‘Qed nersqu lejn it-tmiem! Il-proġett Dar il-Qawsalla, l-ewwel xelter kwir f'Malta, qed joqrob lejn il-ftuħ’

Persuni LGBTIQ li jiġu mkeċċija minn djarhom u dawk li waqt li jfittxu ażil isofru diskriminazzjoni f’ċentri miftuħa abbażi tal-ġeneru jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom se jkunu jistgħu jsibu serħan f’xelter ġdid li mistenni jinfetaħ daqt

Ix-xelter il-ġdid – Dar Qawsalla – huwa parti mill-isforzi tal-Malta LGBTIQ Rights Movement (MGRM) biex tappoġġja aktar nies fi ħdan il-komunità kwir. 

L-inizjattiva kienet tħabbret mill-MGRM u l-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) flimkien mal-Ministru tal-Politika Soċjali Michael Falzon. 

It-tlieta ffirmaw ftehim jsegwi lill-gvern jagħti lill-MGRM €270,000 fuq medda ta’ tliet snin biex jiftaħ ix-xelter għall-persuni bla dar u jkompli joffri servizzi lil persuni LGBTIQ u lill-familji tagħhom. 

Il-gazzetta ILLUM tpoġġi ma’ MGRM biex issir taf aktar dwar ‘Dar Qawsalla.’ 

Dar Qawsalla, f'diversi fażijiet differenti. (Ritratti: MGRM)
Dar Qawsalla, f'diversi fażijiet differenti. (Ritratti: MGRM)

X’INHI L-IDEA WARA ‘DAR QAWSALLA’? 

Dar qawsalla bdiet mit-tieni kompetizzjoni li kien għamel l-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali. 

Dawn kellhom ħames t’idjar li ma kienux jintużaw, u għamlu kompetizzjoni bejn l-għaqdiet non-governattivi, biex ikunu jistgħu jagħmlu użu mill-post, b’kirja ta’ għaxar snin. 

Kellna wkoll fondi min-naħa tal-ministeru, u bażikament il-proposta tal-NGO tagħna rebħet. 

APPARTI SAQAF FUQ RASHOM, X’SE TKUN QED TOFFRI AKTAR ‘DAR QAWSALLA’? 

L-għan tagħha hi li tkun “second-stage shelter,” għal persuni kwir. X’iġġifieri? Bażikament xelter bħal dan jilqa’ fih persuni, li għandhom bżonn saqaf fuq rashom, iżda jkunu indipendenti b’xi mod jew ieħor.  

Issa dawn normalment jiġu referuti għandna mill-Appoġġ, jew jiġu minn xelters ta’ emerġenza oħra. Eżempju, tal-YMCA, ikunu għinu persuna biex timxi ‘l quddiem b’ħajjitha, imbagħad meta ssib ftit saqajha, imma mhux lesta tmur lura fis-soċjetà, u tiġi għandna. 

Aħna ħa nkunu qegħdin inkomplu ngħinuhom bil-pjan tagħhom, li jistudjaw, jaħdmu, filwaqt li nagħtu taħriġ fuq kif wieħed ikun indipendenti aktar. Eżempju kif tixtri mingħajr ma tonfoq iżżejjed, social skills, etc, skont xi jkollu bżonn b’mod individwali. 

Persuna tista’ toqgħod f’din id-dar għal massimu ta’ sena u nofs. 

SE TKUN AĊĊESSIBBLI ‘DAR QAWSALLA’ GĦAL PERSUNI F’MINORANZA BĦAL DAWK B’DIŻABILITÀ U REFUĠJATI? 

Iva, Dar il-Qawsalla se tkun qed tilqa’ refuġjati, u hija wkoll aċċesibbli għal persuni b’diżabilità. Ħa tkun l-ewwel residenza aċċesibbli għal persuni b’siġġu tar-roti.  

KEMM QED TARAW LI TILQA’ NIES FIHA DAR QAWSALLA? 

Ovvjament ikun hemm limitazzjonijiet ukoll, il-post jilqa’ biss fih sitt persuni. Ħa nilqgħu nies wara li nevalwaw il-każ tagħhom. Ma tantx għandna ħaddiema, allura se nimxu każ każ, biex inkunu ċerti li nistgħu nagħtu sostenn b’mod individwali lil kull persuna. 

SKONT KIF KONTU GĦIDTU, ID-DAR KELLHA TIBDA’ TILQA’ N-NIES QABEL DAN IX-XAHAR, KWAŻI FIL-BIDU TAS-SENA. X’ĠARA? 

Ix-xogħol kważi lest, wasalna lejn l-aħħar. F’dawn il-proġġetti qisu diffiċli, kif taqbad tgħid... tipprova tagħmel li tista’ imma bejn ħaddiema ma jiġux, u affarijiet oħra, ovvjament mhux dejjem jirnexxilek tlaħħaq mal-ħin 

Inti, kif tista' tgħin?

Filwaqt li tirringrazzja għall-appoġġ kollu li rċieva dan il-proġett, l-MGRM fakkret mal-ILLUM li dan il-proġett jixrob diversi riżorsi speċjalment finanzjarji. Għalhekk qed titlob lil kull min jixtieq jgħin f'dan il-proġett, biex jikkuntattjahom permezz tal-midja soċjali tagħhom. 

More in Intervisti