Waqt Jum il-Premjazzjoni tal-iskola Mariam Al Batool, il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet li din l-iskola hija mudell prattiku ta’ kif għandha tkun soċjetà inter-reliġjuża, dan għaliex f’din l-iskola persuni b’reliġjonijiet differenti kuljum jaħdmu flimkien favur l-iżvilupp edukattiv tal-istudenti.
Il-President Coleiro Preca spjegat kif din l-iskola għamlet pass storiku f’Malta għaliex kienet l-ewwel waħda fid-dinja li żviluppat il-kunċett inter-reliġjuż fis-sistema edukattiva.
Hija aċċennat fuq il-bżonn lis-soċjetà tkun anki inter-kulturali biex kull ċittadin jingħata l-ispazju ħalli jintegra fis-soċjetà u b’hekk tisaħħaħ id-demokrazija.
Il-President Coleiro Preca sostniet li l-istudenti Musulmani li jattendu din l-iskola huma Maltin u jixirqilhom l-aħjar bħal kwalunkwe studenti oħra biex ikunu ċittadini denji ta’ pajjiżna.
Il-President temmet tfaħħar ix-xogħol f’din l-iskola fejn qed jiġi assigurat li tingħata l-aqwa edukazzjoni bil-għan li l-istudenti jikbru u jemmnu fit-tisħiħ tar-rispett u t-tolleranza.