Id-Deputat Laburista l-Onorevoli Silvio Parnis, li huwa wkoll iċ-ċermen tal-Kunsill Konsultattiv għan-naħa t’isfel ta’ Malta, laqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-MEPA, li approvat il-permess biex jitneħħa l-impjant tal-gass tal-Qajjenza.
“B’din id-deċiżjoni se tkun qed titneħħa pjaga li ilha għal snin twal tkun ta’ inkonvenjent għar-residenti tal-Qajjenza u l-inħawi” saħaq Silvio Parnis.
Silvio Parnis qal li din l-aħbar għandha timla lir-residenti fin-naħa t’isfel ta’ Malta bil-kuraġġ, hekk kif fl-aħħar qed jaraw li qed jittieħdu dawk id-deċizjonijiet li kienu ilhom jiġu posposti s-snin. Din ma kinitx l-unika aħbar pożittiva li tħabbret din il-ġimgħa favur ir-residenti u l-ambjent fin-naħa t’isfel ta’ Malta. Dan wara li fil-Parlament din il-ġimgħa kien ikkonfermat li l-impjant tal-enerġija fil-Marsa se jingħalaq kompletament s-sena d-dieħla flimkien mal-ewwel fażi f’Delimara.
Silvio Parnis qal li d-diskussjonijiet mal-entitajiet, awtoritajiet u ministeri kkonċernati għandhom jissuktaw fi żmien li ġej bil-għan ikun li jiġi assigurat li dawn iż-żoni jkunu riġenerati bl-aħjar mod possibbli. Dan sabiex issir ġustizzja mar-residenti li ilhom is-snin isofru l-inkonvenjent, waqt li jkun sfrutatt bl-aħjar mod possibbli l-potenzjal ekonomiku fl-inħawi.