(FILMAT) ‘Il-pirotekniku hu artist li jrid jimla l-akbar tila: is-smewwiet’
‘Fejn jidħol in-nar tal-art, ħadd ma jħabbatha magħna ħlief il-Messiku’
minn John Busuttil
It-tabib tal-familja Godfrey Farrugia, barra li hu politiku, whip u sieħeb Marlene Farrugia hu dilettant kbir tal-festi fejn iqis ruħu bħala, “mejda tal-qubbajd, ‘Iż-Żebbuġi hawn’,” għax f’ħajtu dar il-festi kollha anke dawk żgħar li jiġu ċċelebrati minn kappelli li jissejħu bħala festi filjarji.
L-istorja tal-Festa
“Il-Festa aħna naqsmuha f’żewġ kapitli. Il-festa interna u dik esterna. Il-Festa hi barrokka. L-oriġini tal-festa bdiet meta l-Knisja bdiet tiċċelebra l-festa tal-patrun li hi stess tkun iddedikata għalih, imbagħad mill-artali tal-ġnub ħarġu l-festi sekondarji. Fi żmien il-kavallieri li kienu magħrufa għall-pompa tagħhom, il-festa kibret u ngħatat aktar pompożità. Il-purċissjoni kienet tkun akkumpanjata bil-baned ċkejkna bil-fifri u t-tnabar. Bis-saħħa tal-militar Ingliż li daħal fil-bidu tas-seklu 19, il-baned bdew jikbru. Fil-fatt jien ġej minn każin li skont kif hemm dokumentat għandu l-ewwel banda f’Malta. Jiġifieri l-aktar banda antika għax baqgħet bl-istess isem mill-1851. Fl-istess waqt, il-baned daħlu f’era politika ta’ dak iż-żmien fejn hemm baned li taw l-isem lil ċerti rejiet, oħrajn lil xi qaddis partikolari u hemm min kellu konnozzjoni politika tagħhom.
“Anke l-liġi tan-nar bdiet fl-1921 u din saret wara li fl-1904 kien tar il-każin ta’ Ħal Balzan fejn kienu jaħdmu n-nar fil-każin stess u wara kien tar razzett fiż-Żejtun, u b’hekk beda jkun hemm kmamar tan-nar bil-liċenzja.”
L-armar
Godfrey Farrugia kien il-persuna li waqqaf l-għaqda tal-armar tal-festi fit-toroq u għalhekk huwa espert anke fl-armar. “L-armar hi l-libsa tal-festa. Fiż-żmien it-tletinijiet kien hemm il-kwistjoni bejn l-armar tal-festi titulari u dawk sekondarji, fejn il-festi sekondarji bdew jingħataw inqas dritta li jarmaw mhux biss fil-knisja iżda anke fit-toroq ta’ barra. Fis-sebgħinijiet, bis-saħħa tal-każini tal-festi sekondarji, bil-każin ta’ Lourdes tal-Qrendi fuq quddiem kienu pprotestaw ħafna u rnexxielhom iġibuha żewġ bl-għajnuna tad-deputat Prim Ministru Ġużè Cassar li tant kien iħobb lil dan il-każin li ħalla d-dar tiegħu stess biex issir każin.
“Fis-seklu 20, issaħħet ħafna il-banda Maltija li qed tħalli teżor kbir ta’ mużika minn surmasti Maltin li fiha hemm l-istil tagħna l-Maltin. Anke l-mużika tal-Knisja hi komposta minn Maltin li għandna biex niftaħru sew biha.”
