“Taħt Muscat, l-ambjent tela’ fl-ewwel diviżjoni” - Musumeci

“Hawn perċezzjoni li l-PN huwa assoċjat ma’ sorsi li b’mod sistematiku jippruvaw jattakkaw u  jqattgħu lil kull min mhux Nazzjonalist”

Iltqajt mal-Perit Musumeci fl-uffiċċju tiegħu fis-Siġġiewi. Minkejja li Robert kien sindku ta’ din il-lokalità f’isem il-Partit Nazzjonalista, fl-aħħar elezzjoni vvota għall-Partit Laburista għax emmen fl-idea tal-moviment immexxi minn Joseph Muscat. F’din l-intervista jgħidilna x’kienet ir-raġuni li għamel dan u jekk għadux jemmen f’dan il-moviment.

Robert jemmen f’politika ta’ kulħadd u mhux fit-timbri bil-kuluri? Għadu jemmen fil-moviment? Jemmen li dak li l-moviment politiku li ħoloq Joseph Muscat qabel l-aħħar elezzjoni għadu ntatt? Il-PN, li hu kien jagħmel parti minnu, nbidel? Iħoss li għandu kunflitt ta’ interess meta huwa bħala perit iressaq l-applikazzjonijiet quddiem il-MEPA u fl-istess ħin jagħti pariri dwar proċeduri tal-ippjanar? Għad naraw lil Robert Musumeci bħala kandidat f’elezzjoni ġenerali? U jekk iva, ma’ liema partit?

Musumeci jibda billi jfakkar kif “l-unika darba li ttesserajt ruħi ma’ partit kien mal-PN u dan kien għal għomri. Biex ngħidlek is-sew ma nafx x’inhi l-pożizzjoni formali tiegħi fil-preżent. Inżid ngħidlek li qatt ma rċevejt ebda notifika mill-partit dwar is-sħubija. Biex ngħidlek is-sew, qatt ma ndagajt,” jgħid Musumeci bid-daħka. “Għakemm sal-lum stess irċevejt messaġġ biex nattendi attività. Sadattant jien qatt ma tfajt ir-riżenja tiegħi mill-PN.”

Mela allura x’ġara biex għażel li ma jibqax attiv fil-PN? “Żgur li r-raġuni li m’għadnix attiv fil-partit mhix dovuta għal xi governanza ħażina jew skandlu min-naħa tiegħi. Minn qabel l-elezzjoni tal-2008, kien evidenti li kien hemm kurrenti li ma kinux tant komdi bil-preżenza tiegħi. Nifhem li ma nistax nogħġob lil kulħadd u allura ħassejt li ma nerġax nikkandida ruħi għall-kariga ta’ sindku wara li għalaqli t-terminu fl-2012.”

Staqsejtu jkun ċar dwar il-kurrenti u jekk kienx Lawrence Gonzi stess warajhom. Robert qal li hu qatt m’attribwixxa l-kurrenti lill-eks kap tal-PN, “qatt ma kelli xi ngħid miegħu. Ħafna drabi, il-kurrenti jiġu minn klima li tkun akkumulat maż-żmien.” Sadanittant, Robert qalli li l-bidu tal-problemi tiegħu fil-PN bdew meta kien tela’ fuq il-palk fl-2007, “u kkritikajt fil- miftuħ lil min kien qed jattakka lil Alfred Sant b’mod feroċi. Meta komplejt nagħfas, qatgħuli l-microphone biex ma ninstemax iktar.”  

Jekk tissejjaħ elezzjoni għada, jerġa’ jivvota PL

Mitlub jgħid jekk ivvutax lill-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni, bla tlaqliq ta’ xejn qal, “ivvutajt lill-moviment, li nbena fuq l-għajta ta’ aħna lkoll aħwa Maltin.”

U jekk ikun hemm elezzjoni għada? Kif jivvota? Musumeci ma tantx jomgħod kliemu u jgħid li jerġa’ jivvota favur il-Partit Laburista. “Jien nemmen fil-prinċipji li sawru l-moviment. Dik li meta nħarsu lejn wiċċ xulxin, ma ngħidux dak Nazzjonalist jew Laburist. Aħna naraw ħutna Maltin – dik li Muscat jiddeskrivi bħala l-għajta li sabet id-dar naturali tagħha f’dal- moviment. Il-moviment jibqa’ b’saħħtu dment li dil-formula tibqa’ tiġi implimentata. Nemmen li Muscat ġenwinament jemmen fiha.”

Fid-dawl ta’ dan, u fid-dawl ukoll ta’ kritika ħarxa li qed jiffaċċja dan il-Gvern, staqsejtu jekk jaħsibx li l-meritokrazija taħt dan il-Gvern hux qed tkun prattikata jew le. “Jiena nista’ nitkellem dwari. Lili ħadd ma jikkritikani fuq il-kapaċità tiegħi, iżda jekk xejn, fuq affarijiet oħra. Sfortunatament, hemm tendenza li min jaqbel mal-politika tal-Gvern preżenti qed jibqa’ jiġi skreditat. Dan mhux ġust. Min-naħa l-oħra huwa ħażin jekk hawn nies li ħadu pożizzjonijiet għax huma viċin partit, jew xi ħadd li ġie diskriminat għax Nazzjonalist.”

