Tieqaf l-eskavazzjoni fis-sajf

Is-Segretarju Parlamentari, l-Avukat Michael Falzon ħabbar li mill-15 ta’ Ġunju 2014 se jingħata bidu għall-inizjattiva ‘Break Time’. Din l-inizjattiva ssir kull sena, u se tikkonsisti f’waqfien mix-xogħol ta’ twaqqiegħ jew eskavazzjoni f’diversi żoni f’Malta, li huma kklasifikati bħala żoni turistiċi.
Falzon qal illi l-għan ta’ din l-inizjattiva huwa sabiex jitnaqqas l-impatt negattiv li joħolqu s-siti tal-kostruzzjoni, kemm fuq l-industrija tat-turiżmu, kif ukoll għal dawk il-ħafna Maltin u Għawdxin li waqt ix-xhur tas-sajf imorru l-post tal-vileġġatura tagħhom biex igawdu l-vaganzi. Huwa kompla billi qal li l-industrija tat-turiżmu hija waħda mill-pilastri tal-ekonomija Maltija, u x-xhur tas-sajf jaraw żieda drastika fl-ammont ta’ turisti li jaslu f’pajjiżna għal btala. Il-prodott li noffru lit-turist meta jżur pajjiżna jrid ikun pakkett sħiħ, marbut mhux biss mal-lukanda fejn qiegħed joqgħod, jew is-servizz offrut fir-ristoranti, iżda wkoll irid jinkludi fih esperjenza sħiħa pożittiva li t-turist għandu jgħaddi minnha tul iż-żjara kollha.
Is-Segretarju Parlamentari kkonkluda billi qal, li waqt li napprezzaw li l-industrija tal-kostruzzjoni għandha rwol importanti fl-ekonomija ta’ pajjiżna, nifhmu wkoll li s-siti fejn tkun qiegħda ssir il-kostruzzjoni, min-natura tagħhom, joħolqu numru ta’ inkonvenjenzi fuq ir-residenti, stabbilimenti u nies oħrajn li jiffrekwentaw dawn iż-żoni turistiċi.

 

More in Kronaka