'Refalo għandu tort għax ma ġġilidx għal fondi biżżejjed'
Chris Said u Għawdex fl-intervista mal-ILLUM jgħid li f'Għawdex ma sar xejn u li l-PN ma jaqblux li l-isptar ta' Għawdex għandu jinbiegħ
minn John Busuttil
F'intervista li l-ILLUM għamel ma' Chris Said staqsieh jekk kinitx għażla tiegħu li ma ħariġx għat-tieni terminu tiegħu bħala segretarju ġenerali, Said wieġeb li “bħala segretarju ġenerali ħadt deċiżjonijiet iebsa u li weġġgħu, iżda ridna nwaqqfu l-emorraġija tal-partit. Sadanittant, wassalt lill-PN għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali fejn il-partit naqqas id-distakk bin-nofs. Fl-istess ħin kont inħoss li nqtajt ħafna minn Għawdex u nqtajt sew mill-familja u fl-istess ħin, il-PN kien qed jagħmel passi ’l quddiem f’Malta, u f’Għawdex ma rnexxilux jagħmel dan. Għalhekk iddiskutejt mal-Kap li kont preokkupat b’dan kollu u flimkien iddeċidejna li ma nikkontestax il-kariga u nibda naħdem fuq Għawdex, fejn ta’ 45 sena spiċċajt l-aktar kandidat u deputat anzjan f’Għawdex.”
Said flimkien ma’ Giovanna Debono kien ministru fl-amministrazzjoni li għaddiet, u l-falliment tal-partit f’Għawdex żgur li kellu sehem fih. “Irrid nerfa’ parti mir-responsabbiltà wkoll għax kont parti mill-Gvern. Għalkemm f’Għawdex il-partit naqqas il-voti, mhux vera li tilef lil Għawdex. Bħala voti tal-ewwel għadd, kellna 250 vot aktar mil-Labour. Personali kważi rduppjajt il-voti tiegħi. Mertu għax-xogħol li kont wettaqt. Stajna għamilna ħafna iżjed iżda kien hemm sitwazzjoni li n-nies riedu bidla, u li kieku għamilna Għawdex tad-deheb xorta kienu jibdluna. In-nies riedu jippruvaw bniedem frisk u issa wara tliet snin, anke fejn jidħol Għawdex dak li ġie mwiegħed spiċċa fuq l-ixkaffa jew mormi.”
‘Ma sar xejn f’Għawdex’
“Fi tliet snin, ma sar assolutament xejn ħlief tkomplew il-proġetti li kienu nbdew mill-Gvern Nazzjonalista. Ma beda l-ebda proġett ġdid. Kienu wegħduna li se jagħmlu fixed wing li se jkun konness mal-Mediterran. Illum kollox skrapjat. Il-fast ferry service, għaddew tliet snin u meta tistaqsi x’qed isir, ‘baħħ’. Anke fiċ-Ċitadella, li kien proġett tal-PN, intilfu madwar €2 miljuni fondi fejn il-Ministru kien qalilna li x-xogħol suppost tlesta f’Ġunju li għadda, u x-xogħol għadu sejjer sal-lum. Dan ifisser li dak li sar u għadu qed isir, issa jrid jitħallas mit-taxxa tal-poplu, u l-Bambin jaf kemm se jiswa għax s’issa għadhom ma jridux iweġbuna.”
Ħafna Għawdxin igergru għat-toroq tat-tielet dinja li hemm Għawdex speċjalment mix-xatt għan-Nadur u l-Qala minn fejn erba’ deputati, tlieta minnhom eksministri u ministru jgħaddu minnhom kuljum u huma fi stat tal-biki. “L-istat tat-toroq f’Għawdex hu inkwetanti. Kien inkwetanti u għadu inkwetanti. Aħna konna bdejna programm li t-toroq jibdew jinbnew mill-ġdid u mhux tagħti biċċa tarmac biex traqqa’ l-pannu bil-qara’ aħmar. It-toroq tagħna kienu nbnew meta kien hawn il-karrettuni, u forsi kien hawn 50 karrozza. Hemm bżonn li jsir ħafna aktar.”
Said qal li mhu qed isir xejn għal dawn it-toroq għax il-Gvern ivvota biss terz tal-vot finanzjarju għal Għawdex li kien jiġi vvutat qabel. “Minn vot kapitali ta’ €16-il miljun, ivvota biss €6 miljuni.” Dan allura jfisser li inutli li jipponta subgħajh lejn il-Ministru għal Għawdex la ma ngħatax flus biżżejjed biex iwettaq dak li xtaq, fejn Said dlonk weġibni, “Iva għandu tort, għax ma ġġilidx biżżejjed biex iġib fondi biżżejjed għal Għawdex. Ma kontx se nkun ministru jien li naċċetta li l-ministru tal-finanzi jnaqqasli n-nefqa kapitali b’dak il-mod. Tal-inqas jagħtini l-istess fondi tas-sena ta’ qabel u mhux inaqqasli €10 miljun.”
Chris Said ministru x’jagħmel differenti? “Il-pass li jmiss hu li jkollok amministrazzjoni reġjonali li tieħu ħsieb hi l-bżonnijiet ta’ Għawdex, u l-ministru jkun parti minn din l-amministrazzjoni. Dik hi t-triq li tagħti aktar saħħa fid-deċiżjonijiet li jolqtu lill-Għawdxin.”
