Opportunità ta’ żvilupp fi ħdan il-Commonwealth

Il-President Coleiro Preca mal-Kummissarju Għoli Ingliż
Il-President Coleiro Preca mal-Kummissarju Għoli Ingliż

Waqt riċeviment ospitat mill-Kummissarju Għoli Ingliż Robert Haydon Vernon Luke fl-okkażjoni ta’ għeluq snin il-Maestà Tagħha r-Reġina Eliżabetta II, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-laqgħa tal-Kapijiet tal-Istat tal-Commonwealth li se ssir f’pajjiżna s-sena d-dieħla, tista’ sservi ta’ opportunità għall-iżvilupp ta’ din l-organizzazzjoni.
Dan it-tiġdid, saħqet il-President Coleiro Preca, jista’ jwassal għal vuċi aktar b’saħħitha li tirrifletti aħjar ir-realtajiet tal-lum.
Iddeskriviet din il-pjattaforma bħala organu li jista’ jiżviluppa programmi u inizjattivi għall-benefiċċju tal-pajjiżi kollha madwar id-dinja.
Il-President Coleiro Preca tkellmet mhux biss dwar ir-relazzjoni tajba li teżisti bejn iż-żewġ pajjiżi iżda anke dwar il-ħbiberija li kompliet tikber u tissaħħaħ hekk kif Malta u r-Renju Unit iħaddnu l-istess determinazzjoni u rieda favur il-paċi, il-prosperità u d-djalogu.
Semmiet diversi oqsma li fihom Malta u r-Renju Unit qed jaħdmu flimkien, fosthom fil-qasam tas-saħħa, fejn permezz ta’ ftehim bilaterali qed jiġu salvati aktar ħajjiet ta’ ċittadini Maltin li jitilqu minn xtuthom għall-kura.
It-turiżmu huwa qasam ieħor li minnu ż-żewġ pajjiżi qed jibbenefikaw. Dan għaliex kemm il-Maltin kif ukoll l-Ingliżi jfittxu lir-Renju Unit u lil Malta rispettivament għall-ġiti tagħhom.
Il-President Coleiro Preca fakkret li din is-sena, b’mod partikolari, Malta u r-Renju Unit se jkunu qed iħossuhom aktar viċin ta’ xulxin hekk kif Malta tiċċelebra l-ħamsin anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza.

More in Kronaka