Malta hi l-għaxar pajjiż l-iktar nieqes mill-ilma fid-dinja meta wieħed iqis ir-riżorsi tal-ilma għal kull persuna. Hekk sostna ċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola waqt konferenza stampa lbieraħ filgħodu dwar l-użu ta’ riżorsi pubbliċi naturali.
Cassola qal li l-ilma f’Malta hu skars u prezzjuż u preżentament qed nieħdu mill-ilma tal-pjan id-doppju tal-ilma li tipprovdi n-natura permezz tax-xita. Żied li jekk nibqgħu sejrin hekk fi żmien qasir in-nixfa f’dan il-pajjiż ser tkun waħda totali.
Fl-intervent tiegħu, id-Deputat Chairperson Carmel Cacopardo, ukoll qal li hu neċessarju li nipproteġu l-ilma tal-pjan. Cacopardo saħaq li tul is-snin ġie mtella’ ħafna iktar ilma mill-pjan milli kienet qed tipprovdi n-natura. Tkellem ukoll dwar il-kontaminazzjoni tal-ilma minn pestiċidi, fertilizzanti artifiċjali u drenaġġ minn irziezet.