M’għadniex nużaw ir-riga morali biex inkissru lin-nies

Musumeci ġieli jkun ikkritikat għaliex xi drabi, jitkellem wisq dwar dak li hu legali milli dak li hu morali. “Il-punt tiegħi hu li na naqbilx li nippruvaw niskurjaw il-punti, u agħar minn hekk nużaw ir-riga morali, kif u fejn jaqbel, biex inkissru n-nies. Kumbinazzjoni, id-dokument tal-‘good governance’ li qed isemmi Simon Busuttil, jekk xejn, jipprovdi riga. Dak hu li ninsisti dwaru jien, li r-regolamenti għall-persuni pubbliċi jkunu miktuba, u allura kodifikati, u mhux arbitrarji li nużawhom skont il-persuna. Jiġifieri ma’ min ma jogħġobniex, nużaw riga morali u riga tal-etika biex nippruvaw inkissruh, mentri ma’ oħrajn ngħalqu għajnejna.” Staqsejtu jekk hux qed jirreferi għall-każ ta’ Ian Borg u qalli, “qed nirreferi għal kull min jigi imsawwat fuq kejl arbitrarju biex itir min-nofs.”

Naħlef li Michael Falzon mhux bniedem korrott

Robert Musumeci fix-xogħol tiegħu ta’ perit, ikollu x’jaqsam ħafna mas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon. Staqsejtu jekk jaħsibx li Falzon kellu jirriżenja minħabba l-ħbiberija li kellu ma’ Gaffarena. Fil-fatt, Falzon kien mar vaganza għall-kaċċa ma’ Gaffarena, u iktar minn hekk iħossx li Falzon għandu jirreżenja fid-dawl tal-allegazzjonijiet sussegwenti dwar il-proprjetà fi Triq Zekka li xtara Gaffarena u li ġiet esproprjata mill-Gvern ftit biss wara b’kumpens li ħalla madwar €1.6 miljun f’but Gaffarena.

  “Jien naħdem miegħu u jkolli ħafna xogħol miegħu, u jien persważ u naħlef li Michael Falzon mhux bniedem korrott, anzi altru milli korrott u ngħidha b’idi fuq qalbi. Issa jekk noqogħdu ngħidu għax dak jaf lil dak u l-ieħor u noqogħdu nimplimentaw il-politika tal-permutazzjonijiet, jew ta’ min jaf lil min, allura naħseb li jista’ jirriżenja kulħadd. Jirriżenja kull politiku li b’xi mod miss ma’ xi persuna fin-negozju. Nistieden lil kull min hu fil-Parlament jgħidilna jekk kienx hemm xi okkażjoni, imqar waħda, fejn xi negozjant għamillu festin b’xejn jew bi prezz ridott jew tah xi sponsor u jekk sussegwentement dan in-negozjant marx ‘biex jinqeda’ għand dal-ministru jew segretarju parlamentari. Sadattant, Falzon diġà ddikjara li hu ma daħalx fil-valuri tal-proprjetà fil-kwistjoni ta’ Gaffarena għax mhux xogħlu jagħmel dan. Jidher li Falzon implimenta l-provedimenti tal-ligi li ilhom stabbiliti snin u skont id-diskrezzjoni li taghtih l-istess ligi. Naturalment, wieħed jista’ ma jaqbilx mal-ligi kif inhi. Iżda, jekk hemm xi nuqqasijiet li jirregolaw l-esproprjazzjoni tal-art, għandna nibdlu l-liġijiet fil-Parlament mhux noqogħdu nippruvaw insallbu nies bħal Jason Azzopardi jew Michael Falzon.”

Il-Gvern preżenti eleva l-ambjent

Robert Musumeci hu l-persuna li jagħti l-pariri lill-Prim Ministru dwar l-ippjanar. Sadattant l-ambjentalisti xejn mhuma kuntenti b’dak li qed jagħmel il-gvern ta’ Joseph. Dan ifisser li mhux qed jagħti pariri tajba lill-Gvern? Jaħseb li l-Gvern falla f’dak li hu ambjent? “Il-gvern ta’ Joseph, kif qed issejjaħlu int, hu l-Gvern li eleva l-ambjent minn sempliċi direttorat għal awtorità awtonoma li se tkun immexxija fost l-oħrajn mill-NGOs. U dan ifisser li għall-ewwel darba, l-awtorità tal-ambjent tista’ ġġib permess fix-xejn wara li tappella permess deċiż, quddiem tribunal indipendenti. Sal-lum dan mhux possibli għax id-direttorat ambjentali jista’ jagħti biss pariri. Bil-liġi l-ġdida, se jkun jista’ jappella kontra permess ta’ żvilupp u jekk l-appell jintlaqa’ minn tribunal indipendenti, dak il-permess jieqaf.

