Jonathan Attard: ‘Inutli li l-gvern jibqa’ jimbotta riformi jekk ma nedukawx lill-poplu tagħna'

Jitkellem dwar ir-riformi fil-liġi li ssaħħaħ l-OHSA, il-Ministru Jonathan Attard spjega li l-Gvern, sa mill-ewwel ħin wara l-publikazzjoni, impenja ruħu li jwettaq ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika marbuta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia

Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-Ministru Għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard, fil-ġimgħa li ġiet mħabbar riforma fil-liġi li ssaħħaħ l- Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol 

X’KIEN L-ISKOP TA' DAWN IT-TIBDILIET? 

Huwa dmir tagħna bħala leġiżlaturi li nagħtu prijorita` lill-benesseri tal-ħaddiema tagħna, li huma s-sinsla tal-ekonomija tagħna. Aħna, bħala l-Partit Laburista, kburin li aħna l-partit tal-ħaddiema, fejn il-missjoni kienet, għadha u tibqa’ dik li niddefendu d-drittijiet tal-ħaddiema, inkluż id-dritt fundamentali li jaħdmu f’ambjent sigur. 

Nemmen ukoll li din il-liġi hija okkażjoni biex ningħaqdu flimkien u nibagħtu messaġġ qawwi li s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema tagħna mhumiex negozjabbli. 

Din il-liġi għandha tipprovdi għar-regolamentazzjoni ta’ kwistjonijiet relatati mas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, u b’mod partikolari l-promozzjoni u s-salvagwardja tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq ix-xogħol.  

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (OHSA) qiegħda tagħraf li l-pilastru tal-għarfien u l-bidla fil-kultura ma ssirx biss bir-riformi leġiżlattivi.  

Ikun inutli li l-gvern jibqa’ jimbotta bir-riformi u l-implimentazzjoni ta’ liġijiet ġodda jekk ma nedukawx lill-poplu tagħna dwar l-importanza għal iżjed għarfien rigward ir-riskji u l-miżuri ta’ prevenzjoni għal- livelli iżjed għolja fejn tidħol is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol. 

Hu wkoll importanti li l-poplu jkun mgħarraf dwar ir-responsabbiltajiet u d-drittijiet tiegħu f’dan ir-rigward, jingħata rendikont tal-ħidma li għaddejja, u iżjed informazzjoni ta’ fejn irridu naslu.  

Dan l-att se jkun qiegħed jibni fuq l-Att tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol – Kapitlu 424 li ilu fis-seħħ għal dawn l-aħħar 20 sena; jinħtieġ li jkun aġġornat għall-iżvilupp li seħħ matul is-snin biex nassiguraw li jkollna liġi li tirrispondi f’ħin adekwat għall-esiġenzi fis-settur u li tkun tipprovdi deterrent effettiv.  

X’INHUMA L-AKTAR PUNTI KRUĊJALI LI SE JAGĦMLU L-AKTAR DIFFERENZA?  

Il-punti kruċjali li ser jagħmlu l-aktar differenza huma dawn li ġejjin: 

a) Ristrutturar tal-OHSA biex jiġu delineati l-irwoli u r-responsabbiltajiet tal-partijiet differenti li jiffurmaw l-Awtorità, filwaqt li jiżguraw livelli ogħla ta' governanza, 

b) It-tneħħija u l-emenda ta' dispożizzjonijiet mhux ċari fil-liġi kurrenti li jistgħu jwasslu għal interpretazzjoni żbaljata, 

c) L-inkoraġġiment ta' djalogu kostruttiv bejn l-OHSA u korpi kostitwiti dwar il-benefiċċji ta' żgurar ta' saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol, 

d) Ir-riforma tas-sistema ta' pieni biex jiżdied l-effett tad-deterrent, filwaqt li tiżgura infurzar rapidu u effettiv, 

f) L-introduzzjoni ta' proċedura ġdida ta' kompromess speċjali u t-twaqqif ta' Tribunal ġdid għas-Saħħa u s-Sigurtà, 

h) L-introduzzjoni tal-ħatra ta' Uffiċjal Responsabbli għas-Saħħa u s-Sigurtà (HSRO) għal ċerti oqsma tax-xogħol l-aktar ta’ riskju għoli, 

i) L-introduzzjoni tal-kunċett ta' strumenti amministrattivi li se jippermettu perjodi ta' żmien ħafna iqsar għall-Awtorità biex tintroduċi miżuri regolatorji urġenti. 

MIN HUMA D-DIPARTIMENTI JEW AĠENZIJI LI SE JKUNU PRIMARJAMENT MILQUTA MINN DAN KOLLU?  

Naturalment, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (l-OHSA) li ġet struttrata mill-ġdid, ser tiġi affetwata direttament b’dawn l-emendi. 

