Minn kaċċatur għal difensur tal-għasfur
“Għawdex m’għadux jiġbed lejh lill-Għawdxin daqs kemm jiġbed lill-Maltin”
minn John Busuttil
Joe hu persuna li meta titkellem miegħu ma tibdiex u tieqaf biss fuq l-għasafar anke jekk dawn huma l-mimmi t’għajnejh, iżda għandu opinjoni fuq kollox, u għalhekk ippruvajt indur dawra mad-dinja tiegħu.
“Jien kont nassab u kaċċatur, għax jien trabbejt 70 sena ilu niġri ma’ missieri fil-ġmiel naturali tax-Xagħra. Ifhimni ma nqisx ruħi bħala ambjentalist, iżda l-idea tiegħi dwar l-iżvilupp hu li għandu jsir fejn suppost isir u jirrispetta l-madwar. Ħafna mill-ambjentalisti jaħsbuha bħali, iżda hemm min hu estremist wisq u hu kontra kull żvilupp,” kompla jgħid Sultana.
Staqsejtu kif inbidel minn wieħed li joqtol u jaqbad l-għasafar għal wieħed li flimkien ma’ Joe Attard Tabone bnew is-sisien ta’ assoċjazzjoni favur il-ħajja tal-għasfur u kontra l-kaċċatur. “L-ewwel bdejt bħala nassab ma’ missieri, imbagħad kont kaċċatur għax ħaddieħor kien kaċċatur, iżda minn dejjem kont inħoss l-għafsa ta’ qalb meta nara għasfur mejjet. U meta fl-1961 bdiet is-soċjetà ornitoloġika (MOS), dħalt membru fl-ewwel sena meta kont għadni nassab u kaċċatur iżda waqaft minn hemm.”
“Fl-1965 ġew mill-Ingilterra nies mill-aqwa Istituti li jistudjaw l-għasafar u ħarrġuni għar-‘ringing’ tal-għasafar, ġabuli anke l-liċenzja u ħallewna nużaw iċ-ċrieket tagħhom, li sa dakinhar qatt ma kienu ħallew dawn iċ-ċrieket joħorġu minn pajjiżhom.” X’ħin jibda jitkellem fuq l-għasafar jibda jsemmi kull tip ta’ għasfur u anke kif jagħrafhom mill-għajta tagħhom u anke mill-ġewnaħ tagħhom. Qalli wkoll li miċ-ċurkett wieħed ikun jaf eżatt l-istorja tal-għasfur, minn fejn ġie, fejn mar u kemm dam fil-gżira tiegħek u kemm ilu jtir. “Ġieli qbadt għasafar ġejjin mir-Repubblika Ċeka. Pereżempju sibna li ċ-ċiev tagħna jmur jiekol mill-kosta tal-Libja u li ċ-ċiev kollu joħroġ mill-Mediterran.”
Joe spjega li ċ-ċiev joħroġ biss mal-lejl filwaqt li l-gawwi normalment ikun idur mal-kosta matul il-ġurnata. “Dawn huma għasafar makakki ħafna. Huma jindunaw li hemm pajjiż li għal snin twal dejjem wettaq kontra l-għasafar, u anke fil-passa jevitaw lil Malta. Kont it-Tajlandja u billi dawn Buddisti lill-għasafar iħalluhom fil-libertà, wieħed jista’ jilmaħ kull tip ta’ għasfur fl-għelieqi tar-ross. Kont se naqsam il-fruntiera mit-Tajlandja għall-Kambodja u kif qsamna l-fruntiera, l-għasafar kollha għosfru. Nagħmlu tliet sigħat insuqu u ma tarax għasfur wieħed. Meta stqsejna għalfejn, qalulna li l-għasafar ftit jew xejn jersqu ’l hemm għax il-poplu tal-Kambodja jikkaċċjahom biex jikolhom għax hu poplu fqir.
Fil-fatt qal kif wara li saret ftit protezzjoni fl-Għadira, beda jbejjet is-Simar u anke xi tipi oħra ta’ għasafar. “Din hi prova li l-għasfur ma jersaqx fejn jiġi maqtul.”
‘L-illegalitajiet naqsu, imma ma nistgħux inċedu pulzier’
Sultana qal ukoll li maż-żmien, il-liġijiet inbidlu u bis-saħħa ta’ edukazzjoni fit-tfal u anke l-ġlidiet li l-BirdLife għamlet favur l-għasafar, sar progress kbir. “L-illegalitajiet naqsu, però ma nistgħux inċedu pulzier. L-illegalitajiet xorta għadhom isiru sew fil-kaċċa kif ukoll fl-insib. L-illegalità tal-kaċċa hi aktar kiefra għax issir fuq it-tajr protett biex jibbalzmawhom għall-kollezzjoni b’pika wieħed mal-ieħor min għandu l-iżjed għasafar ibbalzmati.
“Qatt ma niżlitli li l-kaċċa hawn Malta ssir għall-ikel. Tista’ tgħidli x’ikla fiha din in-naqra ta’ gamiema? Il-kaċċa ssir għall-gost li tkun kapaċi timmira, tispara u toqtol. Nammetti li hawn kaċċaturi edukati u li jobdu l-liġi iżda huma l-ftit imqabblin mal-ħafna. Li ma kienx hawn il-liġijiet ħorox tgħidx kif imur lura l-pajjiż jerġa’.”
