“It-tmexxija tal-pajjiż tal-politiċi u mhux tal-Knisja
“Il-professjoni medika għandha d-dover li tħares lejn il-karti tal-file tal-pazjent u mhux lejn il-karti li jkollu fil-kartiera” - Jgħid l-isqof Grech
minn John Busuttil
Bħal dejjem, Dun Mario (kif jieħu gost min isejjaħlu) laqgħani fl-uffiċċju tiegħu fejn sibtu jistennieni. Mill-ewwel staqsejtu x’sodisfazzjon tagħtu din is-sena li waslet biex tintemm. “L-akbar sodisfazzjon kien li għext is-sinodu dwar il-familja. Dan imlieni b’ħafna ħeġġa pastorali u għandi sodisfazzjon li pparteċipajt fi ġrajja li żgur se tgħin biex tnissel tama f’ħafna bnedmin. F’dan is-sinodu kien hemm spazju li fih stajt infittex tweġiba għal ċertu mistoqsijiet profondi li qed jagħmlu n-nies tagħna dwar l-imħabba lejn il-familja. Is-sinodu afferma dak li f’Għawdex ilna nagħmlu għal dawn l-aħħar ħames snin, jiġifieri li nakkumpanjaw lill-għarajjes tagħna fil-mixja umana tagħhom u fil-formazzjoni spiritwali tagħhom.”
“Dan is-sinodu fetaħ bieb ukoll għad-dixxipli li ż-żwieġ tagħhom mar żmerċ u daħlu fit-tieni relazzjoni. Dawn jixtiequ li jkunu parti sħiħa mill-komunità Nisranija, li qabel ma kienx possibbli. Is-sinodu tahom iċ-ċans li jixorbu mill-għajn ta’ ilma ġieri li hu Kristu.”
‘Inutli tfittex l-ideali meta r-realtà hi differenti’
Staqsejtu dwar familji oħra, fosthom dawk fejn il-membri adulti huma tal-istess sess. L-Isqof qalli li l-ideal jibqa’ li relazzjoni tkun bejn mara u raġel li jingħaqdu fi żwieġ. “B’daqshekk ma jfissirx li min ma jasalx s’hawn m’hemmx post għalih fil-mixja tiegħu jew tagħha wara Kristu. U Kristu ma jkeċċi lil ħadd iżda jkompli jwieżen lil bniedem ħalli gradwalment jikber fl-għarfien ta’ x’irid Alla minnu. Issa l-knisja anke lil dawn il-persuni trid takkumpanjahom u meta juru x-xewqa li jikbru fil-ħbiberija tagħhom ma’ Ġesu, aħna rridu ngħinuhom. Però, dawn jimxu bil-pass tagħhom u ma tistax tippretendi li jimxu bil-pass li nixtieq jien jew li tixtieq il-Knisja. Inutli li tfittex il-familja ideali mmexxija minn mara u raġel meta r-realtà hi differenti. Irridu ngħinu lill-bniedem ibexxaq it-tieqa bħalma jagħmel kulħadd, jistaqsi lilu nnifsu jekk hux qed jagħmel jew jgħix dak li jrid Alla minnu.”
Grech ikompli jispjega kif, “il-ħajja Kristjana mhix xi uniformi jew libsa li jilbisha kulħadd. Imma l-vanġelu hu pezza drapp li kulħadd hu liberu, u fl-istess ħin responsabbli quddiem Alla li minn dik il-pezza drapp jaqta’ l-libsa li tiġih. Il-Knisja omm, tilqa’ lill-bniedem u ma tgħejjix ‘tipproponilu lil Ġesu Kristu. Jekk għandu jkun hemm bidla fil-ħajja tagħna l-bnedmin, sew jekk jien eterosesswali inkella differenti dik il-bidla m’għandu jimponiha ħadd. Imma trid tkun riżultat ta’ esperjenza li l-individwu jagħmel ma’ Kristu.”
