Matthew Borg: ‘Konvenjenti ħafna għall-Gvern u l-Oppożizzjoni jippuntaw lejn xulxin, speċjalment jekk ebda wieħed ma jrid jiċċaqlaq’

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Matthew Borg, Teżorier ta’ Il-Kollettiv, qabel ma’ ngħaqdu seba’ għaqdiet ta’ residenti fil-Pjazza taż-Żurrieq b’talba ta’ bidla fil-Pjan Lokali tal-2006 

Għal liema bidliet eżatt qed timbottaw fir-riforma elettorali? 

Bil-petizzjoni fuq is-sit tal-Parlament ta’ Malta u bix-xogħol li qegħdin inwettqu, il-Kollettiv qed jimbotta sabiex jinfetaħ proċess ta’ konsultazzjoni għal rifoma tal-liġi elettorali qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Il-poplu Malti u Għawdxi bagħat messaġġ ċar ftit ilu fl-aħħar elezzjoni għall-Parlament Ewropew. Nemmnu li s-sistema tal-lum hija inġusta għax tiffavorixxi lill-partiti stabbiliti u toħnoq il-vuċijiet tal-partiti ż-żgħar, li huma tant importanti għal demokrazija rappreżentattiva u pluralista. 

Iddikjarajna bil-quddiem li nistennew introduzzjoni ta’ kwota nazzjonali u allura t-tmiem tal-bżonn li partit żgħir ikollu jilħaq kwota ta’ 16.7% fuq livell ta’ distrett biex jeleġġi l-kandidati. Naturalment, il-Kollettiv diġà qed jipprepara l-proposti tiegħu bi preparament għal dan il-proċess. 

Dawn ir-riformi kif se jgħinu lill-partiti żgħar u lill-indipendenti? 

Din ir-riforma għandha tkun ta’ siwi għall-elettorat kollu, billi twassal għal iżjed għażliet u iżjed kontroll fuq min jiġi elett. Daqshekk nisimgħu t-theddida li vot għal partit li mhux il-PL jew il-PN hu vot moħli, u verament kull vot jibda jgħodd. Kull partit li jkun kapaċi jilħaq il-kwota nazzjonali jkollu d-dritt li jkun rappreżentat bin-numru ta’ siġġijiet xierqa skont in-numru ta’ kwoti miksuba. Nemmnu li r-riforma għandha tkun wiesgħa. 

Il-pubbliku kif qed jirreaġixxi għall-petizzjoni?  

Kellna rispons tajjeb ħafna, anke għax ġiet rikonoxxuta l-ħtieġa għal riforma. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fakkar li l-PN inkluda proposta għall-introduzzjoni ta’ kwota nazzjonali ta’ 5%.  Wiegħed ukoll li se jkun qed iżomm din il-proposta fil-manifest elettorali għall-elezzjoni li jmiss. Filwaqt li l-Kollettiv japprezza l-pożizzjoni favur id-dħul ta’ kwota nazzjonali min-naħa tal-Partit Nazzjonalista, ma nistgħux inqisu dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni b’xi mod bħala biżżejjed. Dan għax il-poplu kien ċar fuq il-bidla li jrid. Id-demokrazija rappreżentattiva rriduha mil-leġiżlatura li jmiss u mhux minn ta’ warajha, u żgur li l-bidla fil-liġi m’għandhiex tħoll u torbot fuq li l-PN jirbaħ l-elezzjoni li jmiss. L-elettorat ħaqqu aħjar, minn issa. 

Kif qed tippjanaw li tinkoraġġixxu lokalitajiet oħra biex jgħaqqdu gruppi residenzjali? 

Il-Kollettiv twaqqaf biex jaħdem għan-nies man-nies, u allura jkollna ħafna diskussjonijiet fuq livell lokali u ma’ gruppi tar-residenti. Meta nitkellmu man-nies fl-irħula nindunaw kemm hawn rieda li r-residenti jaħdmu għal dak li huwa tagħhom, għat-tisbiħ tal-lokalità, għal proġetti komunitarji u biex jipproteġu dak kollu li hu tajjeb. Għal ħafna żmien kien hawn it-twemmin li n-nies igergru imma wara “ħadd ma jrid jagħmel xejn”.  

