Ħidma fil-Parlament dwar id-Dijabete

Din il-ġimgħa tnieda grupp ta’ ħidma Parlamentari dwar id-Dijabete fuq inizjattiva tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. 

Kull żewġ minuti, ċittadin fl-Unjoni Ewropea jitlef ħajtu kaġun tad-dijabete
Kull żewġ minuti, ċittadin fl-Unjoni Ewropea jitlef ħajtu kaġun tad-dijabete

Il-grupp ta’ ħidma informali li hu kompost minn membri miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati jinkludi lil Marlene Farrugia, Deo Debattista u Franco Mercieca min-naħa tal-Gvern u Simon Busuttil, Claudio Grech, Claudette Buttigieg, Marthese Portelli, Frederick Azzopardi, Clyde Puli u Michael Gonzi minn naħa tal-Oppożizzjoni. L-eks Ministru tas-Saħħa Godfrey Farrugia nħatar unanimament bħala President tal-Grupp ta’ Ħidma.

Fl-indirizz tiegħu Busuttil sostna li r-rata ta’ difużjoni ta’ din il-kundizzjoni hija allarmanti u tpoġġi fuq kull Membru Parlamentari responsabbilità kbira li jindirizza l-kundizzjoni b’mod effettiv lejn titjib fil-kwalità tal-ħajja ta’ min huwa milqut bid-dijabete. 

Hu qal li jinsab determinat li flimkien mal-membri sħabu jaħdem fil-qrib ta’ professjonisti u persuni oħrajn fil-qasam tad-dijabete biex jitressqu proposti konkreti lill-gvern għal azzjoni f’dan ir-rigward. Esprima ruħu persważ li jekk kull membru jiġbed ħabel wieħed din il-ħidma kapaċi tiswa mitqlu deheb għal dawn in-nies.

F’Diċembru li għadda Simon Busuttil ġie appuntat Viċi President tal-Global Forum of Parliamentary Champions for Diabetes f’Assemblea li saret f’Melbourne ġewwa l-Awstralja.

Intant, fl-Ewropa biss madwar 32 miljun ċittadin qegħdin ibatu mill-marda tad-dijabete. Miljuni oħrajn qegħdin f’riskju li titfaċċalhom din il-kundizzjoni matul ħajjithom. Kull żewġ minuti, ċittadin fl-Unjoni Ewropea jitlef ħajtu kaġun tad-dijabete. 

F’Malta madwar 10% tal-popolazzjoni qiegħda tbati minn din il-marda apparti oħrajn li għadhom mhux konxji mill-kundizzjoni.

More in Kronaka