Il-Politika u l-Knisja
Hawnhekk qlibt ftit id-diskors u tlabtu jgħidli jekk il-knisja għandhiex ikollha leħen fit-tmexxija tal-pajjiż. “Fis-sens strett tal-kelma, m’għandhiex ikollha sehem fit-tmexxija tal-pajjiż. Ma nistax nippretendi li jkolli farka minn dik ir-responsabbiltà tal-pajjiż. It-tmexxija tal-pajjiż tappartjeni lis-soċjetà politika u l-missjoni tal-knisja hi waħda spiritwali.
“Il-vanġelu, però hu l-bxara t-tajba li tmiss lil bniedem sħiħ, sew fl-aspett spiritwali kif ukoll soċjali. Li n-Nisrani jsib ispirazzjoni biex jagħti kontribut lis-soċjetà hi ħaġa mixtieqa, mingħajr però ma jimponi t-twemmin tiegħu fuq ħadd. Allura l-komunità Nsranija tista’ toffri dan is-servizz lis-soċjetà billi tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha iżda ma timponix, osservazzjonijiet li jkunu mnebbħa mill-valuri tal-vanġelu biex ikollna soċjetà aktar umana.”
Hawnhekk, Dun Mario qalli li xtaq li joħroġ fil-beraħ kitba tiegħu li tħares lejn l-iżvilupp sħiħ ta’ kull bniedem. “Insejjaħ għat-tema ta’ prattiċi fil-qasam tas-saħħa li għandhom xamma ta’ diskriminazzjoni inġusta, fejn min jiflaħ ekonomikament jiġi preferut fuq min hu fqir. Ġieli jasluli lmenti minn pazjenti li jinqdew bis-servizz tas-saħħa li joffri l-istat fl-isptarijiet tiegħu, li xi wħud fil-professjoni medika ma jimpurtahomx mill-pazjent innifsu imma skont kemm il-pazjent ikun lest li jagħmel donazzjonijiet minn taħt. Ħafna mill-professjonisti mħallsa mill-fondi pubbliċi aktar jinteressahom mill-karti li għanbdu fil-kartiera l-pazjent milli l-karti li jkollu fil-file. Nemmen li l-vanġelu jixpruna li nagħmlu din l-osservazzjoni. Din il-kritika mhux diretta lejn is-sistema iżda lejn l-individwi.”
L-ambjent u l-mina
L-ambjent għandu jkun parti mill-leħen tal-Knisja? “Kellna konferenza biex issir riflessjoni fuq l-enċiklika tal-Papa Laudato Si li hi dwar l-ambjent. Meta qed insemmu l-ambjent sħiħ, ninkludu l-ambjent naturali li hu eżempju ieħor li jitkellem mill-ġmiel u l-providenza t’Alla u aħna għandna dmir li nħarsuh u ma nisfruttawhx. Dan id-dmir hu kemm lejn il-ġenerazzjonijiet tal-lum kif ukoll għal futur. Iżda l-qofol tal-ambjent hu l-bniedem u allura daqskemm għandna jkollna attenzjoni biex inħarsu l-ambjent naturali daqstant ieħor għandna nagħtu każ il-bniedem.”
U la semmejna l-ambjent, ma stajtx ma nsemmilux jekk jaqbilx mal-mina jew le, bejn Malta u Għawdex, “kelli laqgħa mal-Gozo Business Chamber u ppreżentawli l-istudji u qaluli li se jkun hemm iżjed stħarriġ u studju u anke talbuni l-opinjoni tiegħi. Jien ħadt din l-opportunità biex nitlob lill-kummissjoni ambjentali tal-knisja ħalli tagħtina l-fehma tagħha fir-rigward. S’issa għadhom m’għaddewli xejn. X’tiswa li nesprimi opinjoni personali u l-kummissjoni toħroġ b’xi fehma differenti wara l-istudji tagħha? Iżda hu fatt li din il-komunikazzjoni bejn iż-żewġ gżejjer teħtieġ titjieb anke biex il-popolazzjoni f’din il-gżira ma tkomplix titnaqqar. Min-naħa tiegħi, żgur li nara urġenza li tittieħed bis-serjetà l-kwistjoni tal-aċċessibbiltà aħjar bejn iż-żewġ gżejjer.”