Kif spjegajt fil-mistoqsija ta’ qabel, biex inżidu l-effettività u l-effiċjenza, għaddejjin bi proċess ta’ ristrutturar fl-Awtorità fejn fost l-oħrajn iffirmajna żewġ ftehimiet kollettivi, wieħed f’Settembru u ieħor f’Mejju, biex mhux biss jitjiebu s-salarji u l-kundizzjonijiet, iżda jiżdied it-taħriġ biex insaħħu r-riżorsa umana. 

Minkejja l-isfida biex insibu nies kompetenti fost l-oħrajn fi rwoli tekniċi, il-mira hija li sal-aħħar tas-sena nżidu l-ħaddiema għal 60, b’20 oħra fis-sena li ġejja, biex sal-aħħar tal-2025 nkunu tripplajna l-ħaddiema li kellna fil-bidu ta’ din is-sena. 

ĠEJTU KRITIKATI MILL-KAP TAL-OPPOŻIZZJONI, FOST L-OĦRAJN, LI DIN HIJA "KNEE JERK REACTION". X'TIKKUMENTA? 

Din hija kritika popolista u fuq kollox inkonsistenti. Dan għaliex fis-6 ta’ Marzu 2024, l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni biex il-Gvern jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta fi żmien 6 xhur.  Issa għax il-Gvern qed juri b’liem serjetà qed imexxi dan il-proċess riformattiv, ħarġu jgħidu li qed issir bl-għaġla. 

B’responsabbilità, dan il-Gvern, sa mill-ewwel ħin wara l-publikazzjoni, impenja ruħu li mhux biss iwettaq ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika marbuta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia u l-miżuri fil-Manifest Malta Flimkien, imma jmur oltre`.  

Irid jiġi nnutat illi qabel ma ġiet ppubblikata din il-liġi, kien sar proċess twil ta’ konsultazzjoni inkluż bit-tnedija ta’ Whitepaper fit- 28 t’ April 2023 bl-isem ta’ A New Health and Safety at Work Act National, allura dan ċarament juri li dan mhux każ ta’ "knee jerk reaction”. 

Dan sar bil-parteċipazzjoni ta’ 13-il sottomissjoni fosthom mill-Imsieħba Soċjali (kemm rappreżentanti ta’ min iħaddem, kif ukoll trade unions), il-Malta Insurance Association (MIA), il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, kif ukoll individwi u gruppi involuti fis-saħħa u s-sigurtà. 

L-abbozz kien ġie mfassal, anke` tenut kont tal-feedback li kien daħal, però nħass li kien ikun opportun li nistennew r-rapport finali tal-inkjesta pubblika ta’ Jean Paul Sofia, u dan biex inkunu nistgħu nimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet li jsiru, kif fil-fatt għamilna. 

IL-KAŻ TA' JEAN PAUL SOFIA, SINTOMU TAL-PAJJIŻ, JEW KAŻ IŻOLAT?  

Kull każ għandu jittieħed b’serjetà kbira, l-istess bħalma għandna nitrattaw kull każ ta’ inċidenza fuq ix-xogħol. Dan m’għandux jinkludi biss dawk l-inċidenti fuq siti ta’ kostruzzjoni, anzi rridu nimxu lejn soċjetà li jimpurtaha minn kull ħaddiem biex flimkien inżidu l-kuxjenza u l-għarfien dwar l-importanza tas-salvagwardja tas-saħħa u s-sigurtà fuq kull xogħol. 

L-att il-ġdid irid ikun akkumpanjat ukoll f' bidla fil-mentalità tal-istakeholders kollha fejn dak li jissejjaħ  ‘culture of compliance', jisseddaq. 

Jien insellem lil dawk il-ħaddiema kollha li weġġgħu jew saħansitra tilfu ħajjithom traġikament fuq il-post tax-xogħol u nwiegħed li se nkomplu naħdmu b'mod diliġenti u bla heda biex nimplimentaw politika li tagħti prijorità lis-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, biex innaqqsu kemm jista’ jkun l-inċidenza ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol. 

LIL HINN MIR-REGOLAMENTI L-ĠODDA, HEMM UKOLL L-INFURZAR, LI DEJJEM KIEN PROBLEMA. X'SE JSIR DWAR DAN? 

Kif spjegajt aktar qabel, l-awtorità għandha pjan ċar tal-miri tagħha u fejn jeħtieġ naslu biex inkomplu ngħollu l-istandards. 

Se nkunu qegħdin inżidu l-penali sa €50,000 li din minnha nnifisha tfisser deterrent aktar qawwi għal dawk il-ftit li s’issa ħasbu li għal ftit ewro lesti jieħdu r-riskju. Minn multi ta’ €465, b’din il-liġi dak li jkun se jgħid, “aħjar ninvesti ftit eluf jew nitlef xi ġranet milli nopera sakemm nassigura li l-miżuri kollha ta’ prevenzjoni qegħdin hemm, milli neħel penali daqstant effettivi u ta’ deterrent.” 

