Sparati seba’ tiri b’wieħed biss ikun fatali
[L-ewwel parti] Il-qtil ta’ għassies 23 sena ilu f’Ħal Qormi
minn John Pisani
Każ li l-Pulizija kienu jemmnu li jistgħu jaslu biex ikun solvut huwa dak ta’ Joe Borg li nqatel meta kien xogħol bħala għassies fil-fabbrika tal-għaġin f’Ħal Qormi. Borg inqatel wara li kienu sparati mill-inqas seba’ tiri fid-direzzjoni tiegħu b’wieħed ikun fatali.
Joe Borg kellu 30 sena meta fid-29 ta’ Settembru 1990 inqatel kiesaħ u biered hekk kif sab quddiemu grupp ta’ ħallelin li daħlu jisirqu mill-fabbrika li kien għassa magħha.
Daħlu bl-intenzjoni li jwettqu serqa
L-għan tal-qattiela ta’ Joe Borg ma kienx li joqtluh, iżda wieħed jista’ jgħid li Borg kien fil-post ħażin fil-ħin ħażin. Fil-fatt l-għan tal-kriminali kien li jwettqu serqa mis-safe tal-kumpanija United Macaroni fi Triq Valletta f’Ħal Qormi.
Mhux magħruf jekk fil-fatt il-ħallelin kinux marru għall-flus li kien hemm fis-safe jew kienx hemm xi ħaġa oħra li s-sidien tal-kumpanija lanqas kienu konxji u li setgħet tpoġġiet hemm minn xi ħadd minn ġewwa.
Meta kont tkellimt ma’ diversi sorsi kien hemm min allega li l-ħallelin ippjanaw kollox u marru bl-intenzjoni li xejn u ħadd ma kien se jżommhom milli jwettqu l-operazzjoni li kienu daħlu għaliha. Il-Pulizija kienu sabu mqass kbir li bih il-ħallelin qaċċtu l-ħadid tat-tieqa, iżda ma kinux sabu xi għodda oħra jew apparat ieħor li jintuża biex jisgassaw is-‘safe’.
Is-sorsi kienu jemmnu li dawn setgħu tqabbdu minn persuni oħrajn li kienu jafu li kien hemm xi ħaġa fis-‘safe’ li allegatament iddaħħlet mal-konsenja tad-dqiq, li l-istess sorsi għadhom jisħqu li d-diretturi tal-kumpanija setgħu ma kinux konxji.
Il-qattiela ta’ Borg marru armati b’aktar minn arma waħda tan-nar. Prova ta’ dan huwa l-fatt li Joe Borg intlaqat b’tiri sparati minn armi differenti. Daħlu fil-fabbrika billi użaw imqass li jaqta’ l-ħadid u daħlu minn tieqa żgħira.
Dawn kellhom informazzjoni tajba u kienu jafu li Joe Borg kien iqatta’ xi ħin barra mill-fabbrika jitkellem ma’ għassiesa oħrajn, fosthom ma’ dawk ta’ stabbiliment li kien hemm faċċata ta’ fejn kien jaħdem hu. Għaldaqstant għal xi ħin Borg ma tantx kien se jkun ta’ xkiel. Minkejja dan huma xorta waħda ma ħadu ebda riskju u marru armati b’armi tan-nar.
Kienu wkoll konxji li Joe Borg kien raġel mibni u b’saħħtu u probabbli kienu jafu li ma kienx se jirnexxielhom iżommuh bil-forza. Fil-fatt Borg kien ġuvni twil u robust. Huwa kien jaħdem ix-xatt iġorr il-ħadid u fi tmiem il-ġimgħa kien jagħmel xogħol ta’ għassies ma’ din il-kumpanija.
Kif il-ħallelin kienu fil-fabbrika, Borg kien fuq in-naħa l-oħra tat-triq jitkellem ma’ għassies ieħor. Peress li kienu spiċċawlu s-sigaretti huwa qal lil sieħbu li kien se jmur fil-locker fejn kellu pakkett sigaretti. Għall-ħabta tas-6.30pm Borg daħal fil-fabbrika u ġie wiċċ imb wiċċ mal-qattiela tiegħu u x’aktarx li anke ssara ma’ wieħed minnhom. L-ewwel ma nstemgħu kienu tliet tiri li x’aktarx laqtu lil Borg f’koxxtu. Huwa ħareġ mill-fabbrika biex jitlob l-għajnuna, iżda sakemm laħaq ħareġ mill-fabbrika l-kriminali marru warajh u sparawlu erba’ tiri oħra.
Din id-darba waħda mill-bullets laqtet lil Borg f’dahru u kienet din il-balla li qatlitu fejn spiċċa minn tulu fl-art fuq it-tarmak ftit metri ’l bogħod mit-taraġ tal-fabbrika.
