‘Ħallas skont kemm issuq’ biex jonqos it-traffiku
L-intervista tal-bieraħ fil-ġurnal ILLUM dwar proposta biex il-ħlas tal-liċenzji jsir wieħed 'pay-as-you-go'
minn Albert Gauci Cunningham
Filwaqt li pajjiż jista’ jkollu elf problema u kwistjoni li qed tkun diskussa, f’Malta problema li bħalissa hija rikorrenti tibqa’ dik tat-traffiku. Diskussjonijiet saru, mozzjonijiet Parlamentari saru wkoll, akkużi politiċi, bħal ma jiġri dejjem ma kienux neqsin, iżda jidher li lil hinn mir-rabja ta’ bosta sewwieqa u ppuntar tas-swaba’, ftit li xejn saret diskussjoni serja dwar proposti li jistgħu verament jibdew jindirizzaw il-problema li qed iħabbtu wiċċhom magħha mijiet ta’ sewwieqa kull filgħodu, kull filgħaxija u issa jidher li l-ħin kollu wkoll.
Iżda mhux kulħadd mitluf biss fil-paroli għax jidher li hemm nies bħalma huwa Andrew Pisani, kwalifikat bħala tekniku fis-sistemi tal-vetturi u gradwat fl-Istudji taż-Żgħażagħ u l-Komunità, b’esperjenza twila bħala impjegat fit-trasport pubbliku, u li twieled f’familja li qalgħet l-għajxien tagħha mit-trasport li għandu ideat diversi u pjuttost oriġinali wkoll ta’ kif dan il-pajjiż jista’ jibda jindirizza s-sitwazzjoni mwiegħra li fiha jinsabu t-toroq.
Tħallas skont kemm issuq
Niltaqa’ ma’ Pisani, li lanqas nilħqu npoġġu bilqiegħda li ma jibdiex jitkellem dwar proposta partikolari minn tiegħu li prattikament tbiddel is-sistema ta’ ħlas ta’ liċenzji minn waħda fissa, li togħla meta jiddeċiedi l-Gvern, probabilment għal skopijiet strettament finanzjarji, għal waħda ‘pay-as-you-go’. ‘X’qed jgħid imma eżattament Pisani?’ tistaqsi din il-gazzetta.
“Dak li qed ngħid jien, jista’ jkun ġdid fil-qasam tat-trasport u liċenzji tal-karozzi, iżda madwarna qed naraw dan il-kunċett jintuża l-ħin kollu. Ejja nħarsu lejn l-użu u l-ħlas tal-mobile, biex inġib l-ewwel eżempju. Hemm min iħallas €10 jew €20 jew aktar fix-xahar permezz ta’ kuntratt, u għandu użu bla limitu filwaqt li għandek persuni oħrajn li jixtru kard u jħallsu waqt li jikkonsmaw. Għalkemm ma rridx niġġeneralizza, min jixtri kard bis-sistema ‘pay-as-you-go’ joqgħod ħafna iktar attent kemm iċempel, imma min ikun bil-kuntratt, xi daqqiet, kieku jista’ anke lil xi ħadd li qiegħed f’kamra oħra tad-dar iċempel.”
Pisani jkompli jispjega, qabel jintroduċi l-kunċett tiegħu għat-trasport, li anke fil-każ tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, il-ħlas isir parallel mal-użu. “Hawn xi ħadd li jħallas €50 fix-xahar u juża kemm irid dawl u ilma? Le hux. Tħallas għal kull unit li tuża. Immaġina kieku kellek ħlas fiss kull xahar minkejja l-użu, kemm ikollok ħela! Kulħadd jixgħel u jħalli mixgħul, kulħadd iħalli l-aircondition miftuħ. Mhux bilfors, la tuża kemm tuża se tħallas l-istess?”
Jieqaf għal ftit mumenti qosra u jfakkarni kif dan huwa eżattament il-kunċett li qed jipproponi hu. Il-liċenzja hija fissa, issa jekk tuża l-karozza 24 siegħa kuljum jew darba fil-ġimgħa, l-istess tħallas. Mela x’inhu l-inċentiv li nħalliha ġewwa? X’inhu l-punt li qed inħallas €400 fis-sena liċenzja biex inħalliha fil-garaxx u mmur naqbad tal-linja?”
