‘Nemmen fil-futbol Malti u nemmen li kapaċi nmexxih’
Jaf ikun il-President il-ġdid tal-MFA. Iżda xi jrid ibiddel? Kif se jerġa’ jimla l-grawnd nazzjonali? Bjorn Vassallo jirrispondi l-mistoqsijiet tal-ILLUM.
minn Liam Carter
Din il-ġimgħa tasal fi tmiemha t-tellieqa għall-President il-ġdid tal-MFA hekk kif iż-żewġ kandidati għall-President tal-MFA, Bjorn Vassallo u Chris Bonett mistennija jkunu jafu x-xorti tagħhom fis-sigħat ta’ wara nofsinhar.
Din il-ġimgħa l-ILLUM tkellmet ma’ Bjorn Vassallo bniedem bi storja twila fil-futbol Malti u li serva bħala eks Segretarju Ġenerali tal-MFA u attwalment Direttur tal-FIFA. Ma’ Vassallo ddiskutejna l-istat tal-futbol lokali, ir-riżultati xejn sodisfaċenti tat-tim nazzjonali Malti u l-viżjoni tiegħu għall-futur tal-futbol lokali.
Nibdew din l-intervista billi nistaqsih x’ġiegħlu jitfa’ l-kandidatura tiegħu għall-President tal-MFA. Mal-ILLUM huwa jibda biex jispjega, “jiena bniedem tal-futbol, għext il-futbol minn meta kont żgħir fil-klabb ta’ San Ġwann. Imbagħad għamilt snin twal fl-MFA u hemmhekk ġietni l-opportunità li mmur il-FIFA.”
“Fid-dawl ta’ dan kollu,” saħaq Vassallo, “inħossni li għamilt ħafna affarijiet u għandi biżżejjed esperjenza biex niġi lura f’pajjiżi fl-ogħla kariga tal-futbol u nkun nista’ nwettaq dak li tgħallimt u dak li rajt f’pajjiżi oħra,” saħaq il-kandidat.
Apparti minn hekk Vassallo kompla jsostni li, “grazzi għall-esperjenza tiegħi mal-FIFA nista’ nifhem il-weġgħat tal-klabbs Maltin u nagħraf ir-rimedji għall-problemi fil-futbol Malti.
Meta tpoġġi madwar mejda ma’ persuni bħal Gianni Infantino u Zvonimir Boban titgħallem ħafna u dan jgħinek tieħu dawk id-deċiżjonijiet importanti fil-futbol,” saħaq Vassallo.
Il-grawnds lokali vojta… kif se jindirizza din il-problema?
Naqilbu ftit id-diskors u nistaqsih fuq il-pjanijiet tiegħu sabiex jerġa’ jimla l-grawnds Maltin bil-partitarji. Huwa jirrispondi u jgħid, “vera li n-nies naqsu però d-dinja nbidlet, ma nistgħux neħlu fit-80ijiet għax dak kien żmien differenti. Illum ngħixu f’dinja li, flok fi tmiem il-ġimgħa tmur il-grawnd tista’ taqta' biljett tal-ajru li ma jiswiex flus,” qal Vassallo.
Minkejja dan huwa qal li wasal iż-żmien li nagħtu s-saħħa lill-prodott Malti u li l-MFA toħroġ miż-żona ta’kumdità.
“Jiena dort id-dinja u naf is-sitwazzjonijiet ta’ pajjiżi akbar minna u li jinsabu agħar minna. M’iniex qed ngħid hekk biex inserrħu rasna u ma nagħmlu xejn, però din hi sfida kullimkien,” sostna Vassallo.
Nistaqsih kif se jkun qiegħed isaħħaħ il-prodott lokali.
Huwa saħaq li, “irridu noħolqu kompetittività bil-futbol, fosthom billi t-timijiet kollha jkunu ta’ livell u mhux ikollok wieħed jew tnejn tajbin ħafna u l-oħrajn medjokri.”
Apparti minn hekk huwa qal li rridu ndaħħlu ċertu pika sportiva tul il-kampjonat kollu u mhux biss f’xi logħba deċiżiva.
Finalment Vassallo aċċenna wkoll għall-problema ta’ mentalità nazzjonali fir-rigward tal-futbol hekk kif skontu aħna pajjiż negattiv.
“Aħna pajjiż li ngergru, tal-‘gemgem’. Irridu naqgħtu n-negattività dwar il-futbol Malti. Irridu wkoll nagħtu l-awtonomija li tixraqlu u noħorġu mill-qoxra. Attwalment l-MFA tbigħ il-prodott kollu, irridu noħolqu l-LEGA li tmexxi dawk is-sitwazzjonijiet kummerċjali.”
Skontu, l-Assoċjazzjoni ma tistax issaħħaħ il-prodott b’persuna waħda inkarigata mill-marketing u li l-MFA trid tibda tinċentiva u tikkollabora mal-privat.
