Infestazzjoni ta’ Ġrieden f’Ta Qali

Fil-park ta’ Ta’ Qali jidher li hemm numru kbir ta’ ġrieden jiġġerrew fil-madwar li kull ma jmur qed jiżdied. ILLUM irċieva numru ta’ ritratti meħuda nhar il-Ħadd 18 ta’ Mejju waranofsinhar. Ir-ritratti ttieħdu minn familja li marret sabiex tqatta’ ftit ħin ta’ rilassament fiż-żona liema familja kellha titlaq mill-post minħabba biża’ ta’ xi infezzjoni jew mard ieħor relatat mal-ġrieden bħalma hija l-Leptosirosi li tinxtered mill-urina li jħallu warajhom il-ġrieden.

Mill-informazzjoni li tatna din il-familja, jidher li l-post kien mimli attività ta’ nies iżda l-ġrieden jidher li draw l-ambjent u ma qagħdux lura milli joħorġu jfittxu l-ikel u l-ilma b’għaġeb ta’ dawk li kienu preżenti li ma ridux jemmnu x-xena li kien hemm quddiemhom.
ILLUM bagħat kopja tar-ritratti lis-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari responsabbli għas-saħħa Chris Fearne fejn fir-risposta bil-miktub infurmawna li fil-fatt id-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali kien irċieva ilment dwar l-imsemmija infestazzjoni ta’ ġrieden fiż-żona ta’ Ta’ Qali, liema ilment ġie investigat mill-PEST Control Unit.
Is-Segretarjat infurmana wkoll li minn Jannar 2014 sal-lum saru ħames trattamenti kontra l-ġrieden f’din iż-żona. Qalulna wkoll li meta d-Direttorat jirċievi ilmenti dwar ħmieġ, jinvestigaw il-każ u jieħdu l-passi neċessarji filwaqt li jinformaw lill-awtoritajiet ikkonċernati.
L-appell tad-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali huwa biex il-pubbliku li jmur fiż-żona msemmija jżomm l-indafa speċjalment wara li jkunu saru xi picnics jew attivitajiet fejn ikun hemm ikel jew fdaljiet ta’ ikel imħallija fi tmiem l-attività. Id-Direttorat iħeġġeġ biex il-pubbliku jagħmel użu mill-kontenituri pprovduti għar-rimi tal-iskart u f’każ li dawn ma jkunux disponibbli, l-iskart għandu jittieħed u jintrema d-dar.
Id-Direttorat saħaq li l-ambjent ta’ madwarna jirrifletti l-kwalità ta’ saħħitna u li finalment, ambjent b’saħħtu jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.

 

More in Kronaka