Allura x’qed jipproponi Andrew, tistaqsi din il-gazzetta, l-introduzzjoni ta’ ħlas oltre mil-liċenzja kull meta xi ħadd juża l-karozza? “Le,” jwieġeb Pisani, “li qed nipproponi jien huwa li jkollna sistema li permezz tagħha, tħallas għal li tuża, mela min juża r-rota, jew min jagħmel użu mill-‘carpooling’ jew trasport pubbliku u min-naħa l-oħra juża l-karozza tiegħu b’ċerta għaqal se jħallas, per eżempju €200 f’kont tal-liċenzja u jkun iffranka l-€200 oħrajn. Jiġifieri din tkun sistema ta’ aktar kemm tuża, aktar tħallas u viċe versa. Din is-sistema tkun minflok is-sistema li għandna bħalissa u mhux miżjuda fuq li diġà hemm.”
Dan mhux xi kunċett fl-arja...diġà għandna bħalu
Xi ftit xettiku nistaqsih jekk għamilx xi forma ta’ studju li jaħseb dwar ħlas skont l-użu. Jekk jien għandi qadja bil-karozza, kemm se nħallas għal dik il-qadja? Kif se jkun pruvat li użajt il-karozza, quddiem l-awtorità? Ma taħsibx li din hija xi naqra ta’ proposta kollha fl-arja?
Pisani jirrimarka li l-kunċett għadu fl-arja għax għad ma kellux ċans jispjega kif se taħdem sistema bħal din. “L-ewwel u qabel kollox, il-Gvern irid jaqbad l-għadd medju ta’ mili (mileage) li tagħmel persuna medja fil-pajjiż, informazzjoni li diġà teżisti, u skont il-mili jiġi stabbilit rata ta’ ħlas, li kif se nispjega iktar tard se jvarja wkoll skont il-vettura. Imma ejja għas-saħħa tal-argument, għalissa niġbdu linja bi ħlas wieħed.
Mela l-Gvern jara li b’madwar 7ċ jew 10ċ għal kull kilometru, bl-istess ammont ta’ mili medji kull persuna, se jdaħħal l-istess ammont ta’ flus li qed idaħħal f’liċenzji bħalissa. Issa inqas kemm idaħħal minn din is-sistema ta’ ħlas kull kilometru, aktar tkun evidenza tas-suċċess l-iskema.
Idea tajba kieku, jirrimarka l-ILLUM, imma xi jġiegħel lil Pisani jaħseb li l-Gvern, konxjament, se jdaħħal sistema li tista’ tnaqqaslu d-dħul mil-liċenzji b’mod konsiderevoli?
Iva vera, jwieġeb Pisani, “imma se jiffranka mill-ħmieġ fl-arja, se nibdew insolvu l-problema li qed joħloq it-traffiku, mhux biss ta’ inkonvenjent imma wkoll ta’ siegħat mitlufin mix-xogħol jew ta’ ħlas żejjed f’child care, għax il-ġenituri jaslu tard.”
Huwa jkompli jgħid li ladarba n-nies jibdew joqgħodu attenti u jużaw mezzi oħrajn ta’ trasport bħal dak pubbliku, il-Gvern ikun jista’ jdur fuq il-kumpanija Spanjola u jgħidilha li bil-qliegħ li tkun qed tagħmel, minħabba żieda fil-passiġġieri, jista’ jnaqqas is-sussidju li qed itiha. Ladarba iktar nies ikunu attenti kif jużaw il-karozza, bħalma huma attenti kif jużaw is-servizzi l-oħrajn li semmejt qabel, il-Gvern ikun jista’ jilgħab mat-tariffa, fis-sens li jżidha għax iktar nies ikunu qed joqgħodu attenti bħalma jiġri bil-kontijiet tad-dawl. B’hekk, l-inċentiv li ma tużax il-karozza għal kollox u kullimkien jiżdied.