Wieħed irid iqis ukoll li l-Att il-Ġdid se jirrevedi s-sistema ta' multi u pieni amministrattivi u se jagħti lill-partijiet ikkonċernati l-opportunità li joġġezzjonaw formalment għal reat ikklassifikat bħala piena amministrattiva, quddiem it-Tribunal tas-Saħħa u s-Sigurtà li se jiġi stabbilit biex jisma' pretensjonijiet relatati ma' ksur ta' natura amministrattiva.  

It-Tribunal tas-Saħħa u s-Sigurtà se jkun kompetenti wkoll biex jisma' appell minn kwalunkwe` persuna wara deċiżjonijiet, ordnijiet, jew Strumenti Amministrattivi maħruġa mill-Awtorità.  

Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-proċedimenti fil-Qrati Kriminali li jitrattaw reati mwettqa b'rabta ma' preżenza ta' riskju immedjat u serju għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jew, fejn tkun irriżultat f'post tax-xogħol fatalità, korriment jew marda serja għal kwalunkwe` persuna. 

L-Att il-Ġdid se jintroduċi wkoll proċedura speċjali ta' kompromess fejn, meta l-Awtorità temmen li persuna tkun wettqet reat li jaqa' taħt is-sistema tal-proċedura speċjali ta' kompromess, l-Awtorità tista' tagħti avviż bil-miktub lil dik il-persuna li tiddeskrivi r-reat li bih il-persuna tkun akkużata, tindika l-passi li għandhom jittieħdu biex jiġi rimedjat ir-reat, u toħroġ multa ta' kompromess li hija meħtieġa titħallas fir-rigward ta' dak ir-reat. 

It-twaqqif ta' dan it-tribunal u l-proċedura speċjali ta’ kompromess se jnaqqas il-piż tal-każijiet fil-qrati, li jirriżulta f'infurzar aktar rapidu u effiċjenti. 

Oltre` minn dan it-tibdil leġiżlattiv, in-numru ta’ spezzjonijiet u azzjonijiet li qed jittieħdu mill-Awtorità fl-aħħar sena żdiedu b’mod sinifikanti. Hija l-intenzjoni tagħna li nkomplu nsostnu dan ir-ritmu anke b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra bħall- Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni. Fiż-żmien li ġej se nkunu wkoll f’pożizzjoni li nħabbru servizzi ġodda għall-pubbliku li qed isiru b’kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet. 

PROBLEMA OĦRA HIJA L-KOORDINAZJONI BEJN ID-DIPARTIMENTI U L-AĠENZIJI. KIF SE TISSOLVA DIN? 

L-Att l-ġdid jgħid ċar li l-Awtorità għandha s-setgħa li tiddelega d-dmirijiet, il-funzjonijiet, is-setgħat u r-responsabbiltajiet tagħha  lill-awtoritajiet kompetenti oħra kif tqis meħtieġ għall-implimentazzjoni u l-infurzar effettiv tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol. Dan waqt li l-awtorità delegata għandha tipprovdi rapporti, aġġornamenti u informazzjoni regolari lill-Awtorità dwar l-implimentazzjoni ta’ dmirijiet delegati.  

Dawn id-dispożizzjonijiet fil-liġi se jagħtuna l-possibbilità li nkomplu nsaħħu l-kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħrajn, fuq quddiem il-BCA fis-settur tal-Kostruzzjoni. Dan biex kif diġà spjegajt, mhux biss naraw li jkollna nfurzar aktar effettiv fis-settur, imma wkoll nipprovdu servizz li jagħti aktar vuċi b’saħħitha lit-terzi li jkunu affettwati mill-kostruzzjoni u l-ħaddiema. 

IR-RATA MGĦAĠĠLA TAL-KOSTRUZZJONI F'MALTA U GĦAWDEX TAGĦMILHA UMANAMENT IMPOSSIBLI LI WIEĦED JGĦASSES L-IŻVILUPP KOLLU. KIF BEĦSIEBKOM TINDIRIZZAW DIN? 

Qegħdin jiġu emendati liġijiet sussidjari li speċifikament jirregolaw il-kostruzzjoni, iżda dan l-Att bħala enabling act jgħasses il-punti ġenerali fir-rigward tal-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol kollha. 

Se jingħata rwol ħafna aktar b’saħħtu lill-Project Supervisors permezz ta' għadd ta’ liġijiet sussidjarja, b' tali mod illi l-abbużi jistgħu jiġu mwaqqfa aħjar b'rimedji b’saħħithom. 

Dan flimkien ma’ pieni aktar effettivi, kif ukoll investiment fit-taħriġ ta' impjegati ġodda mal-awtorità, li għandu jirriżulta fi tnaqqis ta' dan l-abbuż. 

Il-liġi sussidjarja se tkompli tkun diskussa mal-istakeholders fil-ġimgħat li ġejjin. 

More in Intervisti