Ħarġa Filatelika: Papa Franġisku 1936-2025

'B’tifkira ta’ dan il-Papa umli, MaltaPost se toħroġ bolla ġdida nhar is-Sibt 26 ta’ April 2025 u se tkun għall-bejgħ mill-Fergħat Postali f’ Malta u Għawdex'

Papa Franġisku, mwieled Jorge Mario Bergoglio fi Buenos Aires, ġewwa l-Argentina, ġie elett Papa fit-13 ta’ Marzu 2013 wara r-riżenja ta’ Papa Benedittu XVI. Huwa għażel “Franġisku” bħala l-isem papali tiegħu f’ġieħ San Franġisk t’Assisi. Papa Franġisku kellu relazzjoni mill-qrib mal-Maltin wara ż-żjara tiegħu f’Malta u Għawdex fl-2022 u l-ħatra tal-Isqof Mario Grech fil-kariga ta’ kardinal fit-28 ta’ Novembru ta’ dik l-istess sena.

Il-Papa Franġisku miet nhar it-Tnejn wara l-Għid, fil-21 ta’ April 2025, fl-età ta’ 88 sena fir-residenża tiegħu f’Casa Santa Marta ġewwa l-Vatikan u se jkun midfun fil-bażilika ta’ Santa Maria Maggiore f’Ruma.

B’tifkira ta’ dan il-Papa umli, MaltaPost se toħroġ bolla ġdida nhar is-Sibt 26 ta’ April 2025. Din il-bolla se tinħareġ f’folja ta’ għaxra, b’kull bolla ta’ daqs 31mm x 44mm, b’perforazzjoni ta’ 14.1 x 14.2 u għandha “watermark” bis-salib ta’ Malta. Kull folja hija ta’ daqs 182mm x 115mm u ġiet stampata minn Printex Limited bi proċess offset. Il-ħarġa tikkonsisti f’25,000 bolla tal-€1.50.

Din il-ħarġa filatelika se tkun għall-bejgħ mill-Fergħat Postali f’ Malta u Għawdex mis-Sibt 26 ta’ April 2025. Ordnijiet jistgħu jsiru onlajn fuq https://www.maltaphilately.com/ jew bil-posta mill-Philatelic Bureau, MaltaPost p.l.c., 305, Triq Ħal Qormi, Marsa, MTP 1001 – telefon 2596 1740 – email [email protected]

More in Kronaka