L-esperjenzi li kellna s’issa jmeru dan. Hawn stejjer ta’ suċċess bħalma huma l-Għaqda Residenti taż-Żurrieq u l-Marsaskala Residents Network, żewġ għaqdiet relattivament żgħażagħ li twieldu mill-entużjażmu u r-rieda tar-residenti. Huma dawn ir-rebħiet li nużaw bħala eżempju għal gruppi ta’ residenti oħra li juru l-ħeġġa inizjali li jingħaqdu. Rebħiet bħall-applikazzjoni massiċċa li ġiet proposta fiż-żona tal-Bebbux fiż-Żurrieq, u li f’kollaborazzjoni mal-Għaqda Residenti taż-Żurrieq rnexxielna nikkonvinċu sabiex l-art tal-Gvern f’dik l-applikazzjoni – il-biċċa l-kbira – ma tingħatax għall-iżvilupp iżda tkun f’idejn il-Kunsill Lokali.  

B’dal-mod għenna wkoll lill-għaqda tar-residenti sabiex tiddiskuti mal-kunsill tal-post u flimkien iġibu r-riżultati. L-istess jista’ jingħad għan-Nigret –  sena wara li ġiet approvata l-PC, għad m’hemmx il-firma tal-Ministru biex il-bini jibda, u dan grazzi għall-pressjoni mill-għaqda tar-residenti. Għenna wkoll lir-residenti tal-Imqabba u l-Qrendi meta waqqafna milli jsir impjant tat-tarmak passejn bogħod min-nies. Morna anki Ħal Safi, u meta ħdimna mar-residenti ta’ hemm, f’temp ta’ ftit ġimgħat laqqajna grupp u saret il-pressjoni. L-applikazzjoni ma ġietx approvata. Hemm aktar, u ċerti li dan il-mudell se jkompli jinfirex għax hu wieħed li jagħti l-frott. 

Il-Kollettiv kif qed jippjana li jappoġġja lir-residenti f’lokalitajiet biex jorganizzaw lilhom infushom? 

Xi ħaġa li spiss inħabbtu wiċċna magħha hi d-diviżjoni li ġġib il-pika politika jew tal-każini u kemm issir ħsara meta tiġi imbuttata għal raġunijiet partiġġjani. Waqt xogħolna nassistu l-komunitajiet jifhmu kemm din mhix fl-interess tagħhom u kemm minflok taħdem kontrihom u kontra l-ispazji miftuħa u komuni.  

Meta naħdmu mill-qrib mar-residenti f’xi raħal jew belt, aħna niffukaw fuq dak li jgħaqqad u dak li kulħadd jgħożż dwar il-komunità tagħhom. Inħeġġu lir-residenti jikkunsidraw il-ġid komuni u jinsew il-politika partiġġjana; dan għax il-konsegwenzi tat-tkissir tal-komunità ma jsofrihx il-partit imma r-residenti.  

Nassistu lir-residenti jieħdu iżjed kontroll ta’ x’jiġri fil-komunitajiet tagħhom u sabiex ikunu awtonomi fit-tmexxija tal-kampanji tagħhom. Importanti li jkollhom kontroll fuq id-destin ta’ dak li qed jiġri madwarhom u s-sens li ħadd m’għandu dritt ikissrilhom l-ambjent li jgħixu fih. 

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tagħna hija l-preservazzjoni u l-ħolqien tal-ġid komuni, u ħadd aħjar mir-residenti ma jifhem ir-realtajiet tar-raħal. 

Se nkomplu naħdmu sabiex permezz ta’ dan ix-xogħol jitqiegħdu l-bażijiet għall-azzjoni kollettiva fl-irħula, mir-residenti għar-residenti, sabiex komunità wara l-oħra l-poplu jieħu lura l-kontroll.  

Liema sfidi l-aktar li qed jiffaċċjaw il-gruppi residenti? 

Il-kostruzzjoni eċċessiva bla dubju hija waħda minnhom. Inbidlet is-sura tal-irħula, il-fibra soċjali, intilfu l-postijiet fejn jiltaqgħu l-komunitajiet, u tkissru viċinati sħaħ. Hemm pressjonijiet kostanti fuq l-infrastruttura lokali f’bosta rħula. F’ċerti żoni, imbagħad, issib li lanqas tista’ timxi fuq bankina għax ċerti ristoranti u bars belgħu kollox, u l-pressjoni fuq l-ispazji miftuħa dejjem tiżdied.  

F’xi rħula ssib anke sindki u kunsilliera lokali li ma jiġbdux il-ħabel mar-residenti u spiss jabbandunawhom għal riħhom. 

