‘Qatt ma rajt TV Malti u spiċċajt naħdem fih’
Filmat | L-ILLUM tintervista lill-Justin Farrugia, wieħed mill-imħuħ wara s-serje televiżiva poplari 'Strada Stretta'
minn Albert Gauci Cunningham
L-isem Strada Stretta jġib miegħu bosta immaġini ta’ nisa, prostituzzjoni, postijiet tax-xorb, żina u l-aktar xenarji diġenerattivi, għalkemm ikkuluriti wkoll. Sa ftit żmien ilu Strada Stretta ma kienet xejn għajr ċimiterju li jfakkar ħajja passata, li għaddiet, mietet u ndifnet hekk kif il-Belt Valletta ma baqgħetx iċ-ċentru ta’ kollox f’Malta u l-popolazzjoni nfirxet lejn iċ-ċentru tal-gżira.
Illum iżda, Strada Stretta saret il-preżent. M’għadhiex kantuniera moħbija, iżda reġgħet qed tixref u tqajjem l-interess tal-Malti li forsi jixtieq jerġa’ jduq xi ftit minn dak li kien il-passat, anke jekk il-passat fi Strada Stretta mhux dejjem kien sabiħ, ikkulurit u romantiku. Iżda xejn ma vviżwalizza aħjar lil din it-triq u numru ta’ karattri tipiċi li setgħu għaddew, għexu, qalgħu ħobżhom jew qattgħu xi lejl tbagħrid hemm, mis-serje televiżiva bil-Malti, li f’Ottubbru se tkun qed tidħol fit-tieni staġun tagħha.
L-ILLUM tintervista wieħed mill-imħuħ ta’ ‘Strada Stretta’, Justin Farrugia li qiegħed imexxi din il-produzzjoni flimkien ma’ Steve Dalli u grazzi għall-kitba tal-iskritt u l-kreazzjoni tal-kunċett ta’ Audrey Brincat Dalli. Fil-lista ta’ suċċessi tiegħu Farrugia għandu wkoll ‘Giselle’ u l-popolari ‘Evanġelisti’.
Strada Stretta ħareġ mill-kċejjen u mar fit-toroq
Niltaqgħu ma’ Farrugia fuq is-sett, f’parti minn dar antikissima fil-Belt Valletta, li qed isservi bħala l-bar ta’ Polly. Post li fih kull nhar ta’ Tnejn tant nies jaraw imħabba, kant, żfin, għira, ġlied u anke xi xkupa ttir lejn ras xi baħri li jkun fettillu jmiss lil waħda mit-tfajliet.
‘Għaliex is-suċċess ta’ Strada Stretta?’ Tibda tistaqsi l-ILLUM. Farrugia jisħaq li s-suċċess huwa, fir-realtà, grazzi għal bosta fatturi, fosthom l-atturi u anke l-fatt illi s-serje televiżiva qed teħodhom lura għal Malta, għal Strada Stretta tal-ħamsinijiet. L-appuntament ta’ kull nhar ta’ Tnejn qed jittanta jagħti stampa, anke jekk mhux neċessarjament dejjem assolutament preċiża, tal-ħajja mhux biss fil-kċejjen u fil-kmamar tas-sodod, iżda lil hinn ukoll. Qed tieħu lit-telespettatur fi vjaġġ lura fiż-żmien, fejn kollox, jispjega Farrugia, huwa magħmul b’dettall u rispett lejn dak li kien fil-passat.
“Huwa taħlita b’nukleu ta’ nies li qed jagħtu t-300% tagħhom. Kulħadd qed jagħti l-almu biex dan il-prodott ikun suċċess. Tinsiex li d-dramm Malti jrid jadatta għal udjenza Maltija li mhux daqstant faċli. Imma r-riżultati jitkellmu waħedhom. Strada Stretta huwa frott il-ħidma ta’ kulħadd.”
Il-Bar ta’ Polly: Il-post fejn tinsa’ l-għawġ li hemm barra
Ikolli nametti li malli dħalt fis-sett tal-bar, ħassejtni dħalt fl-iskrin li fuqu nsegwi dan is-serje. Fliexken tal-luminata żgħar, inkwatri żgħar bir-riklami ta’ xarbiet ta’ dawk is-snin, mhux wisq wara t-tieni gwerra dinjija, u bar żgħir fil-kantuniera minn fejn drajna naraw lil Polly. Nistaqsi lil Farrugia dwar il-post fejn konna qegħdin nagħmlu l-intervista.
