‘Biex jiġi protett l-ambjent, l-akbar bidla għandha ssir fil-governanza’ - Cyrus Engerer
F’intervista ma’ din il-gazzetta, il-Membru Ewroparlamentari Cyrus Engerer tkellem fit-tul dwar numru ta’ temi kurrenti u kontroversjali li kienu jew għad irid ikunu fiċ-ċentru tad-diskussjoni nazzjonali, fosthom l-abort, l-ewtanażja l-istat tal-bini u l-iżvilupp f’pajjiżna. Engerer, voċiferu u b’mod skjett, isejjaħ għall-azzjoni immedjata li tisfida dak li dejjem sar f’ċertu setturi fosthom dak tal-ambjent
minn Matthew Farrugia
L-Ewroparlamentari Laburista Cyrus Engerer huwa magħruf li huwa persuna progressiv b’ideat kemmxejn aktar radikali minn dawk li normalment jiġu diskussi minn politiċi fix-xena politika Maltija. Fil-fatt, ma’ din il-gazzetta huwa ddeskriva lilu nnifsu bħala persuna li ried li jaħdem b’mod differenti fil-politika, hekk kif stqarr li pajjiżna għandu jimxi ‘l bogħod mill-politika partiġġjana li l-pajjiż tant hu mdorri bih.
Apparti minn hekk, Engerer stqarr li dejjem ħadem biex ikun ċar fit-twemmin tiegħu, anke jekk dan ifisser li jkollu bżonn jitkellem dwar temi diffiċli. Għalhekk, f’ġimgħa fejn l-aħbarjiet lokali kienu ffukati aktar fuq l-emenda fil-liġi tal-abbort, l-ILLUM staqsiet lil Engerer dwar din l-emenda u aktar proposti progressivi li tant kien voċiferu fuqhom.
‘Is-saħħa riproduttiva m’għandhiex tkun esklussiva għal min jiflaħ iħallas biss’
Dwar il-liġi emendata tal-abort li għaddiet aktar kmieni din il-ġimgħa, Engerer saħaq fuq l-importanza li kulħadd ikollu aċċess għas-servizzi tas-saħħa kollha li hemm bżonn. “Is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi ma għandhom qatt ikunu esklussivi għal min jiflaħ iħallas biss u jmur barra l-pajjiż,” qal Engerer.
Huwa nnota wkoll li għandu jiġi aċċertat li jekk persuna għandha bżonn kura, hija tmur f’postijiet addattati bħal ma tagħmel f’kull intervent mediku, u qal li wieħed m’għandux ikollu bżonn jirrikorri għal postijiet mhux siguri f’każ ta’ kumplikazzjonijiet.
Din il-gazzetta staqsiet ukoll dwar l-ewtanażja, suġġett jaħraq u delikat li qiegħed fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, hekk kif kien ġie mwiegħed li dan is-suġġett għandu jiġi diskuss. Engerer stqarr li din id-diskussjoni, bħal diskussjonijiet oħra għandha ssir b’attenzjoni fuq il-fatti xjentifiċi u anke l-aspett tad-drittijiet tal-bniedem. Engerer starr li, “dan irid jibqa’ jkun il-Gvern progressiv li jġib il-bidla bil-mandat b’saħħtu li għandu f’dan ir-rigward.”
‘Tqażżist nara lil Pullicino, jirrapreżenta lil dawk li issa qegħdin jibnu din l-art fiż-Żurrieq’
Din il-gazzetta staqsiet lil Engerer ukoll fuq is-sitwazzjoni tal-bini u l-iżvilupp f’pajjiżna, liema sitwazzjoni wasslet għal protesta nazzjonali b’folla numeruża fit-toroq tal-Belt Valletta biex isemmgħu leħinhom kontra l-isfreġju ambjentali. Fuq Facebook ftit ġimgħat ilu, Engerer kien kiteb dwar il-każ tan-Nigret fiż-Żurrieq, fejn numru ta’ residenti qed jaħdmu kontra proġett ta’ żvilupp fuq art agrikola li fiha daqs 12,000 metru kwadru. Dwar dan l-iżvilupp, Engerer kien stqarr li dak li kien seħħ “fil-Planning Authority dwar iż-Żurrieq ma jistgħax jibqa' jiġi rrepetut!”
