‘L-UE ma tistax tindaħal x’nagħmlu bis-sussidji’
L-MEP ġdid tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius jispjega mal-ILLUM x'qed tistenna l-Kummissjoni Ewropea minn Malta ġaladarba wissiet bi proċeduri ta’ defiċit eċċessiv. • Jgħid li l-Kummissjoni ma tistax tobbliga lil Malta kif tasal għar-riżultat mistenna, l-aqwa li tasal
minn Marianna Calleja
Kif tħossok bir-riżultat tal-elezzjonijiet Ewropej?
Jien dwar ir-riżultat ġenerali, fejn jidħol il-Partit Nazzjonalista, l-emozzjonijiet tiegħek kienu, “fl-aħħar!”
Taf kif? Fl-aħħar hemm aktar nies qed jirrealizzaw x’aħna qegħdin ngħidu u nagħmlu. Qisu kien konferma ta’ dak kollu li pruvajna, u x-xogħol kollu li għamilna f’xhur twal. Għax inti, meta tieħu kont, u tibda tħares lejn is-sondaġġi, minkejja li pruvajna nidħlu f’politika aktar serja, ħafna aktar qrib in-nies, konna ngħidu dak li qed nagħmlu mhux jinftiehem biżżejjed min-nies. Mhux qed nasal biżżejjed bil-messaġġ tiegħi. Allura b’din l-elezzjoni, b’dan ir-riżultat, l-ewwel sentiment għalina jkun, “eh mela qed jifhmuna iktar milli konna qed naħsbu.”
Dak kien l-ewwel sentiment, u mhux tiegħi biss, imma ta’ aktar.
Fuq livell personali, kont ilni nara sondaġġi jpoġġuni wara Roberta Metsola. Imma inti meta tikkommetti ħafna mill-ħin tiegħek, l-enerġija u l-impenn personali, ma tantx tafda ... Jien bqajt sal-aħħar mument, sakemm tawni r-riżultat, ma ridtx nemmnu.
Ridt narah iswed fuq l-abjad biex nemmen. Fil-fatt lanqas kelli l-kuraġġ biex ninżel kmieni s-Sala tal-Għadd tal-voti, anke jekk ħafna mill-indikazzjonijiet bdew jgħiduli “Peter tlajt.”
Kont tajt wisq biex ... ridt naraha iswed fuq l-abjad. Is-sentiment tiegħi hemm kien ta’ responsabbiltà. Mal-ewwel ħassejt sens kbir ta’ responsabbiltà biex din il-fiduċja li tawni n-nies nittrasformaha f’riżultat.
Qed iwaqqfuni nies ferħanin ħafna li jiena tlajt, imma dan ifisser aspettattivi kbar. In-nies mit-tielet siġġu qed jistennew ħafna. Qed jistennew li l-PN ikun iktar preżenti, ikun iktar effettiv, u dan li nixtieq li nwassal. Inwassal it-tama.
Kien hemm kritika fuq il-PN għax feraħ bir-riżultat minkejja li tilef. X’inhu s-sentiment tiegħek dwar dan?
Iva, imma wara li tkun ilek 12-il sena titlef, u wara li kellek il-Gvern itellef bl-iktar mod sfaċċat u kważi illegali, huwa naturali li r-reazzjoni tkun ta’ ferħ. Għax qed naraw li issa hemm trend differenti. Hija dik il-bidla li kellna bżonn.
Aħna nafu li bih dan ir-riżultat mhux se nbiddlu Gvern. Konna nafuha, u għednieha, imma ħadna l-aqwa riżultat li stajna nieħdu. Li huwa s-siġġu, u mbagħad fuq livell ta’ Kunsilli lokali, ħadna l-maġġoranza lura ta’ bosta lokalitajiet.
Taħseb li Metsola kienet fattur kbir fir-riżultat tal-elezzjoni?
Ifhem, jien naħseb li kull min jivvota lill-kandidat, fis-sistema tagħna jaf li jaqa’ taħt kappa ta’ partit politiku. The Lions share.
Prattikament 95% tal-voti ta’ Roberta Metsola pereżempju, li ntirtu, marru għand il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista. Dan jurik li dawn il-votanti vvutaw lil Partit Nazzjonalista, mhux hekk?
Bħalma l-voti tiegħi marru fuq kandidati oħrajn, skont min kien it-tieni u t-tielet preferut.
Naħseb aħna la tim li kollha naqgħu taħt il-Partit Nazzjonalista, ma naħsibx mhux b’kumbinazzjoni, jew konvenjenza.
Jiena għamilt snin sħaħ nimmilita fil-partit, anke meta ma kontx kandidat, eżempju fl-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet u anke li ġejja.
Aħna rridu l-bidla fil-pajjiż, u l-ġid fis-soċjetà, mhux b’rabta ta’ kandidatura ta’ persuna partikolari.
Il-fatt li kien hemm turn out inqas, u aktar voti marru għand l-indipendenti tinkwetak?
Ifhem, jien naħseb li għandna bżonn nirrispettaw il-volontà tal-poplu speċjalment ta’ dawk li ma vvutawx lilna. Dawk li ma vvutawx lilna, irridu nifhmu għaliex, u kif nistgħu ningħaqdu ma’ dawn il-votanti wkoll.