Il-problemi tal-iżviluppi massiċċi u l-bini li jkerrah iħallu effetti personali wkoll. L-għaqdiet ilaqqgħuna ma’ esperjenzi veri ta’ tbatija. Tkellimna ma’ anzjan li meta sema’ dwar l-applikazzjoni tal-Bebbux qalilna li jekk tgħaddi, jista’ jibda jħaffer sitt piedi u jintefa’ fihom. Kliem iebes li ma missu jgħaddi minn moħħ ħadd, aħseb u ara li jlissinhom persuna li għex ħajtu fil-viċinat u kkontribwixxa għat-tiġdid tiegħu. Jew residenta tan-Nigret u li ġieli jaqbadha l-biki taħseb dwar il-blokok telgħin madwarha. 

Bil-ħidma li l-Kollettiv iwettaq mar-residenti, irridu li dawn l-esperjenzi jitilgħu fil-wiċċ u jkunu fiċ-ċentru ta’ bidla fl-ippjanar li qed nesiġu. 

Tista’ tipprovdi eżempji speċifiċi ta’ kif il-Pjanijiet Lokali tal-2006 kellhom impatt negattiv fuq il-kwalità tal-ħajja fil-lokalitajiet rispettivi? 

L-ikbar impatt ġie mill-iskema ta’ “rationalisation” li ħolom George Pullicino dak iż-żmien: il-fatt li meded kbar ta’ art infetħu għall-iżvilupp fl-2016 wassal għal splużjoni fl-applikazzjonijiet, u ppermetta wkoll spekulazzjoni doppja fuq art tal-Gvern. Min xtara art ODZ kien jaf li se tinfetaħ għall-iżvilupp u li se jiżdied il-valur tal-art; imbagħad, bil-bini u l-bejgħ ta’ appartamenti, jagħmel profitt doppju. 

Dan laqat lir-residenti b’numru ta’ modi: intilfu pulmuni ħodor, qed jisparixxu l-għelieqi u l-ispazzji miftuħa bejn l-irħula u fl-irħula nfushom, speċjalment fiż-żona ta’ wara l-mina; żdiedu t-toroq, il-karozzi, l-istorbju u t-tniġġis. 

F’Marsaskala, il-Local Plan kien indika l-lokalità bħala waħda minn lista sħiħa fejn setgħet issir marina; ir-residenti għamlu pressjoni fuq il-Gvern biex jemenda l-Local Plan u nittamaw li dan il-proċess isir mingħajr ma jinfetħu loopholes ġodda. 

Fiż-Żurrieq insibu madwar 15-il żona ta’ rationalisation, u fuq ħafna minn dawn – fosthom in-Nigret u tal-Bebbux – hemm applikazzjonijiet ta’ rezoning (waħda minnhom tal-istess Pullicino). Xi kwalità tal-ħajja għandhom jistennew ir-residenti taż-Żurrieq jekk din l-art kollha tinbena? 

Tajjeb ngħidu wkoll li minbarra l-kwistjoni tar-rationalisation, hemm dik tal-policies – bħad-DC15 – li għamlu iżjed ħsara għaliex inkitbu ħażin u bl-għan li jiġu interpretati b’ċerta libertà. Ma jagħmilx sens li pjan lokali jiġi mittiefes minn policies sekondarji bħal dawn. Anke dawn il-policies iridu jerġgħu jinħadmu, b’mod li jżommu lir-residenti f’moħħhom. 

Il-gvern kemm-il darba wieġeb għal talb simili jgħid li għandu “idu marbuta,” u “ma jista’ jagħmel xejn” filwaqt li jweħħel fil-Partit Nazzjonalista li hu ġab din il-bidla. X’tikkummenta dwar dan? 

Taħseb li kumbinazzjoni li l-ħmar iwaħħal f’denbu? Konvenjenti ħafna għall-Gvern u l-Oppożizzjoni jippuntaw lejn xulxin, speċjalment jekk ebda wieħed ma jrid jiċċaqlaq. 

Il-Gvern jista’ faċilment jemenda l-pjanijiet lokali kif għamel fil-Qala, minkejja talba redikola tal-iżviluppaturi għal kumpens ta’ €22m biex il-Gvern jieħu lura l-art. Fl-2015 saru bosta rtokki fil-Local Plans – kif ġara fl-Imrieħel – li dejjem iffavorixxew iżjed żvilupp. 

L-idea li l-Gvern ikollu jħallas kumpens jekk tinbidel id-diżinjazzjoni tal-artijiet hija sempliċement fażulla. Il-permessi għandhom jingħataw skont il-liġijiet u l-policies, u billi wieħed ikollu biċċa art ma jfissirx li għandu dritt jibniha. Ma hemm ebda liġi li tgħid li d-dritt li wieħed jibni proprjetà huwa ogħla mill-Att dwar l-Ippjanar, il-Local Plan, u l-policies sekondarji; fil-fatt, din il-liġi ma teżistix, u kieku teżisti nistgħu sempliċement inħassru l-kategorija ta’ ODZ u nippermettu lil kulħadd jagħmel li jrid. 