Mistoqsi jekk qattx ġie mhedded, Sultana qal li qatt ħlief darba f’Malta meta ġera wara wieħed li kien daħal l-Għadira u kien dar jippuntalu s-senter u heddu li jisparalu. Ħallieh jitlaq, sab il-karozza tiegħu, irrapurtah u ġie arrestat. Kien talbu biex jaħfirlu, u “talli heddidni waqqajt l-akkużi kollha, iżda ma ħfirtlux li daħal l-Għadira. Fejn jidħol l-għasfur m’hemm kompromessi.”
‘Irid jinstab mod iktar uman ta’ kif jitnaqqas il-ħamiem’
Tlabtu l-opinjoni tiegħu dwar it-‘trend’ ġdida li nikru kaċċaturi jew nies bis-senter biex joqogħdu jisparaw fuq il-ħamiem ħa jnaqqsu mill-popolazzjoni tiegħu. “Li jsir fil-pubbliku hu ħażin dejjem għax qed tagħti messaġġ ħażin. Li tipprova ssib mezz li tnaqqas il-popolazzjoni ta’ għasfur forsi nasal biex naqbel, iżda b’mod aktar uman. Imma ngħid jien kemm qed jagħmel ħsara dal-ħamiem? Hawn Malta li jdejjaqni hu li jew nejja jew maħruqa. Għandna nsibu t-triq tan-nofs.”
Iktar faċli tgħid liem pajjiżi ma marx milli fejn mar
Waqafna nitkellmu ftit fuq l-għasafar u tlabtu jgħidli naqra fuq l-esperjenzi tiegħu fis-safar fejn l-aktar mistoqsija faċli kienet mhux fejn mar iżda fejn ma marx. “Ir-Russja u ċ-Ċina huma postijiet li qatt ma kelli ġibda li mmur. Tgħidlix għalfejn għax ma nafx inwieġbek iżda l-Indja u t-Tajlandja mort kemm-il darba. L-Ilvant imbiegħed dortu kollu, Sri Lanka, Vjetnam, ta’ fuq u ta’ isfel. L-Ewropa dortha wkoll ħafna. L-Afrika ta’ fuq dortha sew bil-Libja inkluża u żort l-Afrika t’isfel u anke l-Ghana. Mort ukoll l-Amerka t’Isfel, u pajjiżi bħall-Brażil, Arġentina u Costa Rica li huma pajjiżi tal-ġenn. Joe qal kif is-safar barra jużah kemm biex jara l-għasafar, u anke biex niltaqa’ ma’ popli u kulturi differenti u nsir naf kif jgħixu.
“Ara x-xjuħija ma dddejaqnix. Niddejjaq biss li m’għadnix żagħżugħ għax baqa’ xi postijiet fid-dinja li nixtieq inżur.” Joe qal li hu kien fortunat għax meta kien mal-Gvern, kien jagħmel parti mill-ambjent u jirrapreżenta lil Malta fil-Kunsill tal-Ewropa. Xogħol li ħadu f’madwar 40 pajjiż biex jagħmel ‘appraisal reports’. Semmieli xi gżejjer li kważi ħadd ma sema bihom u hemmhekk ra ġenna ta’ għasafar ibejtu. Pajjiż jew aħjar poplu li affaxinah hu dak Ġappuniż, fiż-żona ta’ Hokkaido fejn hemmhekk ra poplu sħiħ jaħdem volontarjament mal-gvern biex konferenza internazzjonali tirnexxi. “Il-Ġappun tal-ġenn u hemm nies li bħalhom m’hawnx fid-dinja”.
Il-BirdLife mhix daqstant popolari f’Għawdex
Iżda Joe ma jdumx kwarta jitkellem fuq suġġett li ma jerġax idur fuq l-għasafar fejn qalli li f’Malta mill-2,000 membru hawn l-aktar membri żgħażagħ fil-Birdlife, iżda dispjaċut li fil-gżira fejn inħolqot din l-assoċjazzjoni, jiġifieri Għawdex hemm l-inqas membri. “Għax Għawdex hemm kultura li ma jkunux membru fl-ebda klabb jew assoċjazzjoni. Lanqas membri fi klabbs tal-banda ma ssib min irid jidħol. Hawn kultura li ma jidħlux membri. Anke politikament, ma jintrabtux wisq bil-miftuħ ma’ xi karru jew ieħor, inkella jgħidulek lil min ivvutaw. Il-vot hu sigriet u ħadd ma jgħidlek lil min ivvota. Dik hi l-kultura tagħna l-Għawdxin. Jien stess ma ngħidx lil min nivvota iżda ngħid biss li m’hemmx ċans li nivvota jew xi darba vvutajt lil min hu favur il-kaċċa u l-insib,” kompla jgħid Joe Sultana.