Irridu nitgħallmu ngħixu flimkien
Tkellimna dwar il-qawmien tal-Iżlam u l-Musulmani fid-dinja, fejn anke Malta tidher li din ir-reliġjon qed tikber ukoll. Staqsejtu wkoll dwar l-immigranti. L-Isqof wieġeb mingħajr wisq tlaqlieq, li hu jemmen li dawn huma persuni li qed jagħmlu kif għamilna aħna snin ilu. “Jiġifieri qed jemigraw u jissetiljaw f’pajjiżi oħra. Il-fatt li għandhom twemmin differenti minn tiegħi ma jinkwetanix. Il-viżjoni tal-Knisja, u dan mill-Konċilju Vatikan ’l hawn, hu proprju li naraw kif ngħixu flimkien.
“Jinkwetani u m’iniex kuntent meta nisma ċertu diskors li għandu riħa ta’ razziżmu. Naħseb li lkoll, jiġifieri l-Maltin, l-Għawdxin u anke l-Għarab, irridu nitgħallmu ngħixu flimkien. Għax għandi l-impressjoni li hemm elementi min-naħa tat-tnejn li ma jridux jintegraw flimkien. Żgur li l-idea tal-ghettos hi żbaljata. Wieħed irid jiffaċilità biex l-integrazzjoni sseħħ. Però, ma mmorrux ’il bogħod wisq, għax jekk wieħed isegwi l-Maltin fl-Awstralja jinduna li l-Maltin għadhom ifittxu lill-Maltin. Jiġifieri hi universali li kulħadd ifittex lil tiegħu.
“Imbierkek b’idejja t-tnejn” – Grech lill-Imam
“Issa rridu noħolqu ċirkostanzi li jagħmilha aktar faċli li jwaqqa’ ħitan anke psikoloġiċi u reliġjużi li qegħdin isaħħu din il-mentalità ta’ qasma.”
Staqsejtu jekk jiddejjaqx jekk tinbena Moskea f’Għawdex. “M’għandix diffikultà. Il-Ministru Anton Refalo kien tarrafli xi ħaġa li kellu idea li jibni tliet knejjes fi Knisja waħda, u jien kont qbilt ma’ dan il-proġett għax kienet tgħaqqad tliet reliġjonijiet f’waħda, għax aħna kollha aħwa.
“Dan l-aħħar kellimni wkoll l-Imam li qalli li kellu xewqa li jkollu post ta’ talb għall-Musulmani, u bħal speċi talab il-permess tiegħi. Jien weġibtu li l-permessi mhux jien noħroġhom għall-bini. Iżda hu qalli li kulma ried il-barka tar-reliġjon l-oħra u jien weġibtu ‘jien imbierkek b’idejja t-tnejn’. Erġajt iltqajt miegħu u staqsejtu fiex wasal fil-bini għal dar tat-talb f’Għawdex, u qalli li għadu lura filwaqt li offrieli li meta jasal għaliha, jitlobni biex niftaħha jien. Min-naħa tiegħi tajtu l-kelma li nagħmilha bil-qalb kollha.”
U hawn l-Isqof Grech xtaq iżid xi ħaġa li s’issa kien għadu ma esprimiha qatt qabel, “Nixtieq li fis-sena tal-ħniena noħloq mument ta’ talb bejnietna l-Insara u l-Musulmani flimkien. Għax is-sena tal-ħniena hi għall-bnedmin kollha, u nixtieq nagħti din il-possibilità lil ħutna kollha. Għad irrid nitkellem mal-Imam dwar din il-laqgħa ta’ talb flimkien għax hi xewqa tiegħi għas-sena mqaddsa.”
Hawnhekk irrimarkajtlu li f’kull presepju ħaj li żort f’Għawdex, ma rajtx raġel jew mara b’karnaġġjon iswed li tieħu sehem. Dun Mario qalli, “Togħġobni din l-osservazzjoni tiegħek, però naħseb li tkun aħjar jekk din ix-xorta ta’ integrazzjoni tkun spontanja u mhux tmur tfittex wieħed iswed biex tużah. L-iżvilupp għandu jkun naturali u jiġi milqugħ bil-qalb kollha.”