“L-MFA trid tieħu ħsieb il-parti regolatorja u l-parti sportiva, però trid tibda tinċentiva lil ħaddieħor biex jingħaqad magħha, b’miri aktar għoljin inkunu nistgħu nagħmluha.”
Fl-aħħar nett huwa qal li jrid ikollok il-postijiet adegwati. “Għandna l-istadium nazzjonali li ma jilqgħekx, inbena fit-80ijiet, għandu trakka, miftuħ għall-elementi u kbir wisq għal dak li jirnexxilna nipproduċu. Din irridu nagħtuha prijorità għaliex in-nies illum draw fil-kumdità. Ma tistax titlobhom jiġu l-grawnd meta m’hemmx il-kumdità. Jekk se nonfqu l-flus u nagħmlu xi ħaġa għal 30 sena oħra rridu nagħmlu xi ħaġa li taqdina sew.”
L-MFA trid tidħol f’era oħra jgħid Vassallo
U fuq il-governanza x’se jkun qiegħed jagħmel Vassallo?
Mal-gazzetta ILLUM huwa jinsisti li l-MFA trid tidħol f’era ġdida.
“Wasalna biex nagħmlu bidla radikali ta’ kif jittieħdu d-deċiżjonijiet u għal ristrutturar intern. Irridu niġu f’sitwazzjoni li jkun hemm kompetenza neċessarja sabiex il-viżjoni tiegħi tkun tista’ tiġi attwata. Biex dan ikun possibbli għandi bżonn nies aħjar minni ħalli nkun nista' niddelega x-xogħol b’tim ta’ ħaddiema bbilanċjat, enerġetiku u żagħżugħ. B’hekk biss l-Assoċjazzjoni tista’ ssir aktar effiċjenti u tipproduċi aktar.”
Fuq l-istess nota huwa qal li jeħtieġ li jfasslu kodiċi aħjar sabiex l-MFA televha ruħha fl-imaġġni u tkun aktar transparenti u kontabbli.
‘Għaddew 50 sena, l-aħħar konna u l-aħħar bqajna’
Nerġgħu naqilbu d-diskors u nitkellmu fuq il-futbol internazzjonali. Kif jista’ t-tim Nazzjonali Malti jagħmel trapass u jibda jikseb riżultati tajbin?
Vassallo jibda biex jirrispondi, “jiena kont direttur ta’ 55 pajjiż tal-Ewropa fi ħdan il-FIFA u l-istrateġija ta’ dawn il-pajjiżi kollha kienet tgħaddi mill-uffiċċju tiegħi għalhekk ninsab informat fuq dawk il-pajjiżi li mixjin tajjeb u dawk li mhumiex.”
Żied jgħid li, “m’għandi l-ebda bakketta maġika iżda rajt diversi mudelli barra l-pajjiż u ngħid dawn jgħoddu għalina u la ħaddieħor irnexxa nistgħu nagħmluhom aħna wkoll. Jiena għamilt il-konferenza stampa tiegħi fil-Marsa tal-Ingliżi fejn beda kollox fis-70ijiet, illum għaddew 50 sena, l-aħħar konna u l-aħħar bqajna.”
Skontu, l-unika rimedju għal din il-problema hu l-professjonalità tal-plejers Maltin għaliex il-punt kruċjali huwa li l-kowċ nazzjonali Malti għandu erba’ plejers li jilagħbu barra minn Malta u pajjiżi oħrajn għandhom bejn 40 u 70 plejer li jistgħu jagħżlu.
“Il-plejers Maltin jitħarrġu siegħa u nofs kuljum, bl-istil ta’ ħajja differenti u bin-nutrizzjoni bażika, mentri ta’ pajjiżi oħra jitħarrġu għal ħames jew sitt sigħat u kulħadd idur magħhom.
Qed nilagħbu f’kampjonat fejn il-plejers tagħna ma jistgħux isegwu l-istess bażi ta’ mentalità psikoloġika u kunfidenza teknika bħal pajjiżi oħra. Biex intejbu r-riżultat irid ikollna għadd ta’ plejers li jilagħbu barra, oħrajn li jippromettu fil-kampjonat lokali u tim Malti li jmur jilgħab f’kampjonat barrani,” saħaq Vassallo.
Fuq din tal-aħħar, Vassallo qiegħed jipproponi li jitwaqqaf tim ġdid li jikkompeti f’kampjonat barrani li jkun jinkludi diversi Maltin. Bl-MFA żżomm 51% tal-ishma filwaqt li 49% ikun investiment barrani.
“Ikollna żewġ timijiet li jibdew mil-Lega Pro u diġà tkellimt mal-Lega Pro dwar dan il-kunċett u nistgħu naslu u nidħlu f’vetrina differenti u hemmhekk jogħla l-livell. M’għandniex ċans bil-livell part-time tagħna u nistgħu nagħmlu 50 sena oħra. Għax il-plejers tagħna jgħixu fi gżira sabiħa, hawn ċertu kumdità. Ngħixu tajjeb, ekonomikament il-pajjiż miexi tajjeb u m’hemmx dik il-ħolma li trid tiġri warajha,” saħaq Vassallo.