Għal dawn l-erba’ toroq, qed inħallsu liċenzji daqs kemm iħallsu fir-Renju Unit, jekk mhux iktar
Xorta xi ftit xettiku nistaqsih kif dan kollu se jaħdem u jekk is-sistema hux se tkun miftuħa beraħ għal abbuż kbir. Hu jispjega kif meta inti tmur għand tal-VRT, darba kull sena jew sentejn, permezz tal-ispeedometer, ikun jista’ jikkalkulalek kemm għamilt kilometri, jeħodlok ir-reading u jsir il-ħlas. “Din mhux xi xjenza kbira ta’. Diġà qed titħaddem fil-każ tal-karozzi vintage li għandhom liċenzja ‘baxxa’ u limitu ta’ kemm jistgħu jużaw l-istess karozza. Tgħidli, ma jistgħux ibagħabsu? Vera, għalhekk għandhom isiru siġilli bħal m’hemm siġilli mal-arloġġ tad-dawl, li jkunu mal-ispeedometer tal-karozza. Din is-sistema diġà ntużat fil-meters tat-taxis fejn kien hemm l-ispeedocable. Jekk l-awtorità ssib li m’għandekx siġill, tiġi mħarrek. Anke ħafna karozzi diesel, kollha jagħmlulhom siġill mal-pompa (fil-magna) biex jikkontrollaw l-emisjonijiet. B’dan il-mod, nistgħu naraw kemm saru km u sussegwentement tħallas skont kemm tuża.’ Mod ieħor huwa permezz tal-użu tal-apparat li jirrekordja l-użu tal-vettura. Dan l-apparat jintuża f’ħafna pajjiżi Ewropej f’vetturi kummerċjali. Dan l-apparat ikollu kard, u l-istess kard tista’ tittieħed għand l-awtoritajiet, u huma jaqraw l-informazzjoni kollha li hemm fuqha permezz ta’ kompjuter. B’dan il-mod, jistgħu joħorġulek kont skont kemm tkun użajtha. Jista’ wkoll ikun hemm tariffi differenti li jiddependu fuq liema ħin tal-ġurnata użajt il-karozza.
Mod ieħor forsi xi ftit radikali, però iktar prattiku, huwa li titneħħa s-sistema ta’ liċenzja annwali fis-sena, u dan l-ammont jiżdied bħala taxxa fuq kull litru petrol jew diesel. Vetturi kummerċjali u tat-trasport pubbliku ikollhom fuel mingħajr din it-taxxa.
It-tariffi jvarjaw skont il-karozza
Ikompli jispjega kif it-tariffa ma tkunx l-istess għal kulħadd, bħalma l-liċenzji ma jkunux l-istess. ‘Jekk jien għandi karozza li tħammeġ ħafna, inħallas, biex nagħti eżempju, 12ċ, jekk ikolli karozza tħammeġ inqas, inħallas 8ċ u jekk ikolli mutur li ma jħammiġx ħafna inħallas 2ċ kull km.’
Pisani jkompli jispjega kif is-sistema tista’ taħdem ukoll permezz ta’ arranġament ta’ klijent ma’ kumpanija li żżomm id-data. Din diġà teżisti fuq il-vetturi kollha tat-trasport pubbliku, u fuq diversi vetturi oħra. Huwa jgħid li għalkemm f’dan il-każ ikollok il-kwistjoni ta’ data protection u akkużi ta’ ‘big brother’, is-sistema tista taħdem billi jkun l-individwu li jidħol fi qbil mal-kumpanija u li TM ma jkollha ebda aċċess għall-informazzjoni. “Finalment, jien nkun nista’ nitlob lil din il-kumpanija toħroġli rapport kull sena ta’ kemm għamilt km mingħajr dettalji oħra bħall-postijeit fejn kont, u min-naħa tagħha, TM toħroġ il-kont.
