'Kuraġġ, you can make it': Titfakkar il-memorja ta' Karl Gouder
Karl Gouder, eks deputat parlamentari Nazzjonalista, ingħata l-aħħar tislima qalb folla sabiħa ta' nies fil-knisja ta' San Ġiljan


minn Marianna Calleja / Jordan Pace

Dan l-artiklu kien aġġornat fis-12:41pm bl-aħħar andamenti
Karl Gouder, eks deputat parlamentari Nazzjonalista, ingħata l-aħħar tislima qalb folla sabiħa ta' nies fil-knisja ta' San Ġiljan, il-lokalità li tagħha hu kien Sindku.



Huwa kien deskritt mill-qassis bħala persuna li dejjem provat tgħaqqad, u b'qalb tad-deheb, jagħti għajnuna lil dawk li kellhom fehmiet differenti minn tiegħu.
Fl-omelija tiegħu, Fr. Claude Portelli ta ġieħ lil Gouder, u enfasizza l-kwalitajiet sbieħ ta' Gouder. “Irridu nippruvaw inkomplu ngħixu l-prinċipji li Karl żamm matul ħajtu. Nirrispettaw lil Karl, issa aktar minn qatt qabel: Koperazzjoni, għaqda, mħabba. Rari smajtu jitkellem ħażin fuq xi ħadd. Dejjem kien qed jipprova jibni l-pont hu.”



"Nafu li Karl prova jagħmel ħiltu biex jgħaqqad, għaqqad dan in-nazzjon li hu għal qalbna... Karl kien jagħmel kuraġġ lill-oħrajn u jħaddan prinċipji demokratiċi, dejjem lest li jgħin," kompla jgħid.
Għall-funeral, kien hemm preżenti, fost oħrajn, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, il-President ta' Malta Myriam Spiteri Debono u r-raġel tagħha Anthony, il-Prim Ministru Robert Abela u l-mara tiegħu Lydia, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u martu AnneMarie. Huma ingħaqdu f'sogħba mal-familja, qraba, u l-ħbieb ta' Gouder.

Jindirizza l-politikanti b'mod dirett, Fr. Claude Portelli talab għal diskussjoni serja dwar is-suġġett u l-istigma madwar is-saħħa mentali. Fakkar fiż-żmien iebes tal-pandemija, u qal li bħal "ma konna nagħfsu lil xulxin, biex nieħdu ħsieb xulxin, hekk wkoll irridu nagħmlu fil-kriżi tas-saħħa mentali.

Il-qassis temm billi rringrazzja lill-ġenituri ta' Gouder, talli "rabbew raġel b'valuri sodi u sbieħ."
Gouder miet it-Tlieta, bil-katavru tiegħu jinstab fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu fejn l-eks binja tad-dwana fil-Belt Valletta. Il-mewt tiegħu wasslet għal diskussjoni, anke dik rari bejn iż-żewġ partiti politiċi.

Gouder kien l-eks Sindku ta’ San Ġiljan u kien Deputat tal-Partit Nazzjonalista bejn l-2010 u l-2013, u bejn l-2015 u l-2022. Huwa kkontesta b’suċċess l-elezzjoni lokali ta’ San Ġiljan għall-ewwel darba fl-2005. Fl-2008, huwa kkontesta kemm l-elezzjoni lokali kif ukoll l-elezzjoni ġenerali, iżda naqas milli jiġi elett sindku b'10 voti biss.

L-aħħar vjaġġ tiegħu jibda’ mill-kamra mortwarja f’Mater Dei għall-Knisja ta’ San Ġiljan fejn tiġi ċċelebrata quddiesa għall-memorja tiegħu. Wara l-quddies, Gouder iżur għall-aħħar darba l-binja tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan u d-Dar Ċentrali fil-Pietà.



![[Aġġornat] Kuċċier iweġġa' gravi f'ħabta l-Furjana](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/habta21022025.png)

