Is-sbuħija tar-restawr fil-komunitajiet tagħna

Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici jitkellem fuq l-inizjattivi li ġew introdotti sabiex jisebbħu l-lokalitajiet tagħna fosthom permezz tal-iskema tar-Restawr għall-Kunsilli Lokali

Il-Ministru Owen Bonnici
Il-Ministru Owen Bonnici

Fost il-ħafna inizjattivi introdotti mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, tul is-snin li għaddew, biex insebbħu u nieħdu ħsieb il-lokalitajiet tagħna u l-wirt Patrimonjali, insibu l-iskema tar-Restawr għall-Kunsilli Lokali. Din l-iskema għandha l-mira li jiġi apprezzat il-partimonju storiku li nsibu fil-villaġġi u l-bliet madwar Malta. L-iskema ta’ Restawr ta’ Wirt Storiku li tnediet fl-2015 tipprovdi pjattaforma strutturata fejn il-Kunsilli Lokali, ħafna drabi bil-parteċipazzjoni tal-pubbliku, jissottomettu proposti għal restawr ta’ bini vernakulari u monumenti li huma ta’ valur kbir għall-komunità tagħhom.  

L-iskema tippermetti lill-Kunsilli Lokali jidentifikaw u jipproponu biex jirrestawraw firxa ta’ binjiet żgħar u monumenti immobbli oħra meqjusa denji u li jeħtieġu preservazzjoni fil-komunità tagħhom. Hija miftuħa fuq bażi annwali u mmirata l-aktar lejn proġetti żgħar u ta’ daqs medju bħal knejjes żgħar u kappelli, torrijiet, statwi, niċeċ, pillboxes u monumenti storiċi oħra, kif ukoll strutturi u siti storiċi oħra li jinsabu fl-irħula u fl-ibliet. 

Hawnhekk irridu nenfasizzaw żewġ punti. L-ewwel wieħed hu li bit-twaqqif ta’ din l-iskema l-Kunsill Lokali tagħna ngħataw rwol importanti fejn qabel dan ir-rwol kien uniku f’idejn il-politiku jew l-istrutturi burokratiċi tal-pajjiż. L-aspett pożittiv tal-involviment tal-Kunsilli Lokali hu li l-Kunsilli jinsabu fl-aqwa opportunità u pożizzjoni li jispjegaw huma fejn huma l-iktar siti storiċi li huma għal qalb ir-residenti ta’ dik il-lokalità. It-tieni nett hu li bis-saħħa ta’ din l-iskema hemm opportunità li wieħed jgħarbel u jistudja b’attenzjoni dak li se jiġi restawrat biex b’hekk il-komunitajiet diversi jgawdu minn din il-ħidma kollha.

Ħa nieħu eżempju. Aktar kmieni din is-sena tħabbru l-proġetti li se jkunu qed jibbenefikaw mill-edizzjoni ta’ dis-sena għal din l-iskema. Fil-fatt tħabbar li 13-il wirt storiku, li jvarjaw minn statwi, niċeċ, monumenti, kappelli u strutturi storiċi partikolari u li jinsabu fid-diversi rħula u komunitajiet, ser ikunu qed jibbenefikaw minn restawr bis-saħħa ta’ din l-iskema li issa nħarġet għas-seba’ sena konsekuttiva mid-Direttorat tar-Restawr b’konsultazzjoni mad-Direttorat għall-Implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Politika fi ħdan id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali. Il-Kunsilli Lokali li ser jibbenefikaw minn din l-iskema ta’ din is-sena kienu: Ħal Tarxien, ix-Xgħajra, ir-Rabat, San Ġwann, iż-Żejtun, il-Għargħur, Marsaskala, Ħal Kirkop, il-Fgura, Ħaż-Zebbuġ, iż-Żurrieq, Santa Venera u Ħal Lija.

Bl-iskema ta’ din is-sena biss aċċertajna ruħna li kull komunità kellha opportunità ndaqs li tagħmel il-proposti tagħha u wkoll aċċertajna ruħna li kull wieħed minn dawn it-13-il sit storiku se jkun sit li hu importanti għall-komunitajiet tagħna.

Ir-rwol tal-Kunsill Lokali f’din l-iskema huwa kemm li jidentifika liema proġetti għandhom jiġu magħżula għar-restawr – u dan ibbażat fuq il-benefiċċju li r-restawr tagħhom jagħti lill-komunitajiet tagħhom – kif ukoll li jżomm il-bini jew monument restawrat għal perjodu ta’ għaxar snin wara li jitlesta l-proġett. 