“Dan il-post ma qbadniex u vvintanjieh, ħarisna u ġibna lil min kien iktar milli lest li jgħina niddiżinjaw bar matul dawk is-snin. Ikun hemm min jaħseb li dak iż-żmien post tax-xorb kien wieħed b’dehra monotona. Fil-fatt,” ikompli Farrugia, “fi Strada Stretta l-barijiet kienu kollha kulur, kienu magħmulin apposta biex inessu d-dwejjaq jew l-għawġ li seta’ kien għaddej barra u minflok jferrħu bil-kulur, il-kant u t-tbissima ta’ xi tfajla ħelwa.”
La l-intervista kienet qed issir fil-bar ta’ Polly ma stajniex ma nistaqsux kif dan il-karattru, interpretat mill-attriċi Pauline Fenech, huwa importanti għal dan is-serje. “L-atturi ta’ Strada Stretta għandhom ħafna aspetti differenti u fis-serje t-telespettatur jista’ jgwadi l-angoli differenti ta’ kull karattru, inkluż ta’ Polly li f’dan il-bar tkun qed tidderieġi, fuq quddiem, tikkmanda, imma mbagħad fil-kwiet ta’ darha tinġabar għaliha nnifisha u taħseb fil-problemi u n-nuqqas f’ħajjitha.”
Id-dettall huwa parti mis-sigriet
Fuq is-sett tas-serje l-ILLUM setgħet tinnota kif l-attenzjoni għad-dettall hija parti integrali mill-formazzjoni sħiħa tal-kunċett. Innotajna ashtrays mimlija b’sigarri antiki, ġiet f’idejna wkoll gazzetta bil-Malti li tmur lura għall-1972, dokumenti antiki, kotba u saħansitra prodotti tal-ikel jew dawk li jiżdiedu ma’ xi soppa biex jagtħuha togħma aħjar.
Fi Strada Stretta l-barijiet kienu kollha kulur, kienu magħmulin apposta. Biex inessu d-dwejjaq jew l-għawġ
‘Tħoss illi d-dettall, għal ħafna snin, ingħata ġenb minn dawk li kienu qed jipproduċu drammi Maltin?’, tistaqsi l-ILLUM lill-Farrugia. “Iva l-attenzjoni għad-dettall kienet nieqsa għal ħafna snin. Trid ħafna ħin għad-dettall, ifhem. Trid tiġri, tiskopri, issir taf bosta dettalji li ftit kienu jafu bihom.”
Imma t-telespettaturi Maltin jimpurtahom illi l-prodott televiżiv li qed jintwera quddiemhom jinkludi l-perfezzjoni tad-dettall? “Jekk id-dettall se ttih lin-nies, dawn se jfittxuh. Aħna għażilna li nagħtu valur, għalhekk tajna d-dettall, kemm tad-dinja ta’ barra kif ukoll tad-dar. Qbadna dawn id-dettalji u poġġejnihom quddiem it-telespettatur fis-salott tiegħu.”
Kont naħlef li ma narax TV Malti u spiċċajt naħdem fih’
L-ILLUM ħadet lil Farrugia lura ftit taż-żmien. Semmejna produzzjonijiet ferm popolari, li kienu ntwrerew madwar 25 sena ilu: ‘Ipokriti’, l-ewwel soap opera bil-Malti, ‘Triq Waħda’ b’elenku ta’ wħud mill-aqwa atturi Maltin, ‘Għaddi l-Bieb Miftuħ’, ‘Baħar Wieħed’, il-verżjoni ġdida tal-‘Madonna taċ-Ċoqqa’...imma Farrugia laqagħna b’risposta pjuttost soprendenti.
“Għalija naqra diffiċli ngħaddi aprezzament ta’ dawn il-produzzjonijiet għax qatt ma kont nara TV bil-Malti. Anzi, kont naħlef li ma narax TV Malti biex issa spiċċajt naħdem fih. Ma kont nara xejn ħlief films barranin, cartoons u komiks. Imbagħad kont nara l-istampa tal-produzzjonijiet lokali u nara lr-reċtar fqir li konna qed noffru. Ma kontx ittina tort, ż-żgħażagħ ta’ dak iż-żmien, li nħarsu b’mod mhux daqstant pożittiv lejn produzzjonijiet Maltin.”
Huwa jammetti iżda li ftit li xejn qatt seta’ jobsor kemm il-produzzjoni ta’ drammi setgħu jfissru xogħol.
‘Lanqas il-bażiku ma kellna’
‘Imma mhux qed tara kbir? Qed tirraġuna daqslikieku kollox beda tajjeb malli dħalt int fix-xena,’ tirrimarka din il-gazzetta. Imma Farrugia jiċħad bil-qawwa. “Le mhux qed nara kbir. Jien qatt ma dħalt għad-drama għax nara kbir. Imma kienet tweġġagħni li nara produzzjonijiet fejn lanqas shot tajjeb ma kien jittieħed. Nixgħelu erba’ bozoz u l-atturi jirreċtaw. Din qatt ma kienet is-sitwazzjoni barra minn pajjiżna u ma nafx għaliex aħna aċċettajnieha hawnhekk.”