Il-festa interna
Godfrey irrakunta wkoll kif taħdem il-festa interna li tibda mill-ħruġ tal-istatwa min-niċċa sad-dħul tiegħu lura fin-niċċa. Fl-ambitu ta’ dik il-ġimgħa hemm it-tridijiet li jwassal il-ħajja tal-qaddis biex il-fidili jimxu fuq il-passi ta’ ħajtu. Is-Sibt ikun hemm it-translazzjoni u l-Ħadd, il-purċissjoni. Il-Knisja f’din il-ġimgħa tintrama’ bl-isbaħ mod fejn toħroġ it-teżori kollha u tiżżejjen bid-damask. Minkejja dan, għad hawn fejn għall-festa sekondarja, il-Knisja ma tgħixx u tintrema bħat-titolari, “u din għandha tinbidel avolja jien ġej minn festa tat-titular.”
Hawn Godfrey semma kif Ħal Qormi inqasam b’żewġ titulari fejn qalilna li dak li hu l-każin ta’ San Bastjan, qabel kien ta’ San Ġorġ. “Dan li jagħmel sabiħ fil-festa Maltija, għaliex dejjem tevolvi u tikber.”
It-tabib Farrugia b’entużjasmu kbir beda jkellimna fuq il-festa esterna, fejn qalilna li fi żmien il-Kavallieri, il-purċissjoni kienet toħroġ bil-relikwa u mhux bl-istatwa. Qalilna wkoll li t-toroq minn fejn tgħaddi l-purċissjoni tiġi mżejna u armata bl-aqwa armar. “Fi żmien il-festa, anke d-djar fl-irħula jżejnuhom bil-fustuni, bl-istatwa tal-qaddis patrun, ibajdu d-djar għal dik il-ġimgħa tal-festa, jarmaw l-arbli fuq il-bjut mixgħulha bil-kulur tal-festa u fuq, ipoġġu l-bandiera tperper xbiha tal-qaddis nnifsu, minbarra li l-persjani li jkunu magħluqa matul is-sena kollha, jinfetħu f’dik il-ġimgħa u anke jħallu l-bieb fuq l-antiporta biex jilqa’ lill-ħbieb li jiltaqa’ magħhom matul il-festa.
“Anke l-armar hu uniku fejn tara ħafna xbihat ta’ mara rebbieħa għax Malta hi rappreżentata bħala rebbieħa fl-assedju. Issib l-Ark Trijonfali bħal fir-Rabat, Xewkija, Żurrieq, u Ħ’Attard fost l-oħrajn, li tmur lura għal żmien il-Kavallieri. Anke l-mod kif inżejnu it-toroq bi bnadar forma ta’ mrewħa ġejja minn żmien il-Kavallieri.”
Il-baned
Godfrey li kien jieħu sehem fl-għaqda Maltija tal-baned, ma setax ma jitkellimx fuq il-banda li skont hu hi maqsuma fi tnejn, fejn hemm il-programm li jagħti wirja ta’ mużika klassika u anke pop, u hemm il-marċi popolari tal-briju li hu l-estrem l-ieħor ta’ dak li jiġri fil-knisja. “Huma marċi li jferrħu r-raħal u hemm armar ieħor bħall-imrewħa, l-umbrella l-kbira anke mekkanizzata, l-isparar tal-konfetti, il-kannizzata, il-flokkijiet u l-kuluri.”
Mistoqsi dwar ix-xorb żejjed, Godfrey qal li wieħed irid jiftakar li barra l-Kunċizzjoni tal-Bormla, San Pawl tal-Belt u San Ġużepp tar-Rabat, il-festi kollha jsiru fis-sajf waqt is-sħana u dawk li jkunu qed jiċċelebraw fix-xemx jaqbadhom ħafna għatx u jixorbu l-alkoħol frisk. Fil-festi tax-xitwa jinxtorob aktar xorb alkoħoliku li jilqa’ għall-kesħa. “Wieħed irid jifhem li hi kultura Maltija li waqt xi festin jew meta tistieden in-nies id-dar l-ewwel li toffrilhom hu xi xarba alkoħolika.”