‘Imma din is-sistema mhux se tkun qed tiftaħ il-bibien beraħ għall-abbuż? Ma tistax tinħoloq sitwazzjoni fejn informazzjoni ta’ fejn persuna tkun marret, tasal għand membri ta’ familja jew saħansitra għand awtoritajiet, jekk ikun hemm ‘leaks’?’ staqsiet l-ILLUM.
Pisani jammetti li dan jista’ jkun il-każ, għalkemm huwa pront ifakkar li dawn l-affarijiet mhux talli mhumiex permessi li jsiru, talli kieku kumpanija, bħal tal-mobiles tasal biex tagħti informazzjoni lil xi ħadd kif ġieb u laħaq, tista’ tiffaċċja proċeduri iebsin il-Qorti u anke possibilità ta’ għeluq. “L-abbuż qiegħed kullimkien, u għalhekk għandna l-istrutturi u l-liġijiet meħtieġa biex abbuż simili mhux talli ma jkunx tollerat, talli jkun miġġieled bl-akbar qawwa.”
Dwar din il-proposta, Pisani jtemm jgħid li jekk qatt il-Gvern jikkonsidra li jwettaq proposta simili jista’ jikkunisdra wkoll li jħalli lil kullħad fil-libertà li jagħżel li jew iħallas liċenzja fissa kull sena, jew iħallas meta jmur għand tal-VRT jew inkella jidħol f’arranġament ma’ kumpanija tad-data.
Nieqfu naraw it-trasport bħala baqra li taħleb minnha
“Is-suċċess tal-inizjattiva, kif għidna tista’ twassal għat-tmiem tagħha minħabba li tfisser inqas introjtu. Imma wasal iż-żmien li t-trasport ma jibqax sors ta’ introjtu biss. Ma nistgħux nibqgħu naraw it-trasport bħala baqra li teħleb minnha.
Is-sewwieqa Maltin għassarnihom, għandna toroq inferjuri, nħallsu taxxi għoljin u għandna netwerk tat-toroq żgħir, u ammont kbir ta’ karozzi għal kull km kwadru. Għal dawn l-erba’ toroq qed inħallsu liċenzji daqs kemm iħallsu fir-Renju Unit, jekk mhux iktar.
Irridu naħsbu iktar ‘outside the box’ għax qed naslu f’sitwazzjoni fejn it-traffiku qed jiddeterjora n-negozju, it-tfal qed iqumu kmieni biex ma jaslux tard u xogħol mhux qed jasal fil-ħin għand tal-ħwienet. Dan kollu jista’ jfisser li Malta tkun inqas attraenti għall-investiment.”
L-Awtorità ta’ Trasport taħti għad-diżastri fit-trasport pubbliku
Induru fuq it-trapsort pubbliku u l-ILLUM ifakkar kif f’dan il-pajjiż kellna trasport immexxi mill-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku li kien diżastru, imbagħad kellna l-Arriva li kienet diżastru u issa l-Ispanjoli li s’issa, diżastru wkoll. ‘Taħseb li wasal iż-żmien li l-Gvern jikkunsidra li jieħu s-servizz lura f’idejh, xi ħaġa kkunsidrata dagħwa fid-dinja ekonomika tal-lum, jew jipprova jtiha lil kumpanija jew konsorzju privat lokali. Jaħseb Pisani li din tista’ tkun soluzzjoni?
Huwa jispjega kif d-direzzjoni tal-argument huwa tajjeb imma mhux neċessarjament is-soluzzjoni. “Vera qabel kien hemm battibekki u dwejjaq bl-antiki, però l-għarfien tagħhom intilef. Għarfien? “Iva għarfien,” jirrispondi Pisani, “dak li bassar persuna mill-Assoċjazzjoni fuq il-programm Xarabank ġara, anke jekk Manwel Delia dak iż-żmien kien ipprova jirridikolah.”