Il-pariri li jagħti lill-Prim Ministru, kollha jiġu aċċettati? “Il-Gvern ried li jekk m’hemmx kunsens tas-sid, l-applikazzjoni ma tiġix proċessata. Għall-Gvern, din il-pożizzjoni dehret li tagħmel aktar sens minn aspett prattiku. Fil-fehma tiegħi, hemm soluzzjonijiet li huma legalment eħfef għaliex permess ma jagħti ebda dritt ta’ titolu. Però l-Gvern baqa’ jinsisti dwar il-bżonn tal-kunsens sa mill-bidu. Dan qed ngħidu sempliċiment biex nurik li jkun hemm kuntrast ta’ ħsibijiet”

“Iżda kien hemm imbagħad pariri li ttieħdu. Per eżempju, deċiżjonijiet tas-sanità li jmissu ma applikazzjoni, issa se jiġu determinati direttament mill-Awtorità tal-Ippjanar u b’hekk, fi żmien 3 xhur applikant ikollu deċiżjoni sħiħa. Mentri llum jekk teħel minn aspett sanitarju jieqaf il-proċess ta’ applikazzjoni sabiex il-każ imur quddiem awtorità oħra – proċess li jista’ jitwal b’aktar minn sentejn. Dan il-bdil se jiġi fis-seħħ minn April li ġej.”

Issa jista’ jitwaqqaf permess mill-awtorità ambjentali

Mistoqsi jekk jaqbilx jew le mal-qasma tal-MEPA, Robert qal li l-Gvern irid li l-ambjent jissaħħaħ u jrid jagħtih l-awtonomija, “issa biex l-ambjent jingħata l-awtonomija bilfors kellu jaqsamha.” Erġajt staqsejtu jekk personalment jaqbilx mal-qasma, u waqaf xi ftit qabel ma wieġeb. Ftit wara qal li s-sistema kif kienet, setgħet tidher li kienet qed taħdem, “iżda l-ambjent, jekk kien fit-tieni diviżjoni, issa tela’ fl-ewwel diviżjoni għax għall-ewwel darba, l- Awtorità Ambjentali tista’ twaqqaf permess. Sal-lum dan ma kienx possibli.”

Musumeci hu perit, u fl-istess waqt jaħdem bħala konsulent tal-Gvern dwar ippjanar. “Imma dan mhux qed joħloq kunflitt ta’ interess?” nistaqsi lil Musumeci. “Il-liġi stess trid li l-policies jgħaddu mill-għarbiel tal-‘Users Committee’ biex jagħtu pariri lill-Awtorità dwar il-policies.  Il-‘Users’ jinkludu periti, rappreżentanza tal-Estate Agents u anke rappreżentanza tal-kuntratturi u ambjentalisti. Jiena nifhem li jekk se tieħu parir, trid tieħdu minn min għandu esperjenza fis-settur.  Nixtieq nosserva li fost l-aħjar suġġerimenti fil-Parlament, kien hemm dawk tal-periti, bħal Censu Galea u Tony Bezzina. Dawn it-tnejn huma periti u li addirittura għandhom dritt li jivvutaw favur jew kontra liġi. Jien, mill-banda l-oħra, ma niddeċidix liġijiet, iżda nagħti biss pariri.

‘M’għandix ħsieb li nkun kandidat’

Billi Robert dejjem jikteb fuq il-mezzi soċjali dwar il-politika, jagħti x’jifhem li għad ikun kandidat fl-elezzjoni ġenerali. “M’għandix ħsieb li nkun kandidat,” wieġeb b’mod skjett Musumeci.

Konna viċin tmiem l-intervista u Robert qalli li l-mistoqsijiet li għamiltlu jagħmluhom kuljum ħafna nies li jemmnu f’Muscat, “għax xebgħu mill-politika ta’ jekk mhux magħna kontra tagħna.”

“Jekk partit politiku jibqa’ bil-mentalità li “min mhux magħna hu kontra tagħna,” ma jistax jimxi ’l quddiem. X’għamel Muscat? Muscat għaqqad lill-Boffisti, lill-Mintoffjani, ta’ Sant u addirittura nazzjonalisti li ddejqu mis-sistema. U dak l-impetu ġab nies oħrajn.”

Busuttil jeħtieġ jagħmel xi ħaġa dwar sorsi li jattakkaw lil min mhux Nazzjonalist

Tlabtu jgħidli l-opinjoni tieghu dwar x’jaħseb fuq il-Partit Nazzjonalista ta’ Simon Busuttil, “Hawn perċezzjoni li l-PN huwa assoċjat ma’ sorsi li b’mod sistematiku jippruvaw jattakkaw u  jqattgħu lil kull min mhux Nazzjonalist. Infakkru li min hu vittma ta’ dawn l-attakki, żgur mhux forsi li xi mkien ikollu parentela li jistgħu jkunu tradizzjonalment Nazzjonalisti. Intih parir, li jekk jaqbel li hawn dil-perċezzjoni, jagħmel xi ħaġa dwarha.”

Tlabtu jgħidli jekk il-Partit Nazzjonalista qattx ipprova javviċinah biex jattirah lura lejn il-partit, bir-risposta immedjata tkun, “assolutament le, anke jekk illum, fuq livell professjonali għandi relazzjoni aħjar minn meta meta kont hemm.”

 

More in Intervisti