Dwar il-Milied f’Għawdex, l-Isqof Grech qalli li għadu Milied tal-Bambin, fejn semma li bħalissa fin-novena tal-Milied, il-kappillani tiegħu tarrfulu u li l-knejjes qed ikunu ppakkjati.
Staqsejtu wkoll dwar il-bidliet ta’ kappillani f’diversi rħula Għawdxin. “F’10 snin kważi nbidlu kollha, fejn minn 15-il kappillan, tnejn biss ma nbidlux. Jien infittex nies li huma mimlija ħeġġa li jaqdu lin-nies motivati bix-xewqa li jingħataw il-mediċina li Alla biss jaf jagħti. Inpoġġi l-aħjar nies li għandi bħala rgħajja tal-parroċċi tagħna u mhux bilfors skont l-età.”
Iż-żgħażagħ u l-messaġġ tas-sena
Dwar il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-Knisja Għawdxija, Dun Mario qal, “Hemm potenzjal qawwi ħafna fiż-żgħażagħ. Hemm minnhom li l-enerġija jindirizzawha ħażin. Hemm il-bluha taż-żogħżija li allaħares mhix hemm, iżda fil-fond ta’ qalbhom iż-żgħażagħ huma r-riżorsa f’kull kamp, fejn dan l-aħħar kont qed inżur diversi każini u dejjem sibt żgħażagħ li l-ġenerożità tagħhom taffaxxinani.
“Però, għandi għafsa ta’ qalb li matul il-ġimgħa, iż-żgħażagħ tagħna ma jkunux hawn minħabba motivi ta’ studju u xogħol li tħallihom jibqgħu Malta. U għalhekk nerġa’ ntenni li hemm bżonn urġenti ta’ aċċessibbiltà u mhux biss miċ-Ċirkewwa sal-Imġarr iżda għat-toroq kollha li jwasslu lejn Għawdex.” F’din l-istqarrija stajt nara li l-Isqof Grech kien qed jirreferi għal metodi oħra kif iż-żgħażagħ Għawdxin jistgħu jaslu sal-Universitajiet jew postijiet tax-xogħol tagħhom, bħal fast ferry. Qal ukoll li s-soluzzjoni hu ma jafhiex, iżda jaf li anke l-awtoritajiet huma preokkupati b’din is-sitwazzjoni.
Messaġġ lill-qarejja tagħna
Tlabtu jagħti messaġġ lill-qarrejja tal-ILLUM, fejn Grech fakkar kif, “il-Milied hi festa ta’ ferħ. Dan il-Milied qed naħseb fuq dawk li dan iż-żmien ħa jtaqqlilhom qalbhom aktar milli hi tqila. F’dawk li qed jgħixu fis-solitudni. Dawk li mietilhom xi ħadd għażiż f’dawn iż-żminijiet. Dawk il-familji mifruda. Anzjani minsija minn uliedhom, persuni li dan l-aħħar skoprew li għandhom il-kundanna tal-mewt fuqhom, u l-lista tista’ tkompli. Ma rridx li dan il-ħafna kant, daqq u ċekċik ta’ tazzi jnessina parti mhux żgħira min-nies tagħna. Fl-istess ħin, nawgura li dawn ikunu żminijiet ħienja anke għalihom għax it-tarbija ta’ Betlehem li wkoll twieldet fis-solitudni, hi messaġġ qawwi li Alla sar bniedem biex ikun qrib il-bniedem u ma jħallihx ibati kull xorta ta’ solitudni.”
Qabel sellimna lil xulxin, tlabtu jispiċċali l-intervista billi jgħidli jekk kellux xi dispjaċir kbir fis-sena li għaddiet. “Inħossni isqof fil-mumenti meta nkun ħdejn bniedem li qed ibati. Bħalissa qed niftakar f’persuna relattivament żgħira li kellha marda terminali u mietet. Kont immur naraha sikwit. Niftakar ċertu domandi li kienet tagħmilli. Liema domandi kienu profondi ħafna, li jriegħduk, bħal meta kienet tistaqsini għaliex din it-tbatija? Tħallik bla risposta u hemmh