Jiġu approvati 275 appartament fil-limiti tas-Sagħjtar in-Naxxar

L-Awtorità tal-Ippjanar approvat proġett ta’ 275 unit residenzjali fuq is-sit ta’ barriera abbandunata fi żona tas-Sagħjtar, in-Naxxar

Il-proġett hu dak impinġi bl-abjad.
Il-proġett hu dak impinġi bl-abjad.

L-Awtorità tal-Ippjanar approvat proġett ta’ 275 unit residenzjali fuq is-sit ta’ barriera abbandunata fi żona tas-Sagħjtar, in-Naxxar, qrib il-Mosta. L-iżvilupp, imressaq mill-iżviluppatur Charles Camilleri, se jkun jikkonsisti f’ħames blokok separati ta’ seba’ sulari, flimkien ma’ tliet livelli ta’ garaxxijiet fil-basement. Il-proġett se jkun jinsab fil-kantuniera bejn Triq Ċensu Muscat, Triq Manwel Magri u Triq it-Tin.

L-iżvilupp kien approvat b'disa’ voti favur u tnejn kontra. Dawk li vvutaw kontra kienu r-rappreżentant tal-NGOs Romano Cassar u s-sindku tan-Naxxar Christopher Deguara.

Cassar wera diżappunt għan-nuqqas ta’ valutazzjoni tal-impatt soċjali għal proġett ta’ dan id-daqs. Min-naħa tiegħu, il-Kunsill Lokali tan-Naxxar esprima tħassib dwar l-għoli tal-binjiet minħabba d-distanza għal djar residenzjali.

Il-proġett ħa vantaġġ mill-mekkaniżmu tal-Floor Area Ratio (FAR), li jippermetti żviluppi b’għoli akbar mill-limiti tas-soltu jekk parti sostanzjali tas-sit tinżamm miftuħa għall-pubbliku. F’dan il-każ, qed jiġi propost pjazzal pubbliku fil-parti tal-lvant tas-sit.

More in Kronaka