FILMAT | Moskea jew le....
Applikazzjoni għal Moskea f’Buġibba tqajjem kontroverjsa u l-Kunsill Lokali joħroġ kontriha...u n-nies x’qed jgħidu?
More in Intervisti
Applikazzjoni għal Moskea f’Buġibba tqajjem kontroverjsa u l-Kunsill Lokali joħroġ kontriha...u n-nies x’qed jgħidu?
Din il-ġimgħa qamet kontroversja, jew reġgħet qamet kontroversja, li ilha tqum għal diversi xhur issa, dwar post partikolari f’Buġibba li kien qed jintuża bħala moskea mingħajr permess għal żmien twil u li issa applika għall-permess, biex ikun post tat-talb għal komunità li qiegħda dejjem tikber mhux biss f’dan il-lokal, iżda f’lokalitajiet oħrajn.
Applikazzjoni bħal din tqajjem ħafna kontroversja u dubji, uħud ġustifikati u oħrajn le. Min jibża’ minħabba dak li jara bħala inkonvenjent u min juża l-inkonvenjent bħala paraventu biex jgħatti l-vera preokupazzjoni tiegħu. Il-preokupazzjoni li l-post mhux se jsir kappella jew post fejn jiltaqgħu xi erba’ minn nies biex jagħmlu l-yoga jew jimmeditaw, imma moskea għal persuni bi twemmin Musulman.
L-ILLUM ilha tirraporta dwar moskej fiż-żona ta’ Buġibba minn Diċembru 2015, meta dakinhar kienet kwotat lill-Imam Mohammed El Sadi jgħid li hu kien konxju li kien hemm postijiet, anke residenzi f’Buġibba li kienu qed joperaw bħala Moskej, anke jekk ma kellhomx permess li jagħml u dan. Minkejja dan, huwa kien ċaħad kummenti tal-eks President tal-PN Frank Portelli li fuq il-programm Dissett kien allega li f’Buġibba kien hemm erba’ postijiet li nbidlu f’moskej u li fihom qed isir tagħlim u indottrinazzjoni radikali.
Din il-ġimgħa, il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, b’mod unanimu ħa pożizzjoni kontra l-applikazzjoni għal moskea minflok garaxx li hemm fi pjazzetta żgħira ma’ Triq il-Mazzola, fil-qalba ta’ Buġibba. Il-Kunsill ħa din id-deċiżjoni għax ħass li post tat-talb tal-Musulmani f’din iż-żona kien se ‘jwaqqa’ l-valur tal-proprjetà fiż-żona’, minħabba l-inkonvenjent, hekk kif it-talb jibda minn kmieni filgħodu, u minħabba problema ta’ parkeġġ.
Il-gazzetta ILLUM niżlet Buġibba, fil-Pjazza kif ukoll fiż-żona fejn hemm il-garaxx propost li jsir moskea u staqsejna lir-residenti u nies li nzertaw fil-lokalità x’jaħsbu. Staqsejna Maltin, imma wkoll residenti ta’ Buġibba li fil-fatt huma Musulmani. Għamel sew il-Kunsill Lokali li ddeċieda kif iddeċieda? Il-post huwa propizju? U x’inhi r-raġuni vera għall-oppożizzjoni għal dan il-post, il-parkeġġ jew ir-reliġjon? Kieku l-garaxx kien se jsir kappella, kien iqum l-istess kjass? L-ILLUM staqsiet...