Huwa jkompli jgħid illi għal żmien twil l-aġenda tad-drammi lokali kienet iddettata minn negozji kbar, mentri llum huwa ċar li anke l-istudenti li ħerġin mill-Università qed jipproduċu filmati ta’ kwalità tajba. “Qabel, anke l-bażiku imma kien nieqes. Jekk int irrealizzajt xi ħaġa jew trid tikxef aktar emozzjoni partikolari, bi close up trid tagħmilha. Dawn l-affarijiet ikun fihom raġuni u ħsieb warajhom, ma taqbadx u tagħmel shot.”
Nistaqsuh imma, jekk jaħsibx li l-Maltin japprezzaw din il-professjonalità li jaħdmu biha hu u diversi produtturi oħrajn, fosthom ta’ ‘Iċ-Ċaqqufa’ u ‘Katrina’ u diversi oħrajn fuq stazzjonijiet differenti, jew jekk hux qed naċċettaw il-medjokrità bħala stat ta’ fatt. “Meta nara s-sondaġġi u nqabbel ir-riżultati li Strada Stretta qed tikseb inqawwi qalbi,” jgħid Farrugia.
Fil-fatt, skont stħarriġ li sar mill-Awtorità tax-Xandir f’April ta’ din is-sena, jirriżulta li d-drama li jipproduċi, jidderieġi u jeditja Farrugia hija segwita saħansitra aktar mill-bulettin tal-Aħbarijiet tax-Xandir Nazzjonali. Minn dawk li pparteċipaw 14.2% qalu li l-aktar programm li jogħġobhom huwa Strada Stretta, warajh jiġi ‘Iċ-Ċaqqufa’ b' 13.7% u mbagħad ‘Katrina’ b'12.1%.
Sensittivi żżejjed?
Realtà li hija ċara għal kull min isegwi t-televiżjoni lokali huwa l-fatt illi t-telespettatur Malti ma tantx għandu wisq għażla jekk irid ipoġġi fuq is-sufan wara ġurnata xogħol u jidħaq, daħqa tajba ħlief illi jsegwi produzzjonijiet barranin.
Apparti l-produzzjoni ‘Deċeduti’ u xi produzzjonijiet televiżivi li tellgħu Daniel Chircop u Chrysander Aguis, u ‘Klassi Għalina’ riċentement, ftit li xejn kien hemm attentati serji ta’ kummiedja tajba f’dawn l-aħħar snin fuq it-TV Malti.
Għalxiex? B’ton apoloġetiku Farrugia jfakkar illi “huwa aktar faċli li tbikki milli ddaħħaq. Il-kitba tal-iskritt trid ħafna iktar xogħol. Barra minn hekk, meta tikteb script tad-daħq irid ikollok punchline (botta jew risposta li ddaħħaq) kull ftit sekondi.” Nirrimarkalu kif ġieli rajt kummiedja fuq it-TV Malti, dan is-sajf stess, li lanqas idaħħqek darba f’episodju sħiħ. Fejn qed immorru ħażin?
“Trid tkun rilevanti jekk trid tolqot il-gosti tan-nies. Trid titkellem u titratta realtajiet li huma rilevanti għat-telespettaturi tal-lum.”
Nistaqsih ukoll jekk hux posibbli li dak li nsibu tad-daħk fil-privatezza ta’ bejnietna jdejjaqniex fuq it-TV. Farrugia ma jaħsibx li dan huwa l-każ. “Meta tkun taf xħin u kif għandek titfa’ l-botta, din tkun apprezzata u le ma naħsibx li hemm xi problema relatata ma’ sensittività żejda fuq kwistjonijiet politiċi jew soċjali.”
“Jidher, minn dak li jien infurmat, illi wara tliet snin ta’ drama pjuttost intensiva se nkunu qed naraw produzzjonijiet komiċi lura fuq it-TV Malti.”
Il-fattur ‘Xarabank’
Ħobbu jew obgħodu Xarabank ilu għaddej snin twal u dejjem attira lejh udjenzi kbar li ġieli laħqu jew qabżu l-100,000 telespettatur. X’jagħmel programm bħal Xarabank, anke jekk hemm min iqisu bħala ‘imbarazz’ jew ‘farsa’ jew anke ‘ħamallata’, biex jibqa’ poplari sena wara sena, staġun wara staġun?