F’kumment tiegħu ma’ din l-intervista, Engerer ħares lura għal meta kien Viċi Sindku f’Tas-Sliema, hekk kif innota li f’dak iż-żmien kien ivvota kontra numru t’applikazzjonijiet ta’ żvilupp, minkejja dik li sejjaħ pressjoni mill-Gvern, li dak iż-żmien kien immexxi mill-Partit Nazzjonalista. Huwa tkellem ukoll dwar kif kien ipprotesta kontra l-iżvilupp mill-Università Amerikana ta’ Malta f’Bormla u Wied il-Għajn u kif bħalissa huwa membru fil-Kumitat tal-Ambjent tal-Parlament Ewropew.
Rigward in-Nigret, Engerer qal kif huwa segwa s-seduta tal-Awtorità tal-Ippjanar, fejn qal, “tqażżist nara lil George Pullicino li kien il-bniedem inkarigat mill-bidla tal-local plans fl-2006, jirrapreżenta lil dawk li issa qegħdin jibnu din l-art fiż-Żurrieq.” Apparti minn hekk, b’mod aktar ġenerali, qal li l-istatus quo tal-ambjent għandu jiġi sfidat. “The stakes are too high!" - kemm għas-saħħa tal-ambjent nnifsu, il-biodiversità, is-saħħa fiżika tagħna, kif ukoll is-saħħa mentali tagħna,” stqarr Engerer.
Jekk hux fil-Parlament Malti jew dak Ewropew, Engerer ġie elett mill-poplu Malti biex jirrappreżentahom. Lil hinn mill-kritika, li ħafna jistgħu jagħmlu fuq Facebook, x’inhuma s-soluzzjonijiet għal dawn il-kwistjonijiet fil-fehma ta’ Engerer?
Huwa semma’ azzjonijiet konkreti li jistgħu jittieħdu biex jiġi protett l-ambjent, fosthom li art pubblika fi stat naturali jew agrikola, anke jekk tkun f’żona fejn huwa permess il-bini, issir art protetta. “Nistgħu wkoll permezz tal-kostituzzjoni niproteġġu l-art kollha f'pajjiżna 'l barra minn żona ta' żvilupp biex tibqa' naturali jew tkun tista' tintuża biss għal għanijiet ta' biedja u s-sigurtà tal-provvista tal-ikel.”
Engerer mar pass oltre, hekk kif stqarr li biex jiġi protett l-ambjent, hemm bżonn bidla relatata mal-qasam tal-governanza u t-tisħiħ tad-demokrazija u anke bidla fis-sistema elettorali għal waħda aktar rappreżentattiva. Apparti minn hekk, huwa semma’ bidliet fil-finanzjament tal-partiti, sabiex jitwaqqfu donazzjonijiet lil partiti politiċi minn persuni u organizzazzjonijiet privati, sabiex l-istess partiti jiġu ffinanzjati biss mill-istat.
Sustanzi psikadeliċi għall-kura tas-saħħa mentali
Cyrus Engerer tkellem ukoll fil-passat dwar l-użu ta’ sustanzi psikadeliċi u kif dawn qed jintużaw fil-qasam tal-kura tas-saħħa mentali, fejn anke appella lill-Unjoni Ewropea sabiex tħares lejn il-potenzjal ta’ dawn is-sustanzi għall-kura tas-saħħa mentali.
Huwa nnota kif bħalissa, numru minn dawn it-tip ta’ mediċini waslu għat-tielet fażi ta' ttestjar fuq livell Ewropew u b’hekk dalwaqt se jkunu awtorizzati għas-suq Ewropew filwaqt li fl-Istati Uniti, qed isir l-istess. “Kemm ilna nisimgħu b'dipressjoni kronaka li ma tiġi mfejjqa qatt? Kemm nisimgħu li diffiċli teħles mill-PTSD? Illum jidher li nies li jbgħatu minn dawn il-kundizzjonijiet jista' jkollhom il-kura wkoll,” isostni Engerer.
