‘L-Isptar Mount Carmel mhux addattat għall-ħtiġijiet tiegħu’ - Infermier anonimu
L-ILLUM tkellmet ma’ infermier b’mod anonimu dwar dak li jara ta’ kuljum f’xogħolu fl-Isptar Monte Carmeli, u kif in-nuqqas ta’ ħaddiema u kundizzjonijiet oħra qed iwasslu għal għeja kbira fost l-infermiera fi ħdan dal-isptar.
minn Matthew Farrugia
Nuqqas ta’ ħaddiema, bini mhux addattat biex jaħdmu t-tobba u l-infermiera fih jew biex il-pazjenti jieħdu l-kura u siegħat twal ta’ xogħol, huma lkoll raġunijiet wara l-fatt li l-infermiera tas-saħħa mentali huma vulnerabbli ħafna għall-fenomenu ta’ ‘burnout’.
“Il-bini tal-Isptar Mount Carmel huwa tal-biża, u l-problemi li hemm fih ilhom hemm għal snin twal u qed jikbru.” Dan kien il-kumment tal-President tal-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel, (MUMN) Paul Pace meta mistoqsi minn din il-gazzetta dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-infermiera tas-saħħa mentali, u kif dawn iwasslu għal għeja kbira.
Tal-istess fehma kien infermier li tkellem b’mod anonimu mal-ILLUM dwar dak li jara b’għajnejh stess kull darba li jmur għax-xogħol. Huwa spjega li hemm diversi raġunijiet wara din l-għeja li tinħass fl-infermiera tas-saħħa mentali, b’mod speċjali dawk li jaħdmu fl-Isptar Monte Carmeli.
Huwa ta dettallji ta’ dak li jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom għal 12-il siegħa meta jkunu xogħol dawn l-infermiera, liema dettallji jagħtu stampa ċara tal-istat tal-Isptar Monte Carmeli. Minkejja rapport tal-Awditur Ġenerali li ħareġ fl-2022 li jgħid li l-isptar ra progress, l-infermier iddeskriva l-isptar bħala wieħed mhux addattat għall-ħtiġijiet tiegħu.
Studju li ġie ppubblikat f’Diċembru li għadda minn grupp ta’ riċerkaturi Maltin juri kif għall-infermiera li jaħdmu fis-saħħa mentali, huwa komuni ħafna li wieħed iħossu ‘burnt out’. ‘Burnout’ hija meta persuna tkun esposta għal stress kbir għal ammont ta’ ħin twil, u persuni li jgħaddu minn din l-esperjenza jħossuhom għajjenin fiżikament u emozzjonalment.
Din il-gazzetta għamlet kuntatt ma’ infermier li jaħdem fl-Isptar Monte Carmeli, u l-ewwel ħaġa li qal meta mistoqsi fuq il-fenomenu ta’ ‘burnout’ fost persuni li jaħdmu fis-settur tiegħu, kienet li dan il-fenomenu huwa bla dubju preżenti fost dawn l-infermiera.
Huwa spjega li minkejja li l-paga ta’ infermiera f’dan is-settur hija attraenti, din hija marbuta ma’ siegħat twal fuq il-post tax-xogħol, ħidma bil-lejl, u tfisser ukoll li fi Ħdud u festi, huma xorta waħda se jkunu obbligati jidħlu x-xogħol. Apparti minn hekk, stqarr li hemm problema serja ta’ nuqqas ta’ ħaddiema fis-swali, u għalhekk, wieħed ikun responsabbli għal għadd kbir ta’ pazjenti.
L-infermier spjega li idealment, għal erba’ pazjenti f’sala ikun hemm infermier inkarigat magħhom, iżda r-realtà hi li mhux okkażjoni rari li għal kull 18-il pazjent, ikun hemm biss tliet infermiera.
Fost il-problemi li japplikaw biss għall-infermiera tas-saħħa mentali, huwa spjega li “mhux il-pazjenti kollha jaħsbu li għandhom bżonn kura,” u f’ċertu każijiet, il-pazjenti jsiru aggressivi għax ikunu fl-Isptar Mone Carmeli kontra l-volontá tagħhom.
Apparti minn hekk, minħabba xi kundizzjoni psikoloġika li jista’ jkollu pazjent, hemm każijiet fejn il-pazjent ikun jaħseb li huwa qiegħed f’periklu u ma jista’ jafda lil ħadd, allura jeżistu pazjenti li jkunu vjolenti fil-kontront tal-infermiera. L-infermier stqarr li meta wieħed jikkunsidra l-fatt li jeżistu dawn it-tip ta’ pazjenti, filwaqt li hemm nuqqas ta’ infermiera li jistgħu iżommuhom taħt kontroll, ix-xogħol tagħhom bla dubju jkun wieħed aktar perikoluż.
Apparti l-problemi marbuta man-nuqqas ta’ ħaddiema, l-infermieri f’Monte Carmeli jkollhom jaħdmu siegħat twal f’bini li skont l-infermier, “mhux addattat għall-ħtiġijiet tiegħu.”
Din il-gazzetta kkwotat rapport mill-Awditur Ġenerali li nnota forma ta’ progress fl-istat tal-isptar, iżda l-infermier stqarr li l-progress li sar huwa relattiv ħafna. “Jista’ jkolli d-dar ħadet in-nar, ġarrbet ħafna ħsara u rranġajt kamra minnhom. Nista’ ngħid li għamlet progress id-dar, imma l-bqija tagħha għadha ħażin ħafna.”
Spjega li dan huwa minħabba l-fatt li l-bini tal-isptar huwa wieħed antik, u għalhekk m’hemmx lok għal ħafna rinovar. L-unika vantaġġ tal-bini skont l-infermier huma l-ġonna, li huma kruċjali fil-kura ta’ persuni bi problemi ta’ saħħa mentali.=
Apparti minn hekk, irrakkonta kif huwa ġieli kien f’sitwazzjoni fejn ikollhom jintużaw il-lożor mal-art jekk tagħmel ix-xita u jibda’ jqattar xi saqaf, jew jużaw bramel tal-ilma jekk ikun hemm toilets bil-ħsara u ma jkunux jistgħu jitranġaw minnufih.
Minħabba f’hekk, stqarr li l-unika soluzzjoni sostenibbli hija l-bini ta’ sptar ġdid li jsir skont il-ħtiġijiet ta’ sptar psikjatriku, u mhux li jinbena sptar biss biex tiġi mwettqa’ wiegħda elettorali. Fl-2022 il-Gvern identifika art fis-Swatar għall-kostruzzjoni ta’ sptar psikjatriku ġdid, iżda ma ngħatat ebda data li tispeċifika meta dan l-isptar se jibda jiffunzjona.
Filwaqt li tenna li dan huwa xogħol iebes, l-infermier saħaq li xorta waħda fih is-sodisfazzjon tiegħu. Dan b’mod speċjali meta pazjent jesprimi l-gratitudni tiegħu, iżda anke l-fatt li huwa jaf li kien ta’ għajnuna għal persuna fl-agħar żmien ta’ ħajtu huwa ta’ sodisfazzjon kbir.