Idea oħra żbaljata dwar l-artijiet li ġew razzjonalizzati fil-Pjan Lokali tal-2006 hi li din l-art hi privata, u allura n-nies qed titlef il-flus jekk ħaddieħor jipprova jwaqqaf xi applikazzjoni. Mhux il-każ. Ħafna mill-art hi tal-Gvern – tiegħi u tiegħek – u allura l-privat mhuwa jitlef xejn jekk il-bini ma jsirx. Qatt tisma’ lill-politiċi taż-żewġ partiti jitkellmu hekk?  

Il-PN s’issa dejjem baqa’ lura milli jikkritika l-Local Plans, anzi, milli jitkellem dwar l-iżvilupp eċċessiv.   

Is-silenzju tal-PN u l-iżgwidar fl-istqarrijiet tal-Gvern iħassbuna. Għax dawn jafu li r-reviżjonijiet fil-Pjan Lokali jistgħu jsiru, iżda jibqgħu jirrepetu l-istess affarijiet. Dan hu ta’ diżrispett lejn ir-residenti, u l-melħ fuq il-ġerħa jkompli jintefa’ għax nafu li dawn residenti li qed ibatu. 

Attivisti ilhom is-snin jittrattaw dawn il-kwistjonijiet. Għaliex taħseb li din id-darba tista’ tirnexxi fejn l-isforzi tal-passat fallew? 

L-għajta ġejja mir-residenti li xebgħu jaraw tifrik madwarhom, u bit-trab u l-istorbju fi djarhom. Nemmen li l-pressjoni tagħhom biss tista’ tbiddel l-affarijiet. Fl-aħħar mill-aħħar hemm għażla. Il-partiti jridux ikunu gvern jew tal-poplu jew tal-iżviluppaturi, imma ma jistgħux ikunu t-tnejn. Il-Prim Ministru ammetta li l-poplu kien ċar mal-Gvern Laburista, li kulma jmur sar il-partit tal-iżviluppaturi, u ta’ x’jifhem li se jġib il-bidliet. Aħna ma nemmnux li se jkun qed iwettaq il-bidliet li qal għax is-suċċess ekonomiku li jiftaħar bih il-Partit Laburista hu mibni fuq il-kummerċjalizzazzjoni u l-kostruzzjoni. 

Minkejja l-isforzi, ħafna residenti jibqgħu apatiċi. Kif qed tippjanaw li timmobilizzaw bażi usa’ ta’ appoġġ u tiżgura parteċipazzjoni pubblika aħjar fil-kampanja tagħkom? 

Ma naqblux li hawn l-apatija. Anzi nistgħu ngħidu li minn dak li rajna tul din l-aħħar sena, hawn ħafna rieda tajba u ħafna xewqa għal bidla pożittiva. Dan jagħtina kuraġġ kbir, kif jagħtina kuraġġ kbir naraw lill-għaqdiet f’Marsaskala, fil-Qrendi, f’Ħal Safi, u fiż-Żurrieq jirbħu kontra forzi ikbar minnhom. 

Ikkonfrontajtu direttament lill-uffiċjali tal-Gvern bit-talbiet tagħkom? Jekk iva, x’kienu t-tweġibiet speċifiċi tagħhom, u għaliex taħseb li s’issa injoraw it-tħassib tal-bosta? 

S’issa kellna diskussjonijiet informali, u naħseb li diffiċli l-awtoritajiet jibqgħu jinjoraw ir-realtà. 

Se nippubblikaw it-talbiet tar-residenti dwar reviżjoni fl-ippjanar u se nwassluhom lill-awtoritajiet. Biħsiebna nkunu mal-mejda anke fuq kwistjonijiet bħar-reviżjoni tad-DC15, li se jkollha impatt fuq il-Local Plans u fuq l-irħula mingħajr ma tieħu kont tal-ħtiġijiet tar-residenti. 

Ma tkunx l-ewwel darba kieku l-awtoritajiet jagħlqu l-bieb; jekk se jagħtu s-sinjal favur iżjed kostruzzjoni, se nżidu l-pressjoni fuqhom. Jekk is-sinjal se jkun mod ieħor, se nuru li għandna l-kredenzjali npoġġu magħhom u naraw li x-xogħol isir sew. 

More in Intervisti