Apparti minn hekk, huwa nnota kif madwar id-dinja aktar ma jgħaddi żmien, aktar qed jidher li l-ġlieda kontra d-droga bil-kriminalizazzjoni tagħha qed tfalli u għalhekk jemmen li hemm bżonn strateġija ġdida f’dan il-qasam. Huwa stqarr kif “it-triq għar-rebħa ta' din il-ġlieda għandha tkun misjuba fil-komunità, b'għajnuna iffokata għal dawk li jridu u jixtiequ joħorġu mill-vizzju, fl-istess waqt edukazzjoni mhux ta' biża’ u twerwir, iżda ta' fatti.”
B’hekk, jispjega Engerer, għandha ssir ħidma wkoll ma nies li żbaljaw b’mod kriminali minħabba d-droga, sabiex meta dawn jirrijabilitaw ruħhom ma jibqgħux esklużi mis-soċjetà, hekk kif tenna li minkejja l-iżbalji, kulħadd ħaqqu t-tieni ċans.
‘Għall-ewwel darba fl-Italja qegħdin naraw id-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ jiġu mnaqqra’
Riċentement, Cyrus Engerer kien preżenti fil-Pride ta’ Milan fl-Italja fejn tkellem dwar l-istat tad-drittijiet tal-komunità LGBTQ fil-pajjiż ġirien tagħna u kif dawn marru pass lura, minflok ‘il quddiem, fl-aħħar żmien.
“Għall-ewwel darba fl-Italja qegħdin naraw id-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ jiġu mnaqqra, l-istess kif qed jitnaqqru d-drittijiet tan-nies, tar-refuġjati u l-iktar nies vulnerabli fis-soċjetà,” jispjega Engerer.
Huwa stqarr li fost l-oħrajn, fl-Italja daħlet fis-seħħ bidla li wasslet għal sitwazzjoni fejn koppji tal-istess sess li għandhom it-tfal, issa ma jistgħux ikollhom żewġ ġenituri mniżżlin fuq id-dokumenti tagħhom, iżda ġenitur wieħed biss.
Innota kif dan ma jaffettwax biss lit-Taljani, iżda jeżistu effetti aktar wiesa għan-nies kollha li jgħixu fl-Italja. Engerer ikkuntrasta s-sitwazzjoni preżenti fl-Italja ma’ dik f’Malta, hekk kif tenna li, “f’Malta għandna l-aqwa drittijiet ċivili għal persuni LGBTIQ u dan għandna nkunu kburin bihom. Għaldaqstant għandna dmir li kull fejn inkunu nuru li kull pajjiż jista’ jkollu l-ugwaljanza. Dan għandna nagħmluh dejjem, speċjalment f’dan il-mument fejn qed naraw il-qawmien tal-faxxiżmu fl-Ewropa wara ħafna snin.”
Sena mill-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew
Fl-aħħar ta’ din l-intervista l-ILLUM tkellmet ma’ Engerer dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew hekk kif issa, iż-żmien qiegħed jagħfas. Engerer tkellem dwar dak li qed jistenna’ mill-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li se jsiru s-sena d-dieħla, fejn stqarr li kull min se jivvota għandu jivvota għal dawk, “l-iktar kapaċi biex jinnegozja l-liġijiet fl-aħjar interess taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.”
Irrimarka wkoll dwar kif wieħed għandu jħares lejn kandidati “li l-interess tagħhom mhux li jużaw il-Parlament Ewropew bħala tarġa għall-politika nazzjonali f'Malta, iżda li jafu kif taħdem is-sistema, konxji minn dak li jkun qiegħed jiġi deċiż fil-kurituri tal-Parlament u li lesti li jiffokaw fuq ix-xogħol fuq livell Ewropew flok fuq xi distrett futur f'Malta.”