Semma wkoll il-bejgħ ta’ ikel tradizzjonali bħall-imqaret u qubbajt fejn diversi sindki llum (anke meta kien sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ hu stess fl-1994) ħadu d-deċiżjoni li dawk li jbigħu l-ikel tradizzjonali, jitħallew fil-qalba tar-raħal u dawk li jbigħu hamburgers u ġugarelli fost l-oħrajn, jitpoġġew lil hinn mill-qalba. Qal ukoll li minn meta donnu sar qbil li marċ ta’ soċjetà ma jgħaddix minn quddiem il-każin ‘avversarju’, in-nies żdiedu ferm għax qed imorru aktar familji bit-tfal u trabi għax ma jkunx hemm problemi.
In-nar
Dorna nitkellmnu fuq in-nar fejn hawn Godfrey hu espert, fejn anke kien is-segretarju tal-għaqda piroteknika Maltija. “Fejn jidħol in-nar tal-art, iġ-ġigġifogu, magħna ma jħabbatha ħadd ħlief il-Messiku. Meta niġu għan-nar tal-ajru, aħna magħrufa għall-murtali tal-logħob li huma l-murtaletti u għal kaxxa infernali tradizzjonali.
“In-nar hu sengħa u xjenza. Il-pirotekniku mhux biss dilettant tan-nar iżda hu artist fejn it-tila tiegħu hi s-sema. Min għandu l-liċenzja ‘A’, jagħmel eżami ta’ 3 sigħat, kors ta’ lezzjonijiet diffiċli fejn tidħol is-saħħa, is-sigurtà u l-kimika. Għandek kors ta’ aġġornament kull tant snin u eżami kull tant snin ukoll. Illum, f’kamra tan-nar issib ħafna nies ta’ skola. Il-pirotekniku jkun moħħu li kollox joħroġlu tajjeb, irid jieħu ħsieb ir-riħ, l-umdità eċċ, u jrid jara kif se jimla l-akbar tila ta’ artist, is-smewwiet. Għalhekk, illum tara li jtellgħu n-nar minn 8 postijiet f’daqqa permezz tal-kompjuter li hu sinkronizzat. Fejn ġieli jagħmluh sinkronizzat mal-mużika, ilma u anke ‘live’ mal-banda.”
Iżda barra l-ġmiel, in-nar fih il-periklu tiegħu. “In-nar hu splussiv u kimika. Il-kmamar tan-nar għandhom tliet tipi ta’ ħażna ta’ kimika li ma tistax tagħmilhom ħdejn xulxin. Hemm kamra fejn qed iħallat u hemm il-kamra fejn tinkarta l-murtal. Illum ħadd ma jaħdem mingħajr ma jkollu quddiemu 5 kilos għax dik hi r-regola u kulħadd josserva r-regoli anke skont il-klima tal-post.”
Jekk kulħadd jieħu ħsieb ir-regoli għaliex iseħħu l-inċidenti? “Isiru meta jkun hemm xi ħadd li jaħseb li l-kamra tan-nar hi laboratorju fejn wieħed jista’ jesperimenta. Ma jfissirx li ma jsirux provi, iżda dawn isiru b’ħarqiet żgħar matul is-sena biex jaraw l-esperimenti tagħhom kif se joħorġu għall-festa, iżda dawn isiru bil-permessi meħtieġa.
“Iżda l-inċidenti naqsu, għax illum ma jmur ħadd fil-kmamar tan-nar bla liċenzja. Għandek l-‘A’ fejn wieħed jista’ jimanifattura, il-‘B’ fejn wieħed jista’ jassisti, iċ-‘C’ li wieħed jista’ jaħraq anke ġ-ġigġifogu u d-‘D’ biex jitgħallem mill-esperjenza prattika. Illum lanqas biex tagħmel kafè ma tista’ tidħol fil-kamra. Min għandu l-‘A’ hu l-mainġer u d-direttur tal-kamra u hu responsabbli għal li jista’ jinqala’ fejn anke l-assi tiegħu huma miżmuma mill-banek, fejn lanqas jissellef ma jkun jista’ għaliex l-assi tiegħu ikunu marbuta. Dawn jagħmlu sagrifiċċji kbar fil-ħajja tagħhom.”