Qabel ma waqa’ fl-art għal mejjet, Borg laħaq instema’ jgħid “Tlieta qegħdin”. Huwa baqa’ jitkaxkar mal-art biex jersaq lejn it-triq tant li ħwejġu kienu mċappsin bit-trab u anke żejt ta’ karozza.
Informazzjoni mhux ikkonfermata kienet tgħid li dak il-ħin fi Triq Valletta kien hemm erba’ żgħażagħ jistennew ħabib tagħhom u x’aktarx li raw lill-qattiela jaħarbu f’karozza ħamra.
Tnejn mis-suspettati mietu f’każi traġiċi
Dwar dan l-omiċidju l-Pulizija kellha suspetti serji f’żewġt irġiel mit-tlieta li wettqu r-reat. Fil-jiem li għaddew tkellimt ma’ sorsi li kienu qrib l-investigazzjonijiet. Huma qaluli li dak iż-żmien l-investigaturi kellhom suspetti imma mhux biżżejjed provi biex dawn jitressqu l-Qorti.
Tnejn minn dawn mietu f’każi separati. Wieħed minnhom miet kawża ta’ bomba u ieħor b’overdose ta’ droga.
Il-qraba tal-vittma
Dwar dan il-qtil kont tkellimt mal-qraba ta’ Joe Borg, fosthom ma’ ommu u tnejn minn ħutu.
Margaret Borg, omm Joe, kienet qaltli li ħadd ma kien taha xi tip ta’ sodisfazzjon u l-każ baqa’ ma ssolvix.
“Mix-xogħol għad-dar u mid-dar għall-korsa tal-Marsa. Kien iħobb iż-żwiemel u kellu ħafna ħbieb hemm. Kienu jirrispettawh għax kien raġel kwiet. Kien tifel sew li l-inkwiet kien jevitah,” kien qalli ħuh Louis.
Dakinhar li nqatel kien is-Sibt. Joe Borg ħareġ mid-dar fis-6am u għall-ħabta tas-1.30pm, Louis u ħabib tiegħu marru u ħadulu l-ikel. Kemm Louis kif ukoll Joe kienu jaħdmu bħala għassiesa fi tmiem il-ġimgħa fl-istess post.
Nofs siegħa qabel seħħ il-qtil, Rose, oħt il-vittma kienet sejra lura d-dar mill-Belt u kif kienet fuq tal-linja u għaddiet minn quddiem il-fabbrika, Joe raha u għamlilha sinjal b’idejh biex teħodlu x’jiekol.
Ommu kellha l-ikel lest u kif Rose waslet u qaltilha li Joe qiegħed jistenna l-ikel din kienet se tmur bih, iżda ma marritx għax riedet tmur oħtu l-oħra, Marthese.
Dakinhar Louis kien xogħol in-Naxxar, fejn kien qed jaħdem bħala wejter. Ftit wara s-7.30pm ra lil martu, li dak iż-żmien kienu għadhom mhux miżżewġin, u lil missierha resqin lejh. X’ħin rahom Louis mill-ewwel ħaseb ħażin imma mhux dak li marru biex jgħidulu. Huwa ħaseb li kienu marru biex jinfurmawh li kien miet missieru. Min-Naxxar sa Ħal Qormi ma qalulu xejn, iżda kif waslu d-dar sab xena quddiemu li qatt mhu se jinsa.
“Sakemm wasalt kelli kuraġġ kbir għax peress li kont waħħaltha f’rasi li kien missieri, allura kont qisni ppreparat. Iżda meta qaluli li kienu qatlu lil ħija Joe, waqajt fl-art. Mort minn saqajja”, kien irrakkontali Louis.
Fost l-ewwel qraba li marru fuq il-post tad-delitt kienet oħtu Marthese. Kif saret taf marret mill-ewwel u kif ratu mal-art dawritu biex tagħtih in-nifs artifiċjali, xi ħaġa li tgħallmet fejn kienet taħdem. Iżda Joe kien mejjet.
Meta Marthese marret lura d-dar, il-ġirien ma ħallewhiex tidħol ħdejn ommha peress li kellha ħwejjiġha mċappsin bid-demm.
Il-ġimgħa d-dieħla
Nhar il-Ħadd li ġej inkomplu naraw aktar dettalji dwar dan il-qtil. Naraw kif omm Joe Borg saret taf, x’qalulha li kien ġara. Naraw ukoll x’għamlet oħtu kif ukoll fejn saru l-eżamijiet tal-marki tas-saqajn li elevaw l-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat u dettalji oħrajn.
Appell
Bħalma qed nagħmlu ma kull storja ta’ delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001.