28 każ ta’ suwiċidju fl-2024, każ iktar mis-sena ta’ qabel

Il-maġġoranza tal-vittmi tas-suwiċidju huma maskili u numru sostanzjali minnhom huma barranin • Ir-rata tas-suwiċidju tibqa’ bejn wieħed u ieħor l-istess tul is-snin

"Meta tqis id-daqs tal-popolazzjoni, ir-rata ta’ mortalità għal kull 100,000 kienet 5.16 fl-2013 u 4.9 fl-2023” - il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela

Jidher illi kien hemm total ta’ 28 każ ta’ suwiċidju matul l-2024 – każ iktar mis-sena ta’ qabel fejn kienu rrappurtati 27 każ. 

Dan in-numru huwa xorta inqas mis-sena 2021, li kienet is-sena ta’ wara li ġie skopert l-ewwel każ tal-COVID-19. Dik is-sena kien hemm numru rekord ta’ każijiet, fejn b’kollox kienu rrappurtati 35 każ.  

Dil-informazzjoni ħarġet minn sensiela ta’ mistoqsijiet parlamentari magħmula lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri.  

Minkejja ż-żieda ta’ każ wieħed mis-sena l-oħra ’l hawn, ir-rata ta’ suwiċidji tul is-snin tidher li hija waħda statistikament stabbli.  

Fil-fatt, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela qal, “meta tqis id-daqs tal-popolazzjoni, ir-rata ta’ mortalità għal kull 100,000 kienet 5.16 fl-2013 u 4.9 fl-2023.” 

Meta tqis li mill-2023 sal-2024 il-popolazzjoni żdiedet bi ftit inqas minn 7,000 persuna u s-suwiċidji żdiedu b’każ wieħed biss, mela r-rata baqgħet bejn wieħed u ieħor l-istess, jekk ma tbaxxietx. 

Is-sess u n-nazzjonalitajiet tal-vittmi 

Minn informazzjoni meħuda minn numru ta’ mistoqsijiet parlamentari differenti, jidher li l-maġġoranza tal-vittmi huma maskili. 

Fil-fatt, meta mistoqsi mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Ivan Bartolo, Camilleri qal, “minn Mejju 2024 sal-15 ta’ Ottubru 2024 kien hemm 13-il każ ta’ suwiċidju li minnhom mill-vittmi kienu maskili u waħda femminili.” 

Barra minn hekk, f’mistoqsija parlamentari oħra, il-Ministru wieġeb li kien hemm erba’ vittmi f’Jannar u Frar tal-2024 u kollha kienu maskili. 

Minkejja li m’hemmx informazzjoni dwar il-ġeneri tal-vittmi għall-bqija tas-sena, dan-numru huwa konsistenti max-xejra tas-snin ta’ qabel, fejn il-maġġoranza assoluta tal-każijiet kienu rġiel. 

Jidher ukoll li l-maġġoranza ta’ vittmi huma ta’ nazzjonalità Maltija, iżda l-barranin xorta waħda jirrappreżentaw numru mhux ħażin minn dawn il-każijiet. 

Fil-fatt, minn informazzjoni miġbura minn mistoqsijiet parlamentari differenti, jidher illi fl-ewwel erba’ xhur tal-2024 kien hemm disa’ każijiet ta’ suwiċidju, minn dawn tnejn minnhom kienu barranin. Dak ifisser li fl-ewwel erba’ xhur tal-2024, il-barranin irrappreżentaw 22.22% tal-każijiet ta’ suwiċidju. 

Dan huwa konsistenti mal-persentaġġ ta’ snin oħra, bħas-sena 2023 fejn il-barranin irrappreżentaw 25.93% tal-vittmi tas-suwiċidju u 29.63% fl-2022. 

Iktar nisa jagħmlu attentat ta’ suwiċidju iżda iktar irġiel imutu bis-suwiċidju 

Jidher illi r-rata tal-attentati ta’ suwiċidju hija kważi ħames darbiet iktar mir-rata tas-suwiċidju. 

Fil-fatt, meta Camilleri kien mistoqsi mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali Ian Vassallo kemm irċeviet rapporti ta’ suwiċidju u attentati ta’ suwiċidju l-pulizija, Camilleri wieġeb li “matul is-sena 2023 ġew irreġistrati 27 rapport ta' suwiċidju u 126 rapport ta’ attentat ta’ suwiċidju.” 

Dan ifisser li għal kull suwiċidju jkun hemm bejn wieħed u ieħor ħames attenti ta’ suwiċidju. 

Din ir-rata baqgħet bejn wieħed u ieħor l-istess fl-2024 għax bejn Jannar u Ġunju ta’ dik is-sena kien hemm 71 attentat ta’ suwiċidju u 13-il każ ta’ suwiċidju. 

Jidher ukoll illi n-nisa għandhom iktar probabbiltà jipprovaw jieħdu ruħhom b’idejhom imma l-irġiel jwettquh b’iktar “suċċess”. 

Fil-fatt, meta l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Graziella Galea staqsiet lil Abela dwar rapporti ta’ suwiċidju u attentati ta’ suwiċidju, il-Ministru wieġeb, “matul is-sena 2023 kien hemm 27 suwiċidju f’Malta u Għawdex. Minn dawn kien hemm 24 raġel u tliet nisa. Kien hemm 49 raġel u 59 mara li ġew irrappurtati li għamlu attentat ta’ suwiċidju.” 

X’qed isir biex jitnaqqsu s-suwiċidji? 

Minkejja rata ta’ suwiċidji li baqgħet bejn wieħed u ieħor l-istess tul is-snin, il-Ministru tas-Saħħa sostna li l-Gvern qed jagħmel ħiltu biex inaqqas in-numru ta’ suwiċidju. 

Fost il-miżuri tal-Gvern, qed jiġi offrut is-servizz tat-Trattament fid-Dar għar-Riżoluzzjoni ta’ Kriżijiet, fejn jekk persuna tasal fl-Emerġenza tal-isptar Mater Dei bi kriżi mentali, dawn jingħataw għajnuna professjonali immedjata u intensiva għal numru ta’ ġimgħat. 

“Il-persuni jiġu segwiti f’dan il-Unit u fi djarhom fejn jingħataw sapport intensiv sabiex bl-għajnuna tal-professjonisti, isibu l-ħiliet biex itejbu saħħithom, jissuperaw is-sitwazzjonijiet diffiċli fil-ħajja tagħhom u jkomplu jgħixu fil-komunità mingħajr il-bżonn li jkunu rikoverati l-isptar,” qal Abela. 

Apparti minn hekk, jeżisti numru ta’ miżuri oħrajn, inkluż il-helpline 1579 li jopera 24 siegħa kuljum li joffri l-ewwel għajnuna minn tim ta’ professjonisti fil-psikoloġija lil kull min iċempel biex jitkellem fuq sfidi mentali u diffikultajiet tal-ħajja. 

More in Kronaka