L-Iskema titnieda fuq bażi kważi annwali, u tilħaq direttament l-54 kunsill lokali ta’ Malta permezz tad-Dipartiment tal-Gvern Lokali. Mas-Sejħa jinħarġu sett ta’ linji gwida u kriterji tal-applikazzjoni biex jgħinu lill-Kunsilli Lokali meta jkunu qed jissottomettu proposti għall-proġetti. Bażikament, dawn jistipulaw li l-iskema hija miftuħa għall-kunsilli lokali kollha f’Malta bl-eċċezzjoni ta’ dawk il-lokalitajiet li jaqgħu fiż-żona tal-Kottonera u l-Imdina.  Dawn ma jistgħux jibbenefikaw minħabba l-fatt li diġà jibbenefikaw fuq bażi kontinwa mill-inizjattivi tal-Uffiċċju tal-Proġetti ta’ Riabilitazzjoni u l-Fondazzjoni Kottonera. 

Il-proposti tal-proġetti jiġu ċċekkjati għall-ewwel darba mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni skont il-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-Iskema. Proġetti meqjusa li ma jaqgħux fl-ambitu tal-Linji Gwida tal-Iskema jiġu għalhekk skwalifikati. 

Kumitat tal-Għażla sussegwentement jivvaluta l-proġetti eliġibbli skont il-Kriterji tal-Għażla stabbiliti. Il-proġetti eliġibbli huma mbagħad ikklassifikati skont l-ordni tal-mertu, primarjament ibbażati fuq ir-rilevanza storika u artistika tal-monumenti, l-istat ta’ konservazzjoni tagħhom, u l-viżibbiltà tal-intervent fil-komunità. 

Matul is-snin kollha li fiha l-iskema tħaddmet sal-lum, intgħażlu total ta’ erbgħa u ħamsin proġett ta’ restawr f’41 lokalità differenti f’Malta – dan ifisser li 82% tal-Kunsilli Lokali eliġebbli biex jipparteċipaw fl-Iskema rnexxielhom ikollhom proposta ta’ restawr li huma ssottomettew biex tiġi magħżula, tkun waħda ta’ suċċess. Fuq medda ta’ snin differenti kien hemm disa’ lokalitajiet li kellhom żewġ proġetti li ġew magħżula u żewġ Kunsilli Lokali kellhom suċċess tliet darbiet bil-proposti sottomessi tagħhom mit-tnedija tal-Iskema fl-2015.

L-iskema hija amministrata u esegwita mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni, mill-fażi inizjali tal-ippjanar sal-esekuzzjoni fuq il-post. Kull proġett huwa ġeneralment imfassal biex jitwettaq fuq il-post fi żmien ta’ bejn sitta sa tmien xhur.

Sal-lum tlestew xejn inqas minn 46 proġett, li fosthom hemm dsatax-il kappella, erbatax-il niċċa votanti, kif ukoll numru ta’ santwarji u statwi tat-toroq, żewġ fortifikazzjonijiet mal-kosta, tliet arkati u diversi binjiet storiċi u strutturi oħra. Bħalissa għaddejjin ħames proġetti oħra, filwaqt li tlieta oħra huma ppjanati li jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.

Qed ngħidu dan kollu għaliex tajjeb li wieħed isellem lill-ħaddiema kollha li tant jaħdmu biex dawn il-proġetti jitlestew bl-aqwa mod u fl-aqwa ħin.  

Dan kollu juri ċar kemm din l-Iskema hi verament pożittiva u ta’ suċċess. Il-Ministeru għaldaqstant se jkompli joffri l-possibbiltà lill-Kunsilli Lokali sabiex jissottomettu proposti taħt din l-Iskema. Din se terġa’ titnieda lejn l-aħħar tas-sena biex inkomplu naħdmu u nwettqu d-differenza. 

Dan il-Gvern impenjat li jkompli jwettaq inizjattivi li jħarsu l-preservazzjoni, ir-restawr u r-riabilitazzjoni ta’ fortifikazzjonijiet u postijiet storiċi fuq bażi regolari minn diversi entitajiet fi ħdan il-Ministeru. Permezz ta’ restawr fuq postijiet u monumenti storiċi nkunu qed nippreservaw il-Wirt Kulturali Malti għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna filwaqt li ngħollu l-valur tal-lokalitajiet tagħna għar-residenti, it-turisti u turisti lokali li jżuru dawn il-lokalitajiet.

 

More in Intervisti