Nigel Holland: ‘Ma stennejtx li l-indipendenti kien se jkollhom daqstant suċċess’

Fl-istess ġimgħa li l-Furjana tagħżel is-Sindku tagħha, il-gazzetta ILLUM titkellem mal-unika kunsillier indipendenti fil-lokalità, Nigel Holland

Tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod mill-Belt Kapitali nsibu l-Furjana, li fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali ntilfet mill-Partit Laburista u spiċċat bla maġġoranza. 

Il-Furjana fl-2019 intrebħet mill-Partit Laburista bi tliet siġġijiet, kontra tnejn tal-Partit Nazzjonalista. Iżda l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali din is-sena ħallew il-kunsill Furjaniż mdendel bla sindku. 

Is-sindku ta’ lokalità huwa, skont il-liġi, il-kunsillier li jikseb l-ogħla numru ta’ voti minn fost dawk li jirrappreżentaw lill-partit li jikseb il-maġġoranza. Iżda, fil-każ tal-Furjana, l-ebda partit ma kiseb maġġoranza u mill-ħames kunsilliera eletti, tnejn huma mill-Partit Laburista, tnejn mill-Partit Nazzjonalista u l-ħames huwa indipendenti. 

Fl-4 ta’ Lulju, il-Kunsilliera Furjaniżi se jaraw li jinħatar is-Sindku tal-Furjana għall-ħames snin li ġejjin. Holland kemm-il darba kien sindku ta’ din il-lokalità, u din is-sena għandu ċans ieħor li jerġa’ jkun. Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Holland dwar il-prijoritajiet tiegħu għall-Furjaniżi, dak li jixtieq jaħdem fuqu u d-diskussjonijiet minn wara l-kwinti. 

Kif tħossok issa, wara li l-Furjaniżi tawk il-fiduċja tagħhom għal darb’oħra?  

Ninsab sodisfatt li wara numru ta’ snin, il-Furjaniżi reġgħu taw fiduċja lill-kandidat indipendenti bħalma kienet ir-regola fil-Furjana għal numru ta’ snin. Jidher li l-Furjaniżi reġgħu apprezzaw il-fatt li l-aħjar kunsill lokali li kellha l-Furjana, f’termini ta’ effiċjenza u impenn, kienu dawk meta kien hemm taħlita ta’ kandidati li joħorġu mal-partiti politiċi u kandidati indipendenti. 

X’inhu l-pass li jmiss għall-kunsill lokali issa, ġaladarba għadu jrid jintgħażel sindku?  

Il-ħidma tal-kunsill lokali tista’ tibda biss bis-serjetà meta ssir il-ħatra ta’ sindku u l-istess kunsill lokali jibda jiltaqa’ b’mod regolari. Jekk wieħed jgħarbel l-istorja tal-Kunsill Lokali tal-Furjana sa mit-twaqqif tiegħu, il-possibbiltà li nsir sindku hija waħda għolja ferm għax l-istorja turi li kull meta ġew eletti kandidati indipendenti fil-kunsill lokali tagħna, eventwalment kien kandidat indipendenti li ġie maħtur fil-kariga ta’ Sindku tal-Furjana u jidher li dan l-istat ta’ fatt dejjem niżel tajjeb mal-poplu Furjaniż. Diskussjonijiet mal-partiti eletti dejjem kien hemm imma, fil-każ tiegħi, dejjem iddiskutejt mal-kandidati eletti u qatt ma ddiskutejt direttament ma’ uffiċjali tal-partiti politiċi. 

X’inhuma l-prijoritajiet u l-inizjattivi prinċipali li biħsiebek taħdem fuqhom? Kif biħsiebek tinvolvi u tindirizza l-preokkupazzjonijiet tar-residenti fil-Furjana? Liema taħseb li huma l-prijoritajiet?  

L-ewwel prijorità tiegħi hija pjuttost bażika għax fost l-aktar ilmenti li rċevejt mir-residenti waqt iż-żjajjar fid-djar tul il-kampanja elettorali kienu dwar it-telqa u r-rovina f’ġonna, pjazez u postijiet oħra li kien irnexxielna nirriabilitaw u nsebbħu fis-snin mgħoddija, kif ukoll li nerġgħu nagħtu l-ħajja lid-diversi inizjattivi kulturali, soċjali, u edukattivi li konna introduċejna fil-kalendarju annwali Furjaniż.  

Hemm bżonn urġenti li nerġgħu nirxoxtaw is-sottokumitati varji tal-kunsill lokali inkarigati minn diversi oqsma tal-Furjana u l-komunità tagħha, ifformati mir-residenti stess, biex ninvolvuhom direttament fl-indirizzar tal-preokkupazzjonijiet tagħhom. Il-prijoritajiet tal-Furjaniżi jibqgħu fuq il-popolazzjoni dejjem tixjieħ u tonqos fil-lokalità, l-indafa pubblika, is-sistema ta’ parkeġġ residenzjali u l-manutenzjoni infrastrutturali kostanti tal-postijiet pubbliċi fil-lokalità. 

Kif tinterpreta r-riżultati tajbin li ġabu l-indipendenti fiż-żewġ elezzjonijiet ta’ Ġunju? U bl-istess mod, x’jidhirlek fuq it-turn out baxx? 

Biex inkun onest, ma stennejtx li fis-sitwazzjoni politika partiġġjana li kellna f’pajjiżna f’dawn l-aħħar xhur, l-indipendenti kien se jkollhom daqstant suċċess għax ħsibt li l-polarizzazzjoni politika partiġġjana kienet se tiżdied a skapitu ta’ kandidati indipendenti. Li dan ma seħħx juri li l-poplu tagħna qed ikompli jimmatura u, bħalma ġara diversi drabi fil-Furjana fejn konna prattikament l-unika eċċezzjoni, issa fid-diversi bliet u rħula tagħna, in-nies qed jifhmu li l-elezzjonijiet għall-kunsilli lokali huma propju għall-gvern lokali tal-belt u raħal li jkun u l-kandidati indipendenti validi għandhom jiġu kkunsidrati wkoll meta wieħed imur jivvota.  

Fir-rigward tal-affluwenza baxxa għall-vot, wieħed irid joqgħod attent li ma jasalx f’konklużjonijiet mgħaġġla. Wieħed irid iqis li llum hemm eluf u eluf ta’ barranin intitolati għall-vot għall-kunsilli lokali u, għal raġuni jew oħra, naħseb li huma minoranza żgħira li jinteressaw ruħhom li jivvotaw. Però, nemmen li l-akbar periklu għall-kunsilli lokali huwa li mhux talli ma jingħatawx aktar poteri, anzi jidher li l-poteri tnaqqqsulhom u dan faċilment iwassal biex ir-residenti jħossu li l-vot għall-kunsill lokali tagħhom huwa prattikament inutli u superfluwu jekk l-istess kunsill lokali ma jkollux l-għodda biex jiġu indirizzati l-preokkupazzjonijiet u l-aspirazzjonijiet urġenti tagħhom. 

More in Intervisti