‘Plejer Malti tajjeb jilgħab dejjem’
Ġaladarba qed nitkellmu fuq kampjonat barrani staqsejtu fuq il-kampjonat lokali u l-proposta li jkun hemm 11-il barrani. X’jaħseb fuqha din Vassallo?
Huwa jirrispondi u jgħid, “jiena naqbel ma’ kompetizzjoni ġusta. Iktar kemm tiftaħ għall-barranin, il-klabbs iktar tagħtihom saħħa biex jinvestu f’suq ġust. Illum nitkellmu fuq monopolju ta’ plejers Maltin għaliex 30 biss hawn li jistgħu jilagħbu mat-tim nazzjonali Malti u għalhekk ċertu klabbs jiġu daharhom mal-ħajt għaliex biex tiffirma goalkeeper Malti trid tħallas flus enormi.”
Jiena dort id-dinja u naf is-sitwazzjonijiet ta’ pajjiżi akbar minna u li jinsabu agħar minna. M’iniex qed ngħid hekk biex inserrħu rasna u ma nagħmlu xejn, però din hi sfida kullimkien
U għal dawk li għandhom tħassib serju fuq kif din il-proposta se taffettwa t-talent Malti x’jaħseb Vassallo?
“Malti tajjeb jilgħab dejjem. Min irid jilgħab u jtejjeb il-livell iżda hemm barrani li qed jeħodlu postu, se jistinka biex jidħol fit-tim.”
Jekk ma jilħaqx il-miri tiegħu jwarrab?
Fil-manifest tiegħu Vassallo niżżel diversi proposti ambizzjużi fosthom dawk infrastrutturali. Però huwa konvint li dan kollu jista’ jiġi attwat? Huwa qal li jinsab konvint fuq il-pjanijiet tiegħu għaliex mhux qiegħed iwiegħed dan biex jipprova jbigħ kastelli fl-arja.
“Naf x’hawn Malta u naf x’hemm hemm barra u għalhekk naf x’jista' jwassalna għal ċertu riżultati. Kont realistiku ħafna, din hija viżjoni b’saħħitha u li nistgħu nattwawha.”
Fuq dan il-punt staqsejtu jekk hux qed jagħmel garanzija bħal l-avversarju tiegħu, Chris Bonett li qed iwiegħed li jirreżenja jekk ma jilħaqx il-miri tiegħu.
Ħafna mill-proposti tiegħi u ta’ Chris huma l-istess aħna t-tnejn tlaqna fl-istess żmien iżda naħseb li għandi programm aktar realistiku
Huwa jwieġeb u jgħid, “ma nistax nikkommetti ruħi li jekk ma nilħaqx xi waħda mill-miri tiegħi nirreżenja għaliex jiena għandi strateġija ta’ tmien snin li hija bbażata fuq 11-il pilastru. Ma nistax ngħidlek li għax f’waħda nkunu fallejna xi ftit l-oħrajn ma jirnexxux. Jekk tkun mira importanti ħafna, irridu nirrevedu xi affarijiet però jiena kunfidenti ħafna mill-programm li għandi u rrid inkun hemm għal tmien snin biex il-programm inwettqu,” saħaq Vassallo.
Finalment staqsejtu għaliex ċertu proposti li qed iwiegħed qatt ma ġew attwati jew issuġġeriti waqt iż-żmien tiegħu fl-MFA. Huwa kien pront jgħid, “jiena ma kontx President, finalment il-President li jiddeċiedi. Li nista’ ngħid huwa li sal-2016 il-programm li kien imwiegħed kien ġie eżawrit. Sfortunatament wara l-2016 ma sar l-ebda xogħol fuq strateġija ġdida u l-MFA ma kellha ebda għanijiet ċari. Għalhekk ħafna mill-proposti tiegħi u ta’ Chris huma l-istess. Aħna t-tnejn tlaqna fl-istess żmien fl-2016, mill-banda l-oħra jien naħseb li għandi programm aktar realistiku,” irrimarka Vassallo.
Fl-aħħar nett huwa qal li s-saħħa tax-xogħol li jsir mill-klabbs Maltin huma l-enerġija tal-futbol lokali u li din l-enerġija trid tiġi trasferita fuq kull pitch ta’ kull belt u raħal madwar Malta.
“Jiena ma ġejtx hawn u tfajtha għal saqajha u għidt jekk nitla' tajjeb jekk ma nitlax ma ġara xejn. Nemmen fil-futbol Malti, nemmen li kapaċi mmexxi l-futbol Malti u li nieħdu l-MFA f’pożizzjoni aktar għolja u ma nibqgħux maqsumin. Ninsew il-partiġjaniżmu u n-nepotiżmu u nikbru flimkien magħqudin biex naslu għal riżultat,” temm jgħid il-kandidat għall-President tal-MFA.