Anzjana tmut wara li laqatha bowser
More in Kronaka
Mary MacKay ta’ 75 sena, residenti l-Imsida, tilfet ħajjitha f’inċident tat-traffiku li seħħ ilbieraħ filgħodu fi Triq il-Wied, l-Imsida meta l-anzjana ntlaqtet minn bowser li baqa’ sejjer meta kienet qed taqsam mad-dwal tat-traffiku. Fi ftit tal-ħin wara l-inċident waslu fuq il-post il-Pulizija kif ukoll tim mediku li ċċertifika l-anzjana mejta fuq il-post. Kaġun tal-inċident it-triq kellha tingħalaq għat-traffiku għal xi ħin filwaqt li ssejħet inkjesta mill-Maġistrat Francesco Depasquale.
Il-Pulizija bdew jinvestigaw il-każ minnufih bi tfittxija għall-bowser li baqa’ sejjer wara li tajjar lill-anzjana. Il-bowser instab fl-inħawi tal-Gżira u x-xufier tal-bowser qiegħed jgħin fl-investigazzjoni tal-Pulizija.
Mary MacKay hija s-sitt vittma ta’ inċidenti fatali s’issa din is-sena. Il-ħamsa l-oħra kienu Clive Brincat ta’ 32 sena mill-Belt, Karen Cutajar ta’ 38 sena minn San Pawl il-Baħar, Philip Scott Attard ta’ 44 sena, Ingliż, minn Ħal Għaxaq, John Darren Casey Ingliż, minn San Pawl il-Baħar u Ibrahim Ismail Yasin mis-Somalja ta’ 19-il sena.