FILMAT | ‘Niċħad u nibqa’ niċħad’

Taħt pressjoni: Refalo jiċħad li kien hu li ċempel lill-Pulizija biex jinħeles Bogdanovic

 

Minkejja li l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo huwa ferm qrib il-klabb tal-futbol tax-Xewkija Tigers tant li ħareġ garanzija finanzjarja għalih u kien l-avukat tiegħu f’każ ta’ żgumbrament, ma’ din il-gazzetta huwa jiċħad għal darba darbtejn li kien hu jew xi ħadd mill-Ministeru tiegħu li ċempel lill-uffiċjal tal-Pulizija biex il-futboler Daniel Bogdanovic, ikun rilaxxat minn taħt il-kustodja tal-Pulizija.

Refalo jiċħad u jerġa jiċħad

It-telefonata saret waqt li Bogdanovic kien qed jinżamm arrestat wara allegat każ ta’ vjolenza domestika u akkużi li kien qed iġorr arma liċenzjata barra mill-post fejn seta’ jġorrha. Fit-telefonata uffiċjal tal-Pulizija kien ordnat jeħles lil Bogdanovic biex ikun jista’ jilgħab f’logħba “kruċjali” għax-Xewkija Tigers.

“Niċħad, niċħad u nerġa’ niċħad,” saħaq għal bosta drabi l-Ministru Refalo fl-ewwel intervista minn mindu kien żvelat il-każ fuq il-Maltatoday il-Ħadd li għadda. “Niċħad li jien qatt ċempilt lil xi pulizija, lanqas biss nafu lil dan Bogdanovic jien,”saħaq Refalo mal-ILLUM.

“La jien u sa fejn naf jien ħadd mill-Ministeru tiegħi m’għamilna telefonati.”

Is-sorsi mill-Pulizija li tkellmu mal-gazzetta Maltatoday qalu li t-telefonata kienet ġejja minn wieħed mis-segretarjati Ministerjali. Minn dakinhar il-kowċ ta’ Xewkija Tigers Jesmond Zammit, li huwa wkoll il-Kap tas-Segretarjat ta’ Ian Borg, irreżenja mill-kariga tiegħu fit-tim.

Meta din il-gazzetta rrimarkat li l-allegazzjoni li hu jista’ jkun implikat ġej mill-fatt li hu qrib ħafna ta’ dan il-klabb partikolari, f’lokalità tradizzjonalment Laburista, Refalo wieġeb li hu jgħin lil kulħadd, mhux lil tax-Xewkija biss.

Ma’ din il-gazzetta Refalo jerġa’ jħeġġeġ lid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi biex ‘jirrepeti dak li qal barra l-Parlament u niftaħlu libell,’ u jisħaq li għandha titneħħa l-immunità parlamentari.  

Intant fl-intervista ppubblikata f’din il-ħarġa Refalo jerġa’ jikkontradixxi lill-Monsinjur Joe Vella Gauci dwar ħlas għaċ-Ċitadella u jammetti li l-proġett ta’ Cruise Liner Terminal huwa wieħed ‘ikkumplikat’. 

More in Intervisti