Hawn Godfrey Farrugia tefa’ xi ftit tat-tort ukoll lil-leġislatura ta’ qabel fejn kienu waqqfu li joħorġu l-permessi, “mhux biss biex jinbnew kmamar tan-nar iżda anke biex il-kamra titkabbar għad-dimensjoni mixtieqa. Aħna kellna madwar 34 kamra tan-nar li naqsu minħabba xi splużjonijiet u ma ħarġux aktar liċenzji, imma l-festi baqgħu l-istess u n-nar kiber u ċerti kmamar tan-nar refgħu l-piż ta’ festi oħrajn minbarra tagħhom. Imma dawn ma setgħux ilaħħqu. Issa li reġgħu fetħu u saru xi estensjonijiet, huma xxamplati aktar fix-xogħol tagħhom.”
Farrugia qal ukoll li wasal iż-żmien li l-bini tal-kmamar ma jinbnewx iżjed bil-ġebla Maltija iżda b’materjal apposta li jekk ikun hemm xi inċident, ma jħallix debris tal-konkos itir, li meta jaqa’ wara l-isplużjoni jista’ jkun anke fatali. Ikun materjal li jiflaħ iżda ‘collapsible’. Interessanti wkoll il-fatt fejn it-tabib Farrugia qalilna li n-nar hu l-messaġġier tal-festa li jagħmel il-festa tagħna differenti minn dawk ta’ Sqallija. “Hemm l-anġelus filgħodu, it-talba ta’ nofsinhar, il-ħarqa tat-tridu, translazzjoni u l-purċissjoni dejjem skont il-funzjoni tal-Knisja. Il-bomba naqsu, fejn qabel kienu jisparaw salut ta’ 21 bomba, illum jisparaw xi 5. Anke waqt il-purċissjoni hemm siegħa waqfien min-nar minħabba n-nies. Anke l-bomba hi messaġġ li qed turi li fil-lokal tagħna hemm il-festa, li bdiet il-funzjoni u li beda l-marċ.”
Godfrey jxebbaħ il-kaxxa infernali ma’ kompożizzjoni tal-mużika, li tibda bil-qawwa tal-bomba li qed tagħti l-messaġġ li l-kaxxa se tibda, fin-nofs hemm għażla ta’ kulur u murtaletti u fl-aħħar hemm ċertu murtali tal-kulur jew beraq li tagħlaq dik il-kompożizzjoni. “Min hu tal-mestjier jinduna ta’ min hi l-ħarqa. Naf persuna minn Ħad-Dingli li ma jarax u meta titfgħalu ħarqa bil-ħoss fuq televiżjoni jgħidlek ta’ min hi, bħalma persuna li jifhem fil-mużika jagħraf il-kompożitur.”
Godfrey qalilna wkoll li ma jaqbilx li hawn min jgħid li l-festa hi pagana u ma żżidx l-ispiritwalità. “L-ispiritwalità hi r-relazzjoni tiegħek mal-Ħallieq. Il-festa qiegħda hemmhekk biex toħloq id-devozzjoni iżda mhux l-ispiritwalità.”
Fehemna wkoll dwar il-kuluri li jintużaw fil-festi, fejn l-aħmar jintuża għall-festa titulari, il-blu għal dik sekondarja u l-aħdar meta jkun hemm żewġ każini u żewġ festi titulari, allura wieħed ikollu l-kulur aħdar u l-ieħor aħmar. “Issa ta’ San Filep ta’ Ħaż-Żebbuġ, minkejja li hi t-titulari, il-kulur hu aħdar għax il-motto ta’ Ħaż-Żebbuġ hu ‘semper vivens’: dejjem iħaddar.”