Chris Said fil-poter f’Għawdex qal li m’għandux problema li l-poter ma jkunx f’idejh kollu, anzi jaħdem biex ikun hemm l-amministrazzjoni reġjonali. Ikkritika bis-sħiħ li s-saħħa u l-edukazzjoni tneħħiet minn taħt il-Ministeru ta’ Għawdex, u hu jwiegħed li taħt amministrazzjoni Nazzjonalista, dawn jerġgħu jirritornaw taħt il-ministeru għal Għawdex.
‘Ma naqblux mal-bejgħ tal-isptar ta’ Għawdex’
Iżda jekk l-isptar ta’ Għawdex jiġi privatizzat, żgur li s-saħħa ma tkunx tista’ taqa’ taħt il-ministeru għal Għawdex. “Bħala oppożizzjoni naqblu mal-bejgħ ta’ Karen Grech u St Luke’s iżda ma naqblux mal-bejgħ tal-isptar t’Għawdex. Dan hu l-uniku sptar f’Għawdex u jekk jiġi privatizzat, l-Għawdxi m’għandux għażla ħlief li jew imur Mater Dei f’Malta, inkella jmur fi sptar privat. Forsi hemm min jgħidilek li xorta mhux se tħallas, iżda taħseb li jekk ħdejk hemm persuna li qed iħallas, se jiġi trattat bħalek? Il-privat li jidħol biex jinvesti l-flus, jagħmel dan dejjem biex jaqla l-flus.”
Said qal li jinkwetah il-fatt li l-isptar kien qed jingħata facelift u diversi taqsimiet kienu qed jiġu mmodernizzati minn amministrazzjoni Nazzjonalista u tkomplew taħt l-amministrazzjoni Laburista, “iżda f’din is-sena li ħarġet li l-isptar se jinbiegħ, waqaf kollox.” Said qal ukoll li l-ħaddiema huma nkwetati għax semgħu li minn skala 12 ’l isfel, dawn se jispiċċaw. L-isptar f’Għawdex iħaddem 900 persuna u llum dawn ma jafux x’se jiġri minnhom. U dawn mhux aħna qed ngħiduh iżda anke ħaddiema Laburisti li qed jiġu jgħidulna li qed iħossuhom traduti mill-Gvern tagħhom.”
Chris Said qal li “fl-aħħar elezzjoni, iż-żgħażagħ Għawdxin ivvutaw bi ħġarhom lill-Partit Laburista għax emmnu fil-wegħda ta’ ‘Xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin’. Illum, dan il-Gvern qed joħloq biss xogħol prekarju.”
Chris Said bħala ministru x’se jagħmel biex jirnexxilu joħloq xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin. Kif jista’ jġib għalliema f’Għawdex meta m’hemmx tfal biżżejjed? Għal dan hu jwieġeb li hawn hu li jrid jagħmel il-PN, “u fuq dan qed naħdem li niltaqa’ bil-magħluq ma’ diversi persuni ġejjin minn setturi differenti. U dan qed nagħmlu bil-moħbi, għax kien hemm min deher miegħi u l-għada laqqat vendikazzjoni. Mhux faċli li toħloq xogħol f’Għawdex. F’Għawdex hawn 30,000 votant irreġistrat iżda fir-realtà, lanqas nofshom ma jgħixu hawn. Iż-żgħażagħ Għawdxin telqu minn Għawdex u marru Malta fejn anke l-postijiet ta’ divertiment f’Għawdex issibhom magħluqin kollha, anke s-sibt mal-lejl.”
“Irrid nagħti l-possibbiltà li l-Għawdxi jaħdem f’Malta u bil-possibilità li xorta jgħix f’Għawdex għax ikollu aċċessibbiltà aħjar. Il-mina hi waħda mill-fatturi possibli, iżda din baqgħalha diversi snin biex issir, għax dan il-Gvern kompla jitlef iż-żmien b’ħafna diskussjonijiet u wara tliet snin, għadu qas beda l-istudju ġeoloġiku. Għadu ma sar xejn. Irridu mod ieħor ta’ aċċessibbiltà li hu l-fast ferry. Għaliex għadu ma sarx? Iġibu skuża bil-ftehim tal-PSO jiġifieri l-ftehim bejn Transport Malta u l-Gozo Channel, iżda fejn iridu jġibu din l-iskuża. Ara l-fatt li hemm ftehim bil-PSO li l-vapur imur Sa Maison kuljum, injorawha u waqqfuh. Argument ieħor li jgħiduli hu li jekk isir il-katamaran, il-Gozo Channel jieħu daqqa finanzjarja. Allura nistaqsi lill-Gvern, ‘Meta wegħedt il-fast ferry, din ma kontx tafha? Jekk hemm bżonn li l-Gvern jissussidja lill-Gozo Channel, jissussidjahom bħalma qed nissussidjaw lir-RyanAir.”
Chris Said bħala ministru jżomm l-istess uffiċjali fiċ-ċivil, anke jekk ikunu Laburisti jew jaqdi lin-Nazzjonalisti biss? “Chris Said dejjem żamm diretturi skont il-kapaċitajiet tagħhom, u mhux skont il-kuluri, tant li taħti kien hemm diretturi li tant kienu Laburisti, li llum il-Gvern għażilhom bħala segretarji permanenti. Aħna f’Għawdex m’għandniex minn fejn naħlu. Għandna bżonn ‘the best brains possible’ u jekk int għandek għal qalbek il-ġid t’Għawdex u trid taħdem, int x’int u int min int se jkollok l-opportunità u l-ispazju biex taħdem.”