‘Minn 100 politiku, żgur issib 10 briganti minnhom’
U la qbadna fuq il-politika staqsejtu x’inhi l-opinjoni tiegħu dwar il-politika “Infakkrek biss li Kristu għażel l-appostli hu u minn 12 li għażel kien hemm wieħed li ttradih. Minn 100 politiku żgur li se ssib 10 briganti minnhom. Iżda hemm ħafna politiċi li għamlu u jagħmlu ġid lill-poplu Malti u Għawdxi.”
Bis-safar tiegħu, Joe iltaqa’ ma’ diversi reliġjonijiet, allura tlabtu kif jħares lejn ir-reliġjon, “Ara l-fanatiżmu, tkun xi tkun ir-reliġjon hu ħażin. Trabbejt Kattoliku fejn missieri kien jeħodni l-Knisja kuljum u l-Ħadd irrid nisma’ lill-arċipriet idawwar tliet sentenzi bil-Latin għal priedka sħiħa li tieħu siegħa. Nemmen li trid tirispetta kull reliġjon u naħseb li l-problema li hawn bħalissa hu li mhux kull reliġjon għandha kap li jmexxiha bħalma r-reliġjon Kattolika għandha lil dan il-Papa li hu sempliċiment tal-ġenn.”
‘L-Għawdxin meqjusin bħala ċittadini tat-tieni klassi’
Għalaqna l-argument tagħna dwar jaħsibx li l-kultura Għawdxija hix differenti minn dik Maltija, “Il-kultura Għawdxija hi bħal dik ta’ ċertu rħula żgħar f’Malta. Aħna Għawdex dejjem konna magħduda bħala ċittadini tat-tieni klassi u għadna meqjusa hekk sal-lum minn ħafna. Anke meta kont ngħallem f’Malta kont inħossha ħafna din.
“Idejjaqni dan il-fatt kif iħarsu lejna l-Maltin, li jaħsbuna injoranti. Li ma tkunx taf skola ma jfissirx li int injorant. L-injorant hu dak li ma jindunax li ma jaf xejn u jagħmilha tal-bravu. Missieri ma kienx edukat iżda ma kienx injorant, għax kien jaf li ma jafx. Kien prudenti, kien joqgħod lura għax kien jaf li ma jafx. Ħares lejn Facebook, u tara nies li ma jafu xejn u jagħmluha ta’ opinjonisti u politiċi, ta’ mħallfin u ġurati,” kompla jgħid Sultana. “Nibqa’ nirispetta lil missieri li ma kienx jaf skola u għalhekk riedni bilfors nitgħallem l-iskola għax hu kien jaf kemm bata aktar minn żewġ ħutu li kienu għalliema. Jien kien moħħni biex niġri wara l-friefet u ħsiebni fin-natura iżda llum nirringrazzjah li baqa’ jsostni li nsir għalliem.
Ħaġa oħra li ma nistax għaliha hi li tkun Malta u jgħidulek ‘lanqas tidher li int Għawdxi’, bħal speċi qed jgħaddulek kumpliment meta jien kburi li jien Għawdxi.”
Joe Sultana qal ukoll li kultant hu l-Għawdxi stess li jġib fuqu dan kollu għax għad hemm min għandu kumpless ta’ inferjorità meta jqabbel lilu nnifsu mal-Malti. Staqsejtu jekk l-Għawdxi ma jitkellimx bid-djalett tiegħu mal-Malti għax jistħi, u jsostni li mhux il-każ, hu hi naturali li l-Għawdxi ma jitkellimx bid-djalett meta jkun qed jitkellem ma’ Malti.
“Lill-Għawdxi nikkritikah għax ma jagħmilx l-affarijiet sew u għalih kollox jgħaddi u jagħmel kollox nofs kedda. Darba kienu kkritikawni għax jien kont għidt li rrid nara lil Għawdex presepju, u qaluli li huma ma jridux jkunu pasturi. Qas jien ma rrid inkun pastur imma Għawdex irridu jkun presepju bla pasturi għax hekk joħroġ il-ġmiel tiegħu.”
Mina jew pont?
Meta staqsejtu jekk jaqbilx mal-mina jew pont qalli li hu jisimpatizza ma’ min irid jaqsam kuljum għax-xogħol, “iżda irridu naċċettaw ir-realtà tagħna. Nemmen li hemm bżonn ikollna vapuri tajbin li jwasslu t-trakkijiet tagħna il-Belt u anke lill-ħaddiema tagħna. Issa jekk ikollna l-mina x’se nagħmlu għat-traffiku qawwi li jimla Għawdex? U l-Maltin b’Għawdex traffikuż se jiġu? M’iniex kontra kommunikazzjoni tajba biex l-Għawdxin ma jbatux. Joe qal li l-Gvern irid jaħseb fix-xjuħija f’Għawdex għax il-ġenerazzjoni Għawdxija qed tixjieħ, “iż-żgħażagħ tagħna qed jitilqu lejn Malta. Qed jibnu l-familji tagħhom f’Malta għax il-komunikazzjoni bejn il-gżejjer mhix tajba biżżejjed.”
“Għawdex m’għadux jiġbed lill-Għawdxin daqs kemm qed jiġbed lill-Maltin lejh,” sentenza ta’ min jixtarra li biha Joe temm l-intervista.