Fiex bassru tajjeb imma, staqsa l-ILLUM. “Li tnaqqas il-flotta bin-nofs, kienet idea ħażina. Naqqasnieha bin-nofs vera, imma x’ġara? Bdew jieqfu l-karozzi fit-toroq. Mela magna tista’ tħaddimha kontinwament mingħajr lanqas ċans ta’ maintenance. Anke r-rotot, kienet tagħmel sens li Manwel Delia qabbel Malta ma’ Londra? Tista’ tqabbel u tfassal pjan ta’ trasport pubbliku għal 400,000 passiġġier fuq sistema li taqdi mal-20 miljun persuna?”
Wasal iż-żmien li t-trasport ma jibqax sors ta’ introjtu biss
Imma minkejja kollox, it-trasport pubbliku qabel l-Arriva ma kienx tajjeb, ifakkar l-ILLUM. “Naqbel, imma nfakkrek ukoll li dak iż-żmien kellek l-awtorità tat-trasport (illum TM) li swiet miljuni kbar u kollox kien abbandun, tal-linja kollha neżlin biċċiet. Qabel nistenna lix-xufier jiddixxiplina lilu nnifsu, kont nistenna lil TM li tagħmel xogħolha mhux ħalliet lil kulħadd jagħmel li jrid. Ix-xufiera kienu trattati b’mod dispreġġjattiv, u dan irrifletta fis-servizz li kienu jagħtu. Mill-banda l-oħra, meta bdew l-Arriva, kieku stajna ġibnielhom l-ilma jiżfen biex is-servizz jimxi sew.
Meta bdew jinfurzaw fuq il-minibuses, id-dixiplina daħlet. Kieku nfurzaw il-liġi d-dixxiplina kienet iddejjaq għal ftit imbagħad kienet tkun aċċettata.
Imma hemm soluzzjoni għat-trasport pubbliku? L-ewwel nett tajjeb, vera li naraw mudelli barranin, imma aħna nafu s-suq tagħna l-aħjar. Billi ġibna l-Arriva biex imbagħad indunajna li toroq bħal tal-Imrabat huma wisq dojoq u x-xarabank ma setgħux jgħaddu. Konna kkritikajna tant it-trakkijiet l-antiki li armejna, meta dawn ma kinux jgħerqu għax kellhom staffi għoljin, u setgħu jgħaddu minn toroq dojoq. Seta’ faċilment isirilhom modifika biex jaqdu l-bżonnijiet ta’ nies bi bżonnijeit speċjali u jitnaqqsu l-emminssjonijiet. Jiena nħoss li fi TM għandu jkollok bord magħmul minn uffiċjali tal-Gvern flimkien ma’ xufiera tat-taxis, tal-minibuses, fost l-oħrajn, għax fejn jidħlu kwistjonijiet relatati mat-toroq dawn huma l-veri esperti mhux xi Ministru bix-xufier dejjem miegħu.
Huwa jitkellem dwar l-importanza li fit-trasport pubbliku jkun hemm ħidma bejn operaturi differenti u li jerġa’ jkun introdott servizz ta’ minibuses għal impjegati li jaħdmu f’post tax-xogħol wieħed. Pisani jipproponi li jkun hemm sistema ta’ minibuses li jgħaddu minn lokalitajiet differenti f’ċerti ħinijiet ta’ filgħodu u li jkunu jistgħu jwasslu lin-nies x-xogħol fl-iqsar żmien possibbli. TM jistgħu jikkreaw websajt li tiffaċilita minn fejn jingabru n-nies, fix-ħin u fejn jinżlu. Jista’ jkun hemm rappreżentanti tat-TM li jduru postijiet kbar bħall-Isptar, l-Università u żoni industrijali u jipromovu dan is-servizz. Il-Koperattiva tal-Minibuses kienet provat tagħmel dan, però ma kelliex biżżejjed sapport mingħand TM. “Imma din mhux se tkun qed toħloq kompetizzjoni diretta, mal-operatur tat-trasport pubbliku? jistaqsi l-ILLUM. “Allura? TM m’għandhiex ikollha problema li tinħoloq din il-kompetizzjoni, wara kollox mhux qiegħda hemm biex tippreferi operatur, imma biex tara li jkun hemm l-għażla. Issa jekk l-Ispanjoli ma jistgħux ilaħħqu mal-kompetizzjoni affarihom.”