Jibda t-tħaffir għaż-żejt

Ir-rig taż-żejt  ‘Noble Paul Romano’
Ir-rig taż-żejt ‘Noble Paul Romano’

Is-Sibt li għadda fit-8am, il-kumpanija Phoenicia Energy, fi ħdan il-grupp Genel Energy, ħabbret li bdiet it-tħaffir għaż-żejt fl-ibħra Maltin. It-tħaffir qed isir permezz tar-rig taż-żejt ‘Noble Paul Romano’ li tqiegħed f’postu aktar kmieni u li jinsab f’ibħra madwar 130 kilometru fin-Nofsinhar ta’ Malta.
Il-bir li fih qed isir it-tħaffir ingħata l-isem ta’ Ħaġar Qim 1 u b’kollox it-tħaffir għandu jieħu bejn xahrejn u tliet xhur biex jitlesta. Il-bir se jkun 2,500 metru fond.
Il-Ħaġar Qim huwa l-ħdax-il bir li qed jitħaffer fl-ibħra Maltin filwaqt li l-aħħar li tħaffer kien il-bir bl-isem ta’ Lampuko li kien sar fl-2002.
Intant ILLUM għamel kuntatt mal-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi li f’risposta permezz tas-segretarjat tiegħu infurmana li l-Ministeru jikkonferma li fil-ġranet li għaddew, ir-rig Noble Paul Romano, beda jħaffer il-bir esploratorju Ħaġar Qim, 130 kilometru fin-Nofsinhar tal-ibħra Maltin (Block 7, Area 4). Dan it-tħaffir qed isir bi ftehim mal-kumpaniji taż-żejt Phoenicia Energy Company Limited u Melita Exploration Company Limited. L-istqarrija kompliet li f’dan l-istadju, mhux opportun li jingħataw aktar kummenti minbarra dawk li diġà tħabbru.
Intant, waqt intervent li kien għamel il-Ministru Mizzi f’konferenza organizzata minn The Economist f’Marzu li għadda, l-Ministru Mizzi dakinhar kien qal li t-tħaffir se jsir skont qbil mal-liġi Ewropea u dik internazzjonali. Huwa kien spjega wkoll li fil-post fejn se jsir il-bir hemm ċans kbir li hemm ammont ta’ żejt fi kwantitajiet kummerċjali.

 

More in Kronaka