F'Intervista li l-ILLUM għamel ma' Toni Abela staqsejnieh jekk il-Panamagate tistax tkun mażżra m’għonq Muscat u tistax ittelliflu l-elezzjoni, “Il-Panamagate se jkollha effetti negattivi fuq il-Gvern. Ma naħsibx li ttellfu l-elezzjoni, peró mhux se tgħinu żgur.”
Staqsejnieh ukoll l-opinjoni personali tiegħu dwar jekk jaħsibx li l-kwistjoni Marlene Farrugia ġietx indirizzata b’mod tajjeb mill-Gvern li flok ressaqha lura lejh, spiċċa ħoloq waħda mill-akbar avversarji tiegħu. “Meta l-affarijiet jikbru,” sostna Abela, “wara kulħadd għaref. Wieħed mill-aktar elementi perikolużi f’kull politiku hu n-narċiżżiżmu, li biha, kull politiku jbati xi ftit biha, għax kollha nħobbu nidhru u nitkellmu. U kultant immorru fuq l-estrem l-ieħor u ngħidu xi affarijiet li vera jkunu minnhom, iżda li kien ikun aħjar li ma jingħadux. f’kull okkażjoni. Marlene Farrugia nammiraha għal kritika li tagħmel. Jien kont il-fundatur tal-awtokritika fil-Partit Laburista, fl-1989 meta anke bħala president ma ddejjaqtx nikkritika lill-Partit fil-beraħ, tant li anke tkeċċejt mill-Partit u jien ridt nibqa’ fil-partit. Ngħid għalija kont nippreferi li Marlene tibqa’ fil-grupp Laburista u tibqa’ tikkritika. Għax leħen ta’ kritika fi ħdan partit, ġid tagħmillu.”
Toni Abela kien parti mill-Partit taħt diversi kapijiet, “Ħdimt minn Mintoff sa Muscat. Mintoff tajjeb u ħażin, kien katalista u kellu diskorsi ideoloġiċi li kont tħosshom. Karmenu Mifsud Bonnici kien sfurzat biex jidħol fil-politika fejn inqisu aktar bħala missjunarju milli politiku. Alfred Sant bil-karattru ewroċentriku u bis-sens ta’ kritika intellettwali kien il-bniedem li bidel il-partit Laburista u għamlu aktar modern b’ċentru ġdid u midja ġdida. Filwaqt li taha eżempju ta’ kif tiggverna mingħajr ma tiddiskrimina, fejn kien jemmen ħafna fil-meritoktrazija. Tista’ ma taqbilx miegħu f’ċertu affarijiet imma kellu moħħu ċar f’dik li hi korrettezza. Bil-miġja ta’ Muscat, kien hemm trasformazzjoni oħra fejn setturi fis-soċjetà li sa ftit ilu qatt ma riedu jafu bil-partit laburista kollha b’mod jew ieħor daħlu f’koalizzjoni miegħu. Hemm uħud diġa telqu, nagħmilha ċara, iżda hemm oħrajn li se jibqgħu u dan hu pass importanti fl-iżvilupp tal-Partit Laburista, għax kieku dawn qatt ma kienu jkunu parti mill-Partit Laburista. Kull kap ta biċċa biex Malta waslet s’hawn bħalma taw il-gvernijiet Nazzjonalisti. Bid-difetti ta’ kulħadd, Malta waslet s’hawn mertu għalihom kollha. Jekk illum għandna ekonomija soda, hemm il-kontribuzzjoni wkoll tal-Gvern Nazzjonalista ta’ qabel.”
L-Intervista sħiħa ssibuha fil-ħarġa tal-ILLUM