Chris Fearne
Inkun inkwetat kieku jien pazjent fl-isptar u Buttigieg tkun Ministru tas-Saħħa
minn Albert Gauci Cunningham
L-ILLUM tkellem mas-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne u l-intervista bdiet mal-ewwel fuq l-iffullar fl-Isptar Mater Dei. Fearne beda billi fakkar kif il-viżjoni tal-Gvern f’dan il-qasam hija għal ħames snin “imma wieħed xorta irid iżomm f’moħħu li d-domanda qed tikber, hemm iktar servizzi u servizzi aħjar u l-popolazzjoni anzjana dejjem qed tiżdied”. Dwar dan, Fearne fakkar kif minn previżjonijiet għas-snin li ġejjin kollox jindika li mit-18%, bħalissa l-popolazzjoni anzjana (65+) se tiżdied għal 25% sal-2030 u tkompli tiżdied fis-snin ta’ wara. “Apparti minn hekk wieħed ma jistax jinsa wkoll li pajjiżna għandu wkoll il-pressjoni ta’ eluf kbar ta’ turisti, l-aktar fis-sajf. Biss biss, is-sena l-oħra kellna kważi 14-il miljun lejl li t-turisti qattgħu f’pajjiżna.” Huwa jgħid li l-mira tal-Gvern hi li sal-2020, il-pajjiż ikun żied is-sodod fl-isptarijiet b’500.
Filwaqt li r-raġunijiet li ġab dwar għalfejn hemm l-iffullar jistgħu jidhru bħala aċċettabbli, nfakkru li meta l-Partit Laburista kien fl-Oppożizzjoni kien idoqq diska ferm differenti. Dak iż-żmien il-midja tal-PL kienet iċċempel lin-nies u tieħu filmati ta’ kurituri mimlijin pazjenti, imbagħad kienu jagħmlu konferenza biex jagħtu ftit iktar kulur u jitkażaw bil-Gvern Nazzjonalista. Ma niftakarx lill-PL jitkellem dwar turisti u poplazzjoni li qed tixjieħ. Allura l-Gvern tal-lum qed jipprova juża l-istess kejl tal-PN biex jiġġustifika n-nuqqasijiet tiegħu?
“Le, anzi”, sostna Fearne, “il-PN, bena sptar iżgħar u kien jgħid li l-Isptar kien qed jaqdina sew. Minflok jammettu l-problema, Gvern Nazzjonalista kien jgħid li t-tobba mhux qed jutilizzaw is-sodod sew u li fil-fatt kien il-ftehim kollettiv, li ffirma Gvern Nazzjonalista stess, li ma kienx qed iħallihom jużaw is-soddod sew. Il-PN ma kellux soluzzjoni u waħħal fit-tobba, ara aħna, bil-maqlub. Aħna qed ngħidu li għandna bżonn 500 sodda u dawn ma tfaqqax subgħajk u ssibhom.”.
Ftit ġimgħat ilu, l-kelliema tal-PN għas-Saħħa Claudette Buttigieg akkużat lill-Gvern li fil-qasam għandu prijoritajiet ħżiena. Aktar minn hekk, il-PN akkuża lill-Gvern li qed idaħħal anzjani fid-djar tal-anzjani bi preferenzi u skont jekk ikunux jgħixu fid-distretti ta’ ċerti ministri. Fearne kif iwieġeb għal dawn l-akkużi?
“Li dawn l-akkużi ġejjin mill-istess partit li ħoloq il-problemi ta’ ffullar, hija naqra inkredibbli” sostna s-Segretarju Parlamentari li fakkar ukoll kif il-ġimgħa ta’ qabel, Buttigieg kienet qalet li kien hemm 451 anzjani jistennew biex jidħlu f’dar. “Din hija ċifra kompletament żbaljata. Fil-fatt hemm 81, u qatt ma kien hemm in-numru li qalet Buttigieg”.
Fearne jkompli jsemmi dawk li jsejjaħ “żbalji” ta’ Buttigieg. “Qalet li saru 7,000 operazzjoni biss meta fil-fatt saru 23,000”. Huwa jgħaddi kopja tar-rapport msejjaħ ‘Hospital Activity Report’ li jkopri l-ewwel sitt xhur tas-sena u li l-PN użaw biex jikxfu dak li huma ddeskrivew bħala kriżi fil-qasam tas-saħħa.
“Day cases huma operazzjonijiet ukoll, jiġifieri Buttigieg għaddet is-7,000 pazjent ‘elective’ mill-lista tan-nies li daħlu l-Isptar, u ma nkludietx l-14,583 pazjent li daħlu għamlu operazzjoni minuri u ħarġu”.
Imma jekk kellna nemmnu l-verżjoni ta’ Fearne li Claudette Buttigieg ma kinitx taf li day cases huma operazzjonijiet, ma tantx jirrifletti sabiħ fuq il-kelliema tal-PN fil-qasam.
“Din hija l-persuna li l-PN irid jagħmel Ministru tas-Saħħa. Jekk Buttigieg trid tikkritikana u tuża ċifri, l-ewwel trid tifhimhom. Qalet ukoll li din hija l-ewwel sena li fis-sajf kien hemm pazjenti fil-kurituri. Buttigieg suppost taf li fl-2011 u fl-2012 kien hemm 2,500 pazjent kull sena fil-kurituri, allura li tgħid li morna għall-agħar meta illum hemm biss 8 pazjenti hija nqra inkredibbli. Ibbażat fuq l-interpretazzjoni tal-figuri fir-rapport, inkun inkwetat kieku jien pazjent fl-isptar u Buttigieg tkun Ministru tas-Saħħa.”
Intervista sħiħa fil-ħarġa tal-ILLUM