Biża’ ta’ bomba fl-ajruport

Il-ħidma fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta lbieraħ waqfet għal madwar sagħtejn wara li kien hemm suspett ta’ theddida ta’ bomba, bis-swali tal-passiġġieri kollha jiġu evakwati fi ftit tal-ħin. L-operazzjoni ta’ evakwazzjoni kienet koordinata mill-membri tas-sigurtà tal-ajruport, il-Forzi tas-Sigurtà, l-Armata, il-Pulizija u l-Protezzjoni Ċivili.

L-Evakwazzjoni fl-Ajruport
L-Evakwazzjoni fl-Ajruport

Kollox beda hekk kif intlemħet bagalja suspettuża li fiha kien hemm tagħmir u li għal xi raġuni mmarka bħala splussiv fuq l-apparat tas-sigurtà tal-ajruport.
Irriżulta li l-bagalja li tħalliet fl-ajruport kienet ta’ familja Ingliża li wara li għamlet iċ-check-in, marret tiekol fir-restorant tal-McDonald’s li hemm barra t-terminal tal-ajruport u għalhekk ma setgħetx tinstab.
Hekk kif saru l-verifiki kollha u rriżulta li l-bagalja kien fiha biss tagħmir tal-bugħaddasa u li ma kien hemm ebda periklu għall-passiġġieri, inħarġet l-ordni sabiex l-ajruport jerġa’ jinfetaħ.
Intant l-inċident ikkawża dewmien u skariġġ għal numru mhux ħażin ta’ passiġġieri li waslu Malta fil-ħin li kienu qed isiru l-investigazzjonijiet hekk kif dawn ma tħallewx jinżlu minn fuq l-ajruplani bħala prekawzjoni.
Fi stqarrija maħruġa ftit tal-ħin wara li s-sitwazzjoni ġiet lura għan-normal,
il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis irringrazzja lill-impjegati tal-Malta International Airport, il-Forzi tas-Sigurtà, l-Armata, il-Pulizija u l-Protezzjoni Ċivili u dawk kollha li b’xi mod ħadmu f’din l-operazzjoni biex iħarsu s-sigurtà u s-saħħa tal-passiġġieri.
“Huwa tassew ta’ min ifaħħar il-ħidma ta’ dawn in-nies, għall-isforzi tagħhom biex jassiguraw inkonvenjent mill-inqas għall-passiġġieri, fi żmien meta s-settur turistiku f’pajjiżna għaddej fl-aqwa tiegħu,” temm jgħid Zammit Lewis.

More in Kronaka