Jien, u anke kandidati oħra, ninnutaw li ħadna ftit voti mhux ħażin minn kandidati indipendenti, wara li waqgħu. Eżempju jien ħadt madwar 4,000 vot minn Arnold Cassola.
Qed nipprova nara l-affarijiet b’mod oġġettiv, wieħed irid jara għaliex il-kandidati indipendenti qed jattiraw dak it-tip ta’ appoġġ.
Sintendi meta tkun parti minn partit kbir, b’vokazzjoni li jmexxi l-pajjiż, hija naturali li bil-pożizzjoni kollha li tieħu, tibda ssir aktar diffiċli biex tintogħġob ma’ kulħadd. Ħa jkollok aktar x’titlef. Meta tkun kandidat waħdek, sa ċertu punt se jkollok dak il-lussu. Hemm ukoll żvantaġġi, imma meta titkellem fuq ċerti temi, ħadd mhu se jmerik għax int waħdek.
Irridu nirriflettu, x’inhuma dawk it-temi, li l-poplu tagħna għandhom bżonn aktar attenzjoni fuqhom. Għaliex mhux jaraw soluzzjoni fil-Partit Nazzjonalista f’ċerti temi?
Għal dawn irridu ntejbu s-sistema. L-ewwel mistoqsija li rridu nagħmlu hija, “aħna kif nistgħu ntejbu lilna nfusna. Hemm armata sħiħa ta’ nies li ma vvutawx, jew lanqas biss tħajru jmorru jiġbru l-vot. Dan huwa punt li għandna bżonn nirriflettu fuqu.
Naħseb sejrin fit-triq it-tajba, għandna entużjażmu mġedded, għax fuq kollox għandek bżonn il-moral, li dan is-siġġu tagħna.
Fuq l-aħbar li l-Kummissjoni Ewropea wissiet lil Malta bi proċeduri ta’ defiċit eċċessiv, x’tikkumenta dwar dan l-ewwel nett?
Din ilha biex tiġri sentejn. Ilhom jersqu ’l hemm. Tinsiex li għandek lil Clyde Caruana lil Malta daħħalha f’dejn erba’ darbiet iktar mill-ministri ta’ qablu. Ejja nieħdu kont tas-sitwazzjoni l-ewwel. Dawn akkumulaw rekord storiku ta’ dejn. Qatt ma kellna daqshekk dejn, f’perjodu daqshekk qasir fl-istorja ta’ Malta.
Il-gvern ġabna f’sitwazzjoni, fejn bażikament il-baġit tiegħu se jkun taħt skrutinju mill-Kummissjoni Ewropea.
Din mhux xi ħaġa li ttina gost, anzi hija xi ħaġa ta’ dwejjaq, għalija bħala Maltin, u anke għalina bħala Partit Nazzjonalista.
Din mhix aħbar li tieħu pjaċir biha għax dan ifisser li l-baġit lokali ma niddiskutuhx biss fil-Kamra tad-Deputati imma anke fi Brussell.
Din hija traġika hux, qed juri kemm gvern inkompetenti u mhux li tafdah.
Meta tara l-erba’ rakkomandazzjonijiet, irrakkomandat li sax-xitwa li ġejja titneħħa l-iskema tal-enerġija ...
Importanti ħafna li nispeċifikaw li l-Ewropa m’għandha l-ebda kompetenza tgħidlek eżatt kif taqsmu d-dejn. Ejja nagħmluha ċara. L-Ewropa tista’ biss tagħtik parir. Tgħidlek tista’ tnaqqas minn hawn, jew tista’ tnaqqas minn hemm. Sewwa? Issa, meta wieħed jara ċ-ċifri ta’ Malta, issa s-sussidju ovvjament jidher ħafna.
Però għandek ħafna pajjiżi oħrajn li in the long term l-enerġija tagħhom qed tiġi irħas għax investew f’enerġija rinovabbli. Jiġifieri lil dawk il-pajjiżi, il-Kummissjoni Ewropea mhux tgħidilhom neħħu s-sussidji, jew għollu d-dawl, bil-kontra anzi. Qed tifhem? Pajjiżi bħal Franza, l-Estonja, il-Polonja, pajjiżi fil-Baltiku ... li tant investew f’enerġija rinovabbli l-kont tad-dawl f’dawn il-pajjiżi jiġi irħas. Voldieri l-kwistjoni tad-dawl saret sfida wkoll, għax il-Gvern naqqas biex jagħmel l-investimenti. U dan meta tqis li qegħdin imdawrin bil-baħar, u għandna potenzjal kbir li jkollna off-shore wind energy tal-ġenn. Malta qiegħda f’pożizzjoni vera tajba, imma tlifna l-aħħar 13-il sena, mingħajr ma bdejna proġetti.
Meta l-Kummissjoni tagħmel proċeduri ta’ defiċit tobbligak bir-riżultat, u mhux kif se tasal. L-Unjoni Ewropea ma tistax tindaħlilna x’se nagħmlu bis-sussidju, dak huwa biss rakkomandazzjoni.
L-UE qed tieħu nota li l-enerġija f’Malta għadha tidependendi fuq l-importazzjoni, inkluż iż-żejt, u allura qisha qed tippunta lejn dan il-fenomenu.
Ma tistax tobbligana kif tasal, l-aqwa li tasal.