Xarabank u l-istess Strada Stretta jgħaqqdu nies differenti, minn sfond differenti u ta’ etajiet differenti
“Xarabank kien u għadu suċċess għax uża l-istess formula li użajna aħna wkoll. Kif ġara b’Strada Stretta u anke d-dramm ‘Giselle’, li ppruvaw jolqtu kemm jista’ jkun udjenza differenti. Xarabank u l-istess Strada Stretta jgħaqqdu nies differenti, minn sfond differenti u ta’ etajiet differenti għax kapaċi jdaħħqek, jisserjak u jbikkik, fi programm wieħed.”
Jekk mhux popolari, mhux tajjeb. Jew le?
Mal-ILLUM Peppi Azzopardi kien saħaq illi programm ma jistax ikun tajjeb jekk ma jkunx popolari. Jaqbel ma’ dan Farrugia? Jaqbel illi hija l-udjenza u d-daqs tagħha li tagħmel programm tajjeb? “Tagħmlu aktar popolari, mhux neċessarjament aktar tajjeb. Issa skont kif qed tħares lejh, jekk hux qed tħares mil-lenti ta’ negozju jew le.”
“Jekk, meta tagħsar issib li programm għandu kontenut tajjeb, issib ġenwinità, verità, issib it-tema soċjali, mela allura iva jien ngħid li din tkun produzzjoni tajba.”
It-TV: Jeduka jew divertita b’xejn?
Kelli bilfors nistaqsi lil Farrugia l-mistoqsija l-aktar diskussa dwar it-TV. X’inhu l-iskop tat-TV, li jeduka jew li jservi ta’ divertiment? “Inħoss li l-qasam ta’ dokumentarji qed jikber fuq it-TV Malti u nemmen li hemm bżonn jikber aktar, issa jekk hux qed jasal b’mod tajjeb jew le l-programm hija kwistjoni oħra.”
Nistqasih dwar id-dokumentarju li jitratta l-istorja ta’ Malta u li qed itella’ Salvu Mallia u mill-ewwel jiddeskivih bħala “programm tajjeb ħafna li, rrispettivament mill-opinjoni u kif jistgħu jħarsu lejh in-nies, joffri pakkett sħiħ, lit-telespettatur. Allura, biex nerġa’ mmur lura għall-argument tal-poplarità, il-programm ta’ Salvu Mallia qatt ma laħaq il-quċċati fl-istħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir. Dan ifisser li mhux programm tajjeb, allura?”
Justin jaħseb, li minkejja l-progress kollu li sar fil-qasam tax-xandir u tal-produzzjonijiet lokali, għad hawn mentalità tal-‘u iva mhux xorta’ u tal-‘ejja ħa mmorru’? “Iva, għadha palpabbli wkoll. Ma nemminx li tiġi mill-istazzjonijiet infushom, iżda mill-prodott li jkun offrut lill-istazzjonijiet lokali. Minkejja dan nifhem u issa qed nesperjenza d-diffikultajiet li tiltaqa’ magħhom meta tkun qed tipproduċi, trid tipprova tlaħħaq ma’ kollox b’ammont ta’ flus li mhux wieħed kbir. Jiġifieri, anke jekk nikkritika l-prodott, nasal ukoll li nifhem illi l-isfidi huma kbar, qisek qed tara urugan ġej lejk.”
Ma’ Farrugia, nitkellmu dwar bosta temi oħrajn, fosthom ukoll il-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti, imma l-ispazju daqshekk jagħti. Inqumu minn fejn konna, issa fil-kċina ta’ Lily, biex Farrugia jkompli l-ħidma. Kien qed ifittex kċina sħiħa u sufan għad-dar ta’ Polly.
Kif se jkompli Strada Stretta?
L-ILLUM ippruvat titkixxef naqra kif se jkompli Strada Stretta? L-aħħar episodju spiċċa bi Guido u Lydia, fuq l-artal waslu biex jiżżewġu bil-vera maħbub ta’ Lydia, Mario, jiġri lejn il-knisja biex jipprova jwaqqaf iċ-ċerimonja. X’se jiġri? Lydia u Guido se jiżżewġu? Se jirnexxilu jirbaħ lura lill-maħbuba tiegħu, u omm it-tarbija tiegħu, Mario?
Farrugia jitbissem u għalkemm jagħti ħjiel iħallina bil-kurżità, “nistennew sa Ottubbru, nista’ naċċertak li se jkun staġun interessanti ħafna.” Ikun ta’ xejn li nippruvaw għal darba, darbtejn għax Farrugia jgħidilna biex nistennew.
Ċerti li ħafna mill-qarrejja tal-ILLUM se jeħlu mal-iskrins tat-TV f’dik il-filgħaxija tal-ewwel nhar ta’ Tnejn (qed nassumu li se jibqa’ jsir nhar ta’ Tnejn) illi fih